16.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 89/31
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2014 – Mezhdunaroden tsentar za izsledvane na maltsinstvata i kulturnite vzaimodeystvia vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-819/14)
(2015/C 089/37)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Partijiet
Rikorrenti: il-fondazzjoni “Mezhdunaroden tsentar za izsledvane na maltsinstvata i kulturnite vzaimodeystvia” (Sofija, il-Bulgarija) (rappreżentant: Hristo Hristev, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-att tal-Kummissjoni Ewropea li jinsab fl-ittra tagħha bin-numru ta’ referenza ARES (2014) 2848632-01/09/2014 u fin-nota ta’ debitu annessa ma’ din l-ittra, bin-numru 3241409948 u bin-numru ta’ referenza tal-Kummissjoni ARES (2014) 2848632-01/09/2014;
—
tirrimborsa lir-rikorrenti l-ispejjeż sostnuti minnha matul il-proċedura;
—
sussidjarjament, fil-każ li t-talba għal annullament tiġi miċħuda, tikkundanna lill-konvenuta, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tirrimborsa lir-rikorrenti l-ispejjeż sostnuti minn dan tal-aħħar sa fejn il-konvenuta kkawżat intenzjonalment dawn l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-argument li r-rikors tar-rikorrenti huwa ammissibbli sa fejn l-att ikkontestat għandu jitqies bħala att adottat, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, fir-rigward ta’ terz li b’hekk jikseb interess leġittimu li jikkontestata l-konstatazzjoni magħmula f’dan l-att ta’ ksur imwettaq minn dan it-terz, konstatazzjoni li tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari meħtieġa għall-adozzjoni ta’ miżuri li jolqtuh b’mod negattiv.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn, minn naħa, ma wettqitx eżami tal-fatti inkwistjoni li jkopri l-aspetti kollha u li huwa ta’ natura oġġettiva u koerenti minn perspettiva loġika, bħalma lanqas ma wettqet eżami tal-argumenti legali mressqa mill-persuna kkonċernata u sa fejn, min-naħa l-oħra, ma mmotivatx l-att tagħha.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn id-dispożittiv tal-att ma huwiex ċar, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura ta’ dan l-att.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sa fejn, fl-assenza ta’ kummenti min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-proġetti preċedenti, kemm fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-proġetti u kemm fir-rigward tal-preżenza tad-dokumentazzjoni finanzjarja, ir-rikorrenti bniet l-aspettattiva leġittima li kienet qiegħda żżomm id-dokumentazzjoni finanzjarja tagħha kif suppost u li ma kellhiex bżonn twettaq korrezzjonijiet, la fir-rigward tal-proġetti pendenti u lanqas fir-rigward tal-proġetti futuri, u dan fid-dawl tal-fatt ukoll li din l-aspettattiva leġittima nħolqot minn sors affidabbli, jiġifieri mill-Kummissjoni Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy