22.12.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 462/30
Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Novembru 2014 – Meta Group vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-744/14)
(2014/C 462/43)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Meta Group Srl (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: A. Bartolini u A. Formica, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-obbligi finanzjarji li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ sussidji msemmija iktar ’il quddiem li jammontaw għal EUR 5 66 377,63, fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet dovuti u mhux imħallsa, kif ukoll tiddikjara n-natura illegali tat-tpaċċija li saret fir-rigward tal-pretensjonijiet tar-rikorrenti.
—
konsegwentement, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas, lir-rikorrenti, tal-ammont imsemmi iktar ’il fuq ta’ EUR 5 66 377,63, flimkien mal-interessi moratorji u r-rivalutazzjoni monetarja;
—
ulterjorment, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas kumpens għad-danni subiti mir-rikorrenti, li jammontaw għal EUR 8 15 000 jew għal ammont ikbar jekk il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq fi tmiem dawn il-proċeduri, anki fir-rigward tad-dannu gravi li jirriżulta mill-illegalità tat-tpaċċija msemmija iktar ’il fuq.
Motivi u argumenti prinċipali
Is-suġġett ta’ dan ir-rikors huwa l-allegat ksur min-naħa tal-konvenuta tal-kuntratti ta’ take-it-up (Nru 245637), Bcreative (Nru 255599) u Ecolink+ (Nru 256224), konklużi fl-ambitu tal-“Ħames u s-Sitt Programm Qafas ta’ Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea”.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tar-regoli kuntrattwali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz fis-siegħa tal-persuni li jipprovdu servizz (ksur tal-Artikolu II.19(1)(d) tal-Anness II tal-kuntratti ta’ sussidju).
—
Il-Kummissjoni, fid-determinazzjoni tal-prezz fis-siegħa tal-persuni li jipprovdu servizz, aġixxiet bi ksur tal-Artikolu II.19(1)(d) tal-Anness II, fejn huwa pprovdut li l-konstatazzjoni tal-prezz tal-persuni li jipprovdu servizz, fil-kapaċità tagħhom bħala professjonisti li jipprovdu s-servizzi tagħhom għall-eżekuzzjoni tal-proġett li qed jiġi ssussidjat, skont il-kuntratti stipulati inter partes, għandha ssir billi jiġu applikati r-regoli tal-Istat Membru li fih il-benefiċjarju jiżvolġi l-attivitajiet tiegħu.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tar-regoli kuntrattwali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz fis-siegħa tal-persuni li jipprovdu s-servizz (ksur tal-Artikolu II.19(1)(b) tal-Anness II tal-kuntratti ta’ sussidju).
—
Il-Kummissjoni, fid-determinazzjoni tal-prezz fis-siegħa tal-persuni li jipprovdu servizz, aġixxiet ukoll bi ksur tal-Artikolu ii.19(1)(b) tal-kuntratti ta’ sussidju, fejn huwa pprovdut li l-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu ddeterminati abbażi tal-prinċipji ġenerali [ta’ kontabbiltà] fis-seħħ fiż-żmien meta ġie ffirmat il-kuntratt. B’mod partikolari, ir-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għall-parametri previsti għall-programmi “Marie Curie” huwa għal kollox mhux xieraq u arbitrarju, peress li jirreferi għal regoli li daħlu fis-seħħ biss fl-2011 u, barra minn hekk, japplikaw esklużivament għall-Programm FP7, u, bħala tali, ma kienx fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti inkwistjoni f’din il-kawża.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-provvedimenti kuntrattwali tal-Artikolu I.11 (“Other special conditions”) tal-kuntratt ta’ sussidju tal-proġett ta’ Take it up.
—
B’riferiment speċifiku għall-kuntratti tal-programm CIP u, b’mod partikolari, tal-kuntratt dwar il-proġett Take it up, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu I.11, inkwantu din tal-aħħar naqset konstantement milli tadotta deċiżjoni formali jew impliċita ta’ ċaħda tal-metodoloġija proposta minn META għall-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kuntrattwali.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-Artikolu II.19(1)(b) tal-Anness II tal-kuntratti ta’ sussidju fir-rigward tal-kwalifika bħala “subkuntratt” tar-relazzjoni tax-xogħol stabbilita mal-esperti li kkollaboraw mal-kumpannija rikorrenti.
—
Il-Kummissjoni kienet għal darb’oħra fi ksur fir-rigward tal-Artikolu II.19(1)(b), sa fejn naqset b’mod żbaljat milli tapplika fil-konfront tal-esperti impjegati minn META fl-eżekuzzjoni tal-proġetti ssussidjati, il-kriterji u l-prinċipji ta’ għoti ta’ rendikont marbuta mal-“intra muros consultants”, skont id-definizzjoni pprovduta mill-istess Kummissjoni, fil-Linji gwida finanzjarji tal-Ħames u tas-Sitt Programm Qafas.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-Artikolu II.19(1)(b) tal-Anness II tal-kuntratti ta’ sussidju fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ spejjeż indiretti relatati mal-“in house consultants”.
—
Il-Kummissjoni kienet għal darb’oħra fi ksur tal-Artikolu II.19(1)(b) tal-Anness II, speċifikament fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali ta’ għoti ta’ rendikont imsemmija preċedentement, ġaladarba ma osservatx il-prinċipji ġenerali fil-qasam tal-kwalifika ta’ spejjeż indiretti relatati mal-“in house consultants”.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur min-naħa tal-Kummissjoni tar-regoli u tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ bona fide, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.
—
L-aġir inattiv tal-Kummissjoni kien tali li ġġenera fi ħsieb ir-rikorrenti aspettattiva leġittima fir-rigward tal-korrettezza tal-metodoloġiji proposti minnha, fejn minħabba f’hekk atti suċċessivi ta’ rkupru/tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet dovuti għandhom jitqiesu li ġew adottati bi ksur tal-prinċipju ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tar-regoli li jinsabu fil-Kodiċi ta’ kondotta amministrattiva tajba u, b’mod partikolari, tar-regoli ta’ proporzjonalità, tad-dritt għal informazzjoni, tad-dritt ta’ smigħ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
—
Il-Kummissjoni ma pprovdietx lil META l-informazzjoni mitluba, ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet meħuda u fi kwalunkwe każ adottat deċiżjoni sproporzjonata, inkwantu l-għanijiet kollha tal-proġett intlaħqu fil-ħin mir-rikorrenti.
8.
It-tmien motiv ibbażat fuq ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-obbligu li tikkomunika lil META l-kontribuzzjonijiet previsti mill-kuntratti ta’ sussidju għat-twettiq tal-proġetti ffinanzjati.
—
Għalhekk, il-Kummissjoni wettqet ksur fir-rigward tal-obbligu kuntrattwali ta’ komunikazzjoni tal-kontribuzzjoni dovuta, abbażi tal-kuntratti ta’ sussidju, fir-rigward tal-attività deskritta minn META għat-twettiq tal-għanijiet previsti mill-Proġetti. Dawn il-kontribuzzjonijiet mhux imħallsa jammontaw għal EUR 5 6 6 37 763.
9.
Id-disa’ motiv ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-Artikolu 80 tar-Regolament UE Nru 966/2012 fir-rigward tat-tpaċija tad-dejn fil-konfront ta’ META.
—
Il-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tar-regola stabbilita fl-Artikolu 80 tar-Regolament UE Nru 966/2012, fejn huwa previst li t-tpaċija bejn id-debiti u l-krediti fil-konfront tal-istituzzjonijiet Ewropej hija permessa biss fejn dawn il-krediti huma likwidi, ċerti u eżiġibbli, filwaqt li l-krediti mpaċija mill-Kummissjoni, ġaladarba huma kkontestati, jirriżultaw li huma neqsin min-natura taċ-“ċertezza”.
10.
L-għaxar motiv ibbażat fuq il-kumpens għat-telf finanzjarju mġarrab mir-rikorrenti.
—
Il-ksur tal-obbligi kuntrattwali imposti fuq il-Kummissjoni, barra minn hekk, ta lok għal preġudizzju partikolarment gravi u inġust fil-konfront ta’ META, taħt forma ta’ damnum emergens, ikkwantifikat, abbażi tal-perizzja anessa mar-rikors, għal EUR 8 15 000 minbarra d-dannu li jirriżulta mill-atti ta’ tpaċija mwettqa b’mod illegali mill-Kummissjoni nnifisha.
Full & Egal Universal Law Academy