12.1.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 7/40
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ottubru 2014 – PAN Europe u Unaapi vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-729/14)
(2015/C 007/45)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Pesticide Action Network Europe (Brussell, il-Belġju); u Unione nazionale associazioni apicoltori italiani (Unaapi) (Castel San Pietro Terme, l-Italja) (rappreżentant: B. Kloostra, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Awwissu 2014, Ares(2014)2589479, innotifikata lir-rappreżentant tar-rikorrenti fis-6 ta’ Awwissu 2014, b’risposta għat-talba għat-tnaqqis tal-livelli massimi ta’ residwu (MRLs) għas-sustanza attiva imidakloprid f’dak li jirrigwarda l-għasel, it-trab tad-dakra u l-ħalib tal-għasel, imressqa mir-rikorrenti fl-10 ta’ Jannar 2013 skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 396/2005 (1); u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed, ibbażat fuq l-allegazzjoni li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma aġixxietx konformement mar-Regolament Nru 396/2005, b’mod partikolari mal-Artikolu 3 tiegħu u/jew flimkien mal-Artikolu 14(1) u (2)(a), (ċ) u (d) tal-imsemmi regolament, u b’hekk aġixxiet b’mod illegali.
—
Ir-rikorrenti jargumentaw li r-Regolament Nru 396/2005 jeżiġi li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni s-saħħa tal-annimali meta tiddeċiedi fuq talba għall-iffissar jew għall-modifika ta’ MRL skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. Għalhekk, il-Kummissjoni aġixxiet illegalment meta ddeċidiet li ma tilqax it-talba tar-rikorrenti għat-tnaqqis tal-MRLs għall-imidakloprid.
—
Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, skont id-definizzjoni ta’ MRL fl-Artikolu 3(2)(d) tar-Regolament Nru 396/2005, il-MRLs għandhom jiġu ffissati abbażi ta’ “l-inqas espożizzjoni tal-konsumatur neċessarju sabiex il-konsumaturi vulnerabbli jkunu protetti” u ta’ “prattika agrikola tajba”. Mill-Artikolu 3(2), mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 14(2)(a) u (d) tar-Regolament Nru 396/2005 jirriżulta li l-Kumissjoni messha ħadet inkunsiderazzjoni, għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-tagħrif xjentifiku u tekniku disponibbli dwar l-effetti tal-imidakloprid fuq in-naħal tal-għasel u l-kolonji tagħhom. Minn dawn id-dispożizzjonijiet – u b’mod partikolari mill-Artikolu 14(2)(d) tar-Regolament Nru 396/2005 – jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod illegali meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 485/2013 (2) bħala deċiżjoni “[għall-modifika tal-użi tal-]prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti”.
(1) Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Frar 2005, dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, p. 1).
(2) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 485/2013, tal-24 ta’ Mejju 2013, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi klotijanidin, tijametossam u imidakloprid u li jipprojbixxi l-użu u l-bejgħ taż-żerriegħa trattata bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawk is-sustanziattivi (ĠU L 139, p. 12).
Full & Egal Universal Law Academy