23.2.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 65/38
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2014 – MPF Holdings vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-788/14)
(2015/C 065/52)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: MPF Holdings (St Helier, Jersey) (rappreżentanti: J. Piccinin u E. Whiteford, Barristers, u E. Gibson-Bolton, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata; u
—
tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors tagħha r-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 5083 finali, tat-23 ta’ Lulju 2014, fil-każ SA.35980 (2014/N-2) – Ir-Renju Unit, Electricity Market Reform – Capacity Market.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka fuq motiv wieħed li permezz tiegħu tallega li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod illegali lil MPF mid-dritt tagħha li tipparteċipa fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi naqset milli tiftaħ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFEU u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Proċedurali, minkejja li l-kapaċità tas-suq tagħti lok għal dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq interna. Ir-rikorrenti ssostni li:
—
d-disponibbiltà diskriminatorja ta’ kuntratti għal żmien twil ma tistax tiġi ġġustifikata b’riferiment għall-għan leġittimu li jinkiseb l-ammont neċessarju tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni;
—
il-Kummissjoni naqset milli tinvestiga b’mod adegwat il-probabbli effetti tad-disponibbiltà diskriminatorja ta’ kuntratti għal żmien twil dwar l-effiċjenza tal-kapaċità tas-suq u dwar il-proprjetarji ta’ installazzjonijiet eżistenti;
—
il-Kummissjoni naqset milli tinvestiga b’mod adegwat l-allegata ġustifikazzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit għal kuntratti għal żmien twil diskriminatorji, speċifikament li produtturi indipendenti li jeħtieġu l-finanzjament ta’ proġett jeħtieġu kuntratti għal żmien twil;
—
il-Kummissjoni naqset milli tiġġustifika jew milli tinvestiga b’mod adegwat il-probabbli effetti tad-distinzjoni diskriminatorja bejn min jakkwista l-prezz u min jagħmel il-prezz.
Full & Egal Universal Law Academy