16.2.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 56/25
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Diċembru 2014 – Philip Morris vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-800/14)
(2015/C 056/36)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Philip Morris Ltd (Richmond, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: K. Nordlander u M. Abenhaïm, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ares (2014) 3188066, tad-29 ta’ Settembru 2014, sa fejn din tirrifjuta li tagħti lir-rikorrenti aċċess sħiħ għad-dokumenti mitluba, bl-eċċezzjoni, madankollu, tad-data personali emendata li tinsab fihom;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni Ares (2014) 3188066, tad-29 ta’ Settembru 2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti aċċess sħiħ għal disa’ dokumenti interni redatti fil-kuntest tax-xogħlijiet preparatorji li wasslu għall-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati (1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi separati.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ma spjegatx – għal kull dokument – liema kienet l-eċċezzjoni rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar it-trasparenza”) li hija applikat u abbażi ta’ liema ċirkustanzi u kunsiderazzjonijiet fattwali. Billi bbażat ruħha fuq l-istess argumenti ġenerali sabiex tiġġustifika r-rifjut tagħha għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji u ta’ pariri legali, il-Kummissjoni ma esponietx il-motivazzjoni għaliex l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jimmina “konkretament u effettivament” kull wieħed minn dawn l-intreressi. B’mod iktar speċifiku, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax jekk il-ġustifikazzjoni invokata għall kull rifjut rilevanti hijiex il-“proċeduri ġudizzjarji” jew inkella l-“parir legali”.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar it-trasparenza billi ma wrietx kif żvelar f’kull każ jimmina “konkretament u effettivament” il-protezzjoni tal-“pariri legali” u tal-“proċeduri ġudizzjarji”. F’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-“pariri legali”, il-ġustifikazzjonijiet astratti kollha tal-Kummissjoni ġew miċħuda mill-ġurisprudenza u l-Kummissjoni ma tipprovdi ebda spjegazzjoni konkreta li turi għaliex, f’dan il-każ, żvelar totali tad-dokumenti mitluba jimmina “konkretament u effettivament” il-protezzjoni tal-pariri legali. F’dak li jirrigwarda l-“proċeduri ġudizzjarji”, il-Kummissjoni lanqas ma tispjega, b’mod konkret, għaliex żvelar jimmina “konkretament u effettivament” il-protezzjoni tal-“proċeduri ġudizzjarji”. A fortiori, il-Kummissjoni ma wettqitx evalwazzjoni preċiża u speċifika sabiex tiddetermina jekk interess pubbliku superjuri jistax jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament dwar it-trasparenza billi ma wrietx li d-dokumenti/reviżjonijiet rilevanti kienu jinkludu “opinjonijiet għal użu intern”, billi ma spjegatx kif żvelar ta’ dawn id-dokumenti jimmina “konkretament u effettivament” il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali u billi ma bbilanċjatx b’mod xieraq l-interess invokat meta mqabbel mal-interess pubbliku superjuri rrappreżentat mill-iżvelar.
(1) Id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE, ĠU L 127, p. 1.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331
Full & Egal Universal Law Academy