2.2.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 34/42
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2014 – Hassan vs Il-Kunsill
(Kawża T-790/14)
(2015/C 034/50)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Samir Hassan (Damas, is-Sirja) (rappreżentant: L. Pettiti, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla, abbażi tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE):
—
id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/678/PESK, tas-26 ta’ Settembru 2014, li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, sa fejn hija tinkludi lil Samir Hassan fil-lista li tinsab fl-Anness tal-imsemmija Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, tal-31 ta’ Mejju 2013, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;
—
ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1013/2014, tas-26 ta’ Settembru 2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, sa fejn huwa jinkludi lil Samir Hassan fil-lista li tinsab fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;
—
taqta’ u tiddeċiedi li l-effetti tal-atti annullati ser ikunu definittivi;
—
tikkumpensa, abbażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE, id-dannu kkawżat lil S. Hassan permezz tat-teħid ta’ tali miżuri restrittivi kontrih u, għal dan il-għan:
—
tirrikonoxxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għad-dannu materjali mġarrab u futur u għad-dannu morali;
—
talloka lil S. Hassan s-somma ta’ EUR 2 50 000 fix-xahar, mill-1 ta’ Settembru 2011 sabiex jiġi kkumpensat d-dannu materjali mġarrab;
—
talloka lil S. Hassan s-somma ta’ EUR 1 simboliku għad-dannu morali mġarrab;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkumpensa d-dannu materjali futur;
—
f’kull każ, tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest tal-Kunsill fl-evalwazzjoni tal-fatti u fuq żball ta’ liġi li minnu jirriżulta, billi l-Kunsill reġa’ niżżel isem ir-rikorrent fil-lista ta’ persuni u entitajiet li fil-konfront tagħhom japplikaw il-miżuri restrittivi abbażi ta’ motivi mhux stabbiliti b’mod suffiċjenti fid-dritt.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza tar-rikorrent.
4.
Ir-raba’ motiv dwar il-kumpens għad-dannu li r-rikorrent allegatament ġarrab minħabba l-miżuri illegali meħuda kontrih mill-Kunsill.
Full & Egal Universal Law Academy