23.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 96/21
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Diċembru 2014 – Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-827/14)
(2015/C 096/27)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Deutsche Telekom AG (Bonn, il-Ġermanja) (rappreżentanti: K. Apel u D. Schroeder, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla, fl-integralità tagħha jew parzjalment, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 7465 finali, tal-15 ta’ Ottubru 2014 mogħtija fil-Każ AT.39523 – Slovak Telekom, irrettifikata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 10119 finali tas-16 ta’ Diċembru 2014;
—
sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multi imposti fuq ir-rikorrenti; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti, fuq żball ta’ liġi, kif ukoll fuq ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti qabel il-konstatazzjoni ta’ aġir abbużiv.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kkonstatatax skont il-forom preskritti rifjut ta’ kunsinna, peress li hija ma vverifikatx in-natura essenzjali tas-servizzi inkwistjoni tal-input.
—
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti f’dak li jikkonċerna l-fatti u l-metodi li bihom hija kkonstatat tnaqqis fil-marġnijiet tal-impriża kkonċernata.
—
Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni użat metodoloġija żbaljata li tikkonċerna t-tnaqqis fil-marġni u ma kkalkolatx korrettament l-ispejjeż marġinali medji għal żmien twil.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti u fuq żball ta’ liġi fil-konstatazzjoni tat-tul tal-ksur
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex tiffissa l-bidu tal-ksur mill-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ riferiment u li fi kwalunkwe każ hija ma kellhiex tinkludi s-sena 2005 fil-perijodu ta’ ksur.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti u fuq żball ta’ liġi fl-imputazzjoni tal-ksur fuq ir-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni ma ppruvatx l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq l-impriża kkonċernata.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex timputa fuq ir-rikorrenti l-aġir antikompetittiv tal-impriża kkonċernata, peress li r-rikorrenti u din l-impriża ma kinux jikkostitwixxu unità ekonomika.
—
B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma ppruvatx li r-rikorrenti kienet effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-impriża kkonċernata. Minbarra dan, ir-rikorrenti ma kellhiex għarfien tal-aġir abbużiv allegat tal-impriża kkonċernata.
—
Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li, meta hija fittxet li tipprova l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, il-Kummissjoni kisret b’mod partikolari l-preżunzjoni ta’ innoċenza fl-interpretazzjoni tal-fatti tagħha.
—
Fl-aħħar nett, huwa allegat fost l-oħrajn li l-Kummissjoni ma ppruvatx li l-eżerċizzju allegat ta’ influwenza determinanti kien sinjifikattiv.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn multa separata ġiet imposta speċifikament fuq ir-rikorrenti.
—
Skont ir-Kummissjoni, l-impriża kkonċernata u r-rikorrenti kienu jagħmlu parti minn impriża waħda, kemm fir-rigward tat-tul tal-ksur kif ukoll fir-rigward tad-data ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-multa, iżda wkoll, diġà, fid-data tal-ksur mir-rikorrenti ssanzjonat mill-Kummissjoni fl-2003 u evokat fir-rigward tal-kwistjoni tar-reċidiva. Għalhekk il-Kummissjoni ma kellhiex timponi speċifikament fuq ir-rikorrenti multa separata, peress li l-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzonijiet kien jikkonċerna biss lill-impriża inkwantu tali u mhux il-persuni ġuridiċi li jagħmlu parti minnha.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti u fuq żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa
—
F’dan ir-rigward, huwa sostnut li, meta kkalkolat l-ammont bażiku, il-Kummissjoni ma kellhiex tirreferi lura għad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata marbut mal-prodotti kkonċernati għas-sena 2010, iżda kellha tuża d-dħul mill-bejgħ annwali medju għas-snin 2005 sa 2010.
—
Minbarra dan, meta ħadet inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni assolutament ma kellhiex tinkludi s-sena 2005.
Full & Egal Universal Law Academy