19.1.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 16/45
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2014 – Musso vs Il-Parlament
(Kawża T-772/14)
(2015/C 016/69)
Lingwa tal-kawża: il-Franciż
Partijiet
Rikorrent: François Musso (Ajaccio, Franza) (rappreżentant: A. Gross, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tilqa’ dan ir-rikors u tiddikjarah fondat;
—
tannula d-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2014;
—
prinċipalment, fuq il-bażi tal-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli li jaffettwa, skont il-każ, l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża;
—
jew, fuq il-bażi tal-irregolarità formali għal nuqqas ta’ eżattezza u ta’ ċertezza tad-dejn;
—
sussidjarjament, tordna li dan ir-rikors jingħaqad mar-rikors Musso kontra l-Parlament Ewropew (NruoReġistru 633447, Nru KawżaoT-589/14) tat-8 ta’ Awwissu 2014;
—
b’mod iktar sussidjarju, tannulla d-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2014 affettwata u mnissla mid-deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2014 li għaliha stess huwa mitlub l-annulament fir-rikors tat-8 ta’ Awwissu 2014 (Musso vs Il-Parlament Ewropew, Nru Reġistru 633447, NruoKawża T-589/14);
—
fuq il-bażi tal-irregolarità formali għal nuqqas tal-firma tal-President tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2014;
—
jew fuq il-bażi tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża għall-assenza ta’ reklamar tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 1996 li sservi ta’ bażi għad-deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2014;
—
jew fuq il-bażi tal-insuffiċjenza ta’ motivi tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2014;
—
jew fuq il-bażi tal-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli li jaffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża;
—
jew fuq il-bażi tal-ksur tal-prinċipju ta’ dritt miksub;
—
tirriżerva lir-rikorrent kwalunkwe dritt, dak kollu dovut, mezzi u azzjonijiet oħra għall-infurzar;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha tal-istanza.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka/tinvoka tmien motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli li jaffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, sa fejn id-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2014, jiġifieri n-nota ta’ debitu kkontestata, inħarġet tnax-il sena wara li l-Parlament ikkonstata d-dejn tiegħu fil-konfront tar-rikorrent.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq irregolarità formali tan-nota ta’ debitu kkontestata, sa fejn id-dejn tal-Parlament la huwa ċert u lanqas eżatt fis-sens tal-Artikolu 81 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nruo1268/2012 (1) u ma jistax, barra minn hekk, jiġi vverifikat.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq irregolarità formali tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2014, li warajha nħarġet in-nota ta’ debitu kkontestata, sa fejn l-imsemmija deċiżjoni ma ġietx iffirmata mill-President tal-Parlament skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, sa fejn id-deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 1996 li serviet bħala bażi għad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tas-26 ta’ Ġunju 2014, ma ġietx ippubblikata, bi ksur tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivi tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tas-26 ta’ Ġunju 2014.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, peress li l-Parlament stenna tmien snin qabel ma beda l-proċedura ta’ irkupru kontra r-rikorrent.
8.
It-tmien motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ dritt miksub, sa fejn id-deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2014, li warajha nħarġet in-nota ta’ debitu kkontestata, tqiegħed inkwistjoni d-drittijet għall-pensjoni li r-rikorrent kiseb fit-3 ta’ Awwissu 1994.
(1) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy