23.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 96/22
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2014 – Farahat vs Il-Kunsill
(Kawża T-830/14)
(2015/C 096/28)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Mohamed Farahat (il-Kajr, l-Eġittu) (rappreżentanti: P. Saini, QC, B. Kennelly, Barrister, u N. Sheikh, Solicitor)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/730/PESK, tal-20 ta’ Ottubru 2014 (1), li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2014, tal-20 ta’ Ottubru 2014 (2), li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrent;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-kundizzjonijiet għall-iskrizzjoni fil-lista tal-Anness tad-Deċiżjoni u tar-Regolament ma humiex issodisfatti. Ir-rikorrent isostni:
—
li l-Kunsill jinvoka l-fatt li r-rikorrent huwa l-Viċi President responsabbli mill-finanzi u mill-amministrazzjoni tal-kumpannija Tri-Ocean Energy u li minħabba l-pożizzjoni tiegħu, huwa responsabbli mill-attivitajiet tal-entità li jirrigwardaw il-provvista ta’ żejt lir-reġim, u
—
li ma hemm ebda prova ta’ din l-allegazzjoni u li ebda prova ma ġiet prodotta mill-Kunsill.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent ladarba l-miżuri kkontestati ġew adottati fl-assenza tal-garanziji proċedurali intiżi sabiex jiżguraw li r-rikorrent jingħata spjegazzjoni sħiħa tar-raġunijiet u fl-assenza ta’ garanzija li r-rikorrent jingħata smigħ xieraq.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill ma mmotivax suffiċjentement id-deċiżjoni tiegħu li jinkludi lir-rikorrent fil-lista. Ir-rikorrent isostni li r-raġunijiet invokati huma insuffiċjenti sabiex huwa jkun jista’ jikkontesta b’mod effettiv l-allegazzjonijiet kontra tiegħu jew sabiex qorti tkun tista’ tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent għall-proprjetà u għar-reputazzjoni. Ir-rikorrent iqis li l-Kunsill ma weriex li l-indħil sinjifikattiv fid-drittijiet għall-proprjetà tar-rikorrent kien iġġustifikat u proporzjonat.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni bl-iskrizzjoni tar-rikorrent fil-lista. Ir-rikorrent jallega li:
—
ma hemm ebda informazzjoni jew prova li tindika li Tri Ocean Energy fil-fatt sostniet lir-reġim Sirjan,
—
ma hemm ebda informazzjoni jew prova li tissuġġerixxi li r-rikorrent kien responsabbli, biss minħabba r-rwol tiegħu fi ħdan Tri Ocean Energy, għall-allegati azzjonijiet ta’ Tri Ocean Energy.
(1) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/730/PESK, tal-20 ta’ Ottubru 2014, li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2014, L 301, p. 36).
(2) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2014, tal-20 ta’ Ottubru 2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2014, L 301, p. 7).
Full & Egal Universal Law Academy