2.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 73/43
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Diċembru 2014 – Spanja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-841/14)
(2015/C 073/55)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Ir-Renju ta-Spanja (rappreżentant: A. Gavela Llopis, Abogado del Estado)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-kalkolu ta’ interessi magħmul mid-dipartimenti tal-Kummissjoni permezz tal-ittra tal-21 ta’ Ottubru 2014;
—
sussidjarjament, tiddikjara li ma għandiex tiġi applikata ż-żieda prevista fl-Artikolu 11(1) u (2);
—
indipendentement minn jekk it-talba preċedenti tintlaqax jew le, sussidjarjament għall-ewwel talba, tistabbilixxi l-20 ta’ Jannar 2004 bħala d-data minn meta jibdew japplikaw l-interessi moratorji, jiġifieri, mill-ewwel ġurnata tax-xogħol tat-tieni xahar ta’ wara l-ġurnata tal-eventwali konstatazzjoni tad-dejn, is-27 ta’ Novembru 2003, li jikkorrispondi għat-tranżiti kollha li huma s-suġġett ta’ din il-kawża jew, fin-nuqqas ta’ dan, għall-interessi tad-dejn doganali li jikkorrispondi għall-aħħar tliet tranżiti, u
—
tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors qiegħed jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni Ares (2014) 3486706 (BUDG/B/02/MTC/IB), tal-21 ta’ Ottubru 2014, li timplementa l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet.
Dan ir-rikors huwa r-riżultat ta’ investigazzjoni li l-awtoritajiet Olandiżi għamlu fir-rigward ta’ 26 tranżitu maħruġa mid-dwana Olandiża bejn April u Novembru 1994 u bi ħruġ iddikjarat mit-territorju doganali tal-Komunità mid-dwana Spanjola ta’ Algeciras. L-imsemmija awtoritajiet ikkunsidraw li l-merkanzija inkwistjoni kienet evadiet il-kontroll doganali peress li ma kinitx ħarġet mit-territorju tal-Unjoni. Sussegwentement, l-awtoritajiet Olandiżi fformalizzaw rapport ġdid dwar tmien dikjarazzjonijiet ta’ tranżitu, fejn esprimew dubji dwar l-awtentiċità tat-timbri u tal-firem fuq id-dokumenti li ġew prodotti bħala prova tat-twettiq tagħhom.
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000, flimkien mal-Artikolu 9(1), mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1), mal-Artikolu 6(3) u mal-Artikolu 2 tal-istess regolament, peress li l-Kummissjoni applikatu għal fatt li ma huwiex ikkontemplat mill-imsemmija dispożizzjoni.
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrent jiddikjara li dan ma huwiex każ ta’ dejn doganali bħal dak previst fl-Artikolu 6(3)(a) iżda dejn doganali bħal dak previst fl-Artikolu 6(3)(b).
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament Nru 1150/2000.
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrent jallega li l-Artikolu 11(2) u (3) jipprevedi żieda tal-interessi moratorji, li l-għan tagħha ma huwiex il-kumpens għad-dannu kkawżat mid-dewmien fil-ħlas iżda li pjuttost hija ta’ natura repressiva, u dan jipprekludi l-applikazzjoni tagħha fil-każ fejn l-Istat Membru ma kienx jaf bl-eżistenza nnifisha tal-obbligu mwettaq tard.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1150/2000 fir-rigward tal-iffissar tad-data ta’ meta kellu jiġi kkonstatat id-dejn doganali u, għaldaqstant, tal-iffissar żbaljat tad-data minn meta jibdew japplikaw l-interessi moratorji, peress li dan kien is-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji, li jfisser li f’kull każ seta jiġi kkonstatat biss wara deċiżjoni ġudizzjarja.
Full & Egal Universal Law Academy