2.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 73/40
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Diċembru 2014 – Bourdouvali et vs Il-Kunsill et
(Kawża T-786/14)
(2015/C 073/52)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Eleni Pavlikka Bourdouvali (Meneou, Ċipru) u 47 rikorrent ieħor (rappreżentant: P. Tridimas, Barrister)
Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea rrappreżentati mill-Kummissjoni Ewropea, Eurogroup irrappreżentat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
—
tordna lill-konvenuti jħallsu lir-rikorrenti s-somom indikati fl-Iskeda annessa mar-rikors flimkien mal-interssi mis-16 ta’ Marzu 2013 sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;
—
tordna lill-konvenuti jħallsu l-ispejjeż.
Alternattivament, u b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja joġgħobha:
—
tiddikjara li l-Unjoni Ewropea u/jew l-istituzzjonijiet konvenuti sostnew responsabbiltà mhux kuntrattwali;
—
tistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi stabbilit id-dannu effettivament subit mir-rikorrenti;
—
tordna lill-konvenuti jħallsu l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti (48 fit-total) huma depożitarji u/jew azzjonisti u/jew detenturi ta’ bonds tal-Bank of Cyprus Public Company Ltd u/jew tas-Cyprus Popular Bank Public Co. Ltd. Huma qed jitolbu skont l-Artikoli 340(2) u 340(3) TFEU, li jirregolaw r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-UE, għad-dannu li huma soffrew minħabba l-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet konvenuti li jimponu skema ta’ bail-in fuq ir-Repubblika ta’ Ċipru.
Ir-rikorrenti jqisu li l-istituzzjonijiet konvenuti adottaw skema ta’ bail-in għar-Repubblika ta’ Ċipru li wasslet direttament għat-telf tad-depożiti u tal-azzonijiet tagħhom. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-miżuri ta’ bail-in adottati mir-Repubblika ta’ Ċipru kienu introdotta biss sabiex jimplimentaw miżuri adottati mill-konvenuti u kienu approvati wkoll mill-istituzzjonijiet konvenuti.
Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-iskema ta’ bail-in tikser id-dritt għall-proprjetà, kif stabbilit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u mill-Artikolu 1 tal-Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Ir-rikorrenti jargumentaw ukoll li l-iskema ta’ bail-in tikser ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy