26.1.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 26/39
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2014 – L-Italja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-770/14)
(2015/C 026/50)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: P. Gentili, avvocato dello Stato, u G. Palmieri, aġent)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla n-nota tal-11 ta’ Settembru 2014 Ref Ares (2014) 2975571 li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea kkomunikat lir-Repubblika Taljana d-diżimpenn awtomatiku fil-31 ta’ Diċembru 2013 ta’ riżorsi relatati mal-obbligi taħt l-ERDF imsemmija fil-Programm ta’ Kooperazzjoni Transkofinali Italja-Malta 2007-2013; u, filwaqt li tiddeċiedi fil-mertu, tiddikkjara l-ammissibbiltà tal-ispejjeż u tat-talbiet għall-ħlas li huma s-suġġett tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE
—
Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li fid-deċiżjoni kkontestata, billi qalet fi ftit kliem li l-iżball fit-titolu tad-deċiżjoni ta’ emenda tal-31 ta’ Diċembru 2012 ma kellu l-ebda effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni stess u fuq l-implementazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra r-relevanza tal-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ nfiq meħuda mir-Regione kellhom jiġu kkontrollati minn qabel mill-Qorti tal-Awdituri, li bejn il-mument meta ġiet imħabbra l-emenda u l-implementazzjoni tagħha laħqu għaddew erba’ xhur mingħajr ma ngħataw raġunijiet, li dan seta’ jdaħħal id-dubju li l-emenda li kellha ssir kienet ikbar minn dik li kienet tħabbret bħala sempliċi emenda għat-titolu tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Diċembru 2012, u li l-Qorti tal-Awdituri kkonfermat li l-operat tar-Regione, li naqset milli tadotta l-impenni qabel ma tkun taf uffiċjalment l-emenda (fit-28 ta’ Marzu 2013), kien korrett, u b’hekk tat x’wieħed jifhem li l-operat oppost kien ikun skorret.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tas-sħubija fl-amministrazzjoni tal-fondi strutturali u tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej, u tal-prinċipju tar-rispett tal-identità kostituzzjonali tal-Istati Membri.
—
Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni naqset milli tikkoopera mal-Istat Membru sabiex dan ikun jista’ jimplementa l-programm operattiv bl-iktar mod effettiv, mingħajr ma jaqa’ fi skwalifikazzjonijiet; u li naqset milli tikkunsidra l-obbligi proċedurali ta’ kontrolli interni, b’mod partikolari tal-Qorti tal-Awdituri, li l-Istat inkwistjoni kellu jkun suġġett għalihom.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 96(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999
—
Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li s-sitwazzjoni li nħolqot f’dan il-każ kienet tikkostitwixxi fil-fatt każ ta’ forza maġġuri li kienet timpedixxi t-tressiq tat-talba għall-ħlas relatata mal-proġetti relatati mad-deċiżjoni ta’ emendar. Huwa b’hekk li l-iżball inizjali mwettaq mill-Kummissjoni meta nnotifikat tali deċiżjoni, il-wegħda immedjatament wara għal korrezzjoni ta’ malajr limitata għat-titolu, is-silenzju li minflok żammet għal erba’ xhur, li jħalli lil wieħed jaħseb li hemm żbalji oħrjan, iktar sostanzjali li għandhom jiġu korretti, ipprekludew b’mod assolut lill-amministrazzjoni nazzjonali milli ssegwi l-proċedura ta’ amministrazzjoni tal-proġetti sat-talba għal ħlas.
4.
Fl-aħħar nett, bħala r-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Full & Egal Universal Law Academy