12.1.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 7/38
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Ottubru 2014 – ECFA u IEP vs Il-Kummissjoni u EACEA
(Kawża T-724/14)
(2015/C 007/43)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: European Childrens Fashion Asociation (ECFA) (Valencia, Spanja) u Instituto de Economía Pública, SL (IEP) (Valencia) (rappreżentant: A. Haegeman, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea u L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA)
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;
—
tannulla d-deċiżjoni – ittra informali – tal-1/8/2014 kif ukoll in-nota ta’ debitu Nru 3241401420 tal-5 ta’ Awwissu 2014;
—
tikkundanna lill-parti l-oħra sabiex tannulla n-nota ta’ debitu tagħha Nru 3241401420 tal-5 ta’ Awwissu 2014 bħala kuntrarja għad-dispożizzjonijiet kuntrattwali, legali u leġiżlattivi;
—
tiddikjara d-deċiżjoni – ittra informali tal-1/8/2014 kif ukoll in-nota ta’ debitu Nru 3241401420 tal-5 ta’ Awwissu 2014 kuntrarji għall-obbligi kuntrattwali tal-konvenuta u tiddikjaraha nulla u mingħajr effett;
—
mill-inqas tiddikjara infondat id-dejn li rriżulta bin-nota ta’ kreditu Nru 3241401420;
—
sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tan-nota ta’ debitu Nru 3241401420;
—
sa fejn meħtieġ, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet tal-partijiet kollha, jinħatar espert, skont l-Artikoli 63 u 64 tar-Regoli tal-Proċedura;
—
tirrifjuta lill-parti l-oħra kull talba ta’ ħlas ta’ din in-nota ta’ debitu Nru 3241401420 u sa fejn meħtieġ tikkundannaha tħallas lura lir-rikorrenti kull ammont li l-Kummissjoni kisbet il-ħlas tiegħu sew jekk b’mod dirett sew jekk bi tpaċija, u dan b’mod prinċipali, flimkien mal-interessi u aċċessorji eventwali;
—
sa fejn meħtieġ u sa fejn il-ksur kuntrattwali mwettaq mill-parti l-oħra kkawża dannu lir-rikorrenti, tikkundanna lill-parti l-oħra sabiex tikkumpensa lir-rikorrenti, b’mod partikolari u sa fejn inkisbu ħlasijiet jew tpaċijiet mingħand ir-rikorrenti billi din ġiet ikkundannata tħallas lura;
—
tinforma lir-rikorrenti li attwalment dan l-aħħar kap tat-talba huwa limitat għal EUR 1 b’mod provviżorju fuq ammont ta’ EUR 82 378,81 suġġett għal żieda jew tnaqqis fil-mori tal-kawża, u b’riżerva għal żieda minħabba interessi kumpensatorji, mill-inqas interessi konvenzjonali applikati fuq il-kuntratt, jiġifieri 3,65 %;
—
tikkundanna lill-parti l-oħra għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligi kuntrattwali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ġenerali tal-obbligu ta’ kura u tal-obbligu ta’ proporzjonalità, fuq użu ħażin ta’ poter, fuq ksur tal-obbligu ta’ lealtà u ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti, fuq ksur tal-Artikolu II.19.3 tal-kuntratt “grant agreement” u fuq ksur tal-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tar-regoli ġenerali ta’ interpretazzjoni tal-kuntratti, sa fejn id-deċiżjoni li jiġi rikjest il-ħlas lura ta’ parti mill-ammont imħallas lill-ECFA tibbaża ruħha biss fuq ir-riżultati tal-verifika, mingħajr ġustifikazzjoni oħra.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-kuntradittorju u tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tar-regoli ġenerali ta’ interpretazzjoni tal-kuntratti, sa fejn l-ECFA ma ġietx mistiedna mill-ġdid sabiex tippreżenta d-dokumenti sabiex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà tal-ispejjeż ikkontestati minkejja li ġiet imġiegħla taħseb li setgħet tagħmel dan fi stadju ulterjuri tal-proċedura.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligi kuntrattwali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ġenerali tal-obbligu ta’ kura u tal-obbligu ta’ proporzjonalità, fuq użu ħażin ta’ poter, fuq ksur tal-obbligu ta’ lealtà u ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti kif ukoll tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw il-kuntratt ta’ sussidju konkluż u b’mod iktar partikolari, fuq ksur tal-Artikolu II.14 tal-kuntratt “grant agreement”, tal-prinċipji ġenerali li jirregolaw verifika, tal-prinċipju tal-eżekuzzjoni ta’ bona fide tal-kuntratti u fuq il-projbizzjoni tal-applikazzjoni abbużiva tal-klawżoli kuntrattwali kif ukoll tal-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tar-regoli ġenerali ta’ interpretazzjoni tal-kuntratti.
Ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuti jsostnu d-dritt li jinterpretaw il-kuntratt inkwistjoni kif iridu u mingħajr ma josservaw id-dispożizzjonijiet espressi li jipprevedu l-obbligu ta’ sussidju tas-servizzi realment imwettqa u l-ispejjeż eliġibbli.
Full & Egal Universal Law Academy