22.12.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 462/28
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ottubru 2014 – HX vs Il-Kunsill
(Kawża T-723/14)
(2014/C 462/41)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Partijiet
Rikorrent: HX (Damasku, is-Sirja) (rappreżentant: Stanislav Koev, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat fl-intier tiegħu kif ukoll tiddikjara li l-motivi kollha tieħu huma validi u tilqa’ t-talbiet kollha tiegħu;
—
tawtorizza t-trattament tar-rikors permezz tal-proċedura mħaffa;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/488/PESK tat-22 ta’ Lulju 2014 sa fejn jinkludu lir-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness tal-imsemmija Deċiżjoni 2013/255 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;
—
tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 793/2014 tat-22 ta’ Lulju 2014 sa fejn jinkludu lir-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi Regolament Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur serju tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq
—
L-atti kkontestati ma kinux ġew ikkomunikati lir-rikorrent u dan tal-aħħar ma kien informat b’ebda prova jew indizju serji li setgħu jiġġustifikaw l-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-persuni suġġetti għal sanzjonijiet, u dan minkejja li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Kunsill;
—
Ir-raġunijiet mogħtija fir-rigward tar-rikorrent, fis-sens li huwa “responsabbli għar-repressjoni vjolenti tal-popolazzjoni ċivili” fis-Sirja, la huma ċari u lanqas ma huma kompleti, u huma bbażati fuq suppożizzjonijiet.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
—
L-atti kkontestati fihom biss allegazzjonijiet li ma humiex immotivati.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva
—
It-trasferiment tal-oneru tal-prova fuq il-konvenut, b’tali mod li dan ikollu l-possibbiltà jirrimedja l-atti irregolari u illegali tiegħu, sar b’mod illegali.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill fir-rigward ta’ diversi fatti
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ libertà ekonomika
—
Permezz tal-atti kkontestati, ir-rikorrent ġie mċaħħad b’mod illegali mill-possibbiltà li juża l-proprjetà tiegħu mingħajr interferenzi.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal kundizzjonijiet ta’ ħajja normali peress li l-atti kkontestati jmorru kontra l-projbizzjoni ta’ pieni jew trattament inumani jew degradanti prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
7.
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur serju tad-dritt għal reputazzjoni rrikonoxxut fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem peress li l-inklużjoni tar-rikorrenti fl-atti kkontestati ppreġudikat b’mod illegali r-reputazzjoni tar-rikorrent f’għajnejn il-komunità u l-imsieħba tiegħu.
Full & Egal Universal Law Academy