23.2.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 65/42
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2014 – BSCA vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-818/14)
(2015/C 065/58)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Brussels South Charleroi Airport (BSCA) (Charleroi, il-Belġju) (rappreżentant: P. Frühling, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li l-miżuri implementati illegalment mill-Belġju, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, favur BSCA abbażi tal-ftehim ta’ sub-konċessjoni tal-15 ta’ April 2002 bejn SOWAER u BSCA u tal-emenda Nru 3 tad-29 ta’ Marzu 2002 għall-ftehim bejn ir-région wallonne u BSCA, kif ukoll abbażi tad-deċiżjoni ta’ investiment tar-région wallonne tat-3 ta’ April 2003, jikkostitwixxu, mill-4 ta’ April 2014, għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat imsemmi;
—
konsegwentement, tannulla l-Artikoli 4, 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Bir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 6849 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2014, dwar il-miżuri implementati mill-Belġju favur Brussels South Charleroi Airport (BSCA) u Ryanair [għajnuna mill-Istat SA.14093 (C76/2002)], li biha l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri implementati abbażi (i) tal-ftehim ta’ sub-konċessjoni ta’ dominju pubbliku, tal-15 ta’ April 2002, konkluż bejn is-Société wallonne des aéroports (iktar ’il quddiem is-“SOWAER”) u BSCA, (ii) tal-emenda Nru 3, tad-29 ta’ Marzu 2002, għall-ftehim bejn ir-région wallonne u BSCA, kif ukoll (iii) tad-deċiżjoni ta’ investiment tar-région wallonne, tat-3 ta’ April 2003, li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. Konsegwentement, il-Kummissjoni talbet l-irkupru tagħhom.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-iffissar tad-data tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-finanzjamenti mir-région wallonne lil BSCA.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni tal-Kummissjoni, sa fejn il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri inkwistjoni inbdiet iktar minn għaxar snin wara d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dawn il-miżuri.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni kkwalifikat ekonomiċi l-investimenti u t-tiswijiet kbar relattivi għas-sistema ILS (Instrument Landing System; sistema ta’ inżul bl-istrumenti) u għad-dwal tar-runway.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ fatt u żball manifest ta’ evalwazzjoni, kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni qieset li l-perċentwali tal-infiq għall-investimenti ta’ natura mhux ekonomika mwettqa għat-terminal il-ġdid tal-ajruport kienet ta’ 7 % biss.
5.
Il-ħames u s-sitt motivi bbażati fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt, kif ukoll fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-valuri attwarjali netti tal-miżuri inkwistjoni.
6.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żball ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet addizzjonali li għandhom jitħallsu mill-1 ta’ Jannar 2016, liema ħaġa għandha l-konsegwenza li tirrendi impossibbli kull kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni msemmija.
7.
It-tmien motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, imwettqa mill-Kummissjoni fl-eżami tas-suq inkwistjoni u tal-allegati distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn l-ajruport ta’ Charleroi u l-ajruport ta’ Bruxelles National.
8.
Id-disa’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.
Full & Egal Universal Law Academy