9.2.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 46/57
Appell ippreżentat fil-5 ta’ Diċembru 2014 minn Eric Vanhalewyn mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-25 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża 101/13 – Osorio et vs SEAE
(Kawża T-792/14 P)
(2015/C 046/73)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Eric Vanhalewyn (Grand Baie, il-Mawrizju) (rappreżentanti: S. Orlandi u T. Martin, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża F-87/12 (Osorio vs SEAE);
—
tiddeċiedi permezz ta’ dispożittiv ġdid fis-sens li:
—
id-deċiżjoni kkontestata hija annullata;
—
is-SEAE huwa kkundannat għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Mir-rikors tal-appell jirriżulta li l-appellant qiegħed jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tielet Awla), tal-25 ta’ Settembru 2014, mogħtija fil-Kawża F-101/13, Osorio et vs SEAE.
Insostenn tal-appell, l-appellant jinvoka tliet aggravji.
1.
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li allegatament wettaq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta qies, minn naħa, li l-ommissjoni, mis-SEAE, li jadotta dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni (iktar ’il quddiem “DĠI”) tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) kienet iġġustifikata mill-fatt li s-SEAE kien għadu jinsab, fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ din id-dispożzzjoni, f’perijodu ta’ aġġustament u, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li jiġu adottati DĠI jista’ jiġi invokat b’mod effettiv mill-appellant biss jekk dan juri li l-Awtorità tal-Ħatra applikat din id-dispożizzjoni b’mod arbitrarju.
2.
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li allegatament wettaq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta qies li s-SEAE kien immotiva d-deċiżjoni kkontestata b’mod validu minkejja li r-raġunijiet li kienu wasslu lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tinjora l-opinjoni negattiva tal-Kumitat tal-Persunal ma kinux ġew esposti.
3.
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li allegatament wettaq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta qies li l-Awtorità tal-Ħatra setgħet, fl-assenza ta’ DĠI, tieħu inkunsiderazzjoni parametri differenti minn dawk previsti fir-Regolamenti tal-Persunal sabiex tevalwa l-intensità tad-diffikultà tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-postijiet fejn ikunu assenjati l-membri tal-persunal barra mill-Unjoni Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy