27.4.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 138/51
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2014 – Søndagsavisen vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-833/14)
(2015/C 138/68)
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Partijiet
Rikorrenti: Søndagsavisen A/S (Søborg, id-Danimarka) (rappreżentant: M. Honoré, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ Lulju 2014, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa għal ċertu reklamar (SA.35683);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti, li hija kompetitur tal-benefiċjarju tal-għajnuna, sostniet li l-Kummissjoni kellha tikkonstata li kienu jeżistu dubji dwar jekk l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq materjal ta’ reklamar mhux indirizzat lil persuna partikolari u gazzetti b’abbonament imqassma fid-djar kinux jikkostitwixxu għajnuna.
Ir-rikorrenti ssostni li konsegwentement il-Kummissjoni kellha tiddeċiedi li tagħti bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 (1). Billi naqset milli tagħmel dan, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti taħt l-Artikolu 108(2) TFUE.
Insostenn tal-argument tagħha li kien hemm dubji raġonevoli, ir-rikorrenti tinvoka l-argumenti li ġejjin:
—
iż-żmien li l-Kummissjoni ħadet sabiex tittratta l-każ kien straordinarjament twil u fih innifsu juri li kien hemm dubju raġonevoli – speċifikament minħabba li dan kien jinvolvi skema ta’ għajnuna nnotifikata skont l-Artikolu 108(3) TFUE;
—
id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata minn nuqqas ta’ dikjarazzzjoni tal-motivazzjoni għall-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq materjal ta’ reklamar mhux indirizzat lil persuna partikolari u gazzetti b’abbonament imqassma fid-djar; u
—
il-Kummissjoni wettqet eżami inkomplet u mhux korrett tal-leġiżlazzjoni Daniża dwar it-taxxi fuq ir-reklamar fid-determinazzjoni ta’ jekk l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq materjal ta’ reklamar mhux indirizzat lil persuna partikolari u gazzetti b’abbonament imqassma fid-djar jammontawx għal għajnuna mill-Istat.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
Full & Egal Universal Law Academy