2.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 73/46
Appell ippreżentat fil-31 ta’ Diċembru 2014 minn Carlo De Nicola mis-sentenza mogħtija fit-18 ta’ Novembru 2014 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-59/09 RENV, De Nicola vs BEI
(Kawża T-849/14 P)
(2015/C 073/57)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellant: Carlo De Nicola (Strassen, il-Lussembrugu) (rappreżentant: L. Isola, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Bank Ewropew tal-Investiment
Talbiet
—
tilqa’ dan l-appell u, b’bidla parzjali tas-sentenza appellata, tannulla l-punti 2 u 3 tad-dispożittiv, l-affermazzjoni li din il-proċedura hija skont l-Artikolu 270 TFUE, u l-punti 43, 44, 50, 55, 56, 58, 59, 60, 61, 63, 65, 66, 67, 68, 69, 70, 71, 72 u 73 tal-motivi.
—
tibgħat il-kawża f’Awla oħra tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex, f’kompożizzjoni differenti, jiddeċiedi mill-ġdid il-punti annullati, wara li jkun laqa’ l-perizzja medika mitluba preċedentement.
—
tagħtih id-dritt li jressaq kull motiv istruttorju, dirett u/jew kuntrarju, li jkun neċessarju fid-dawl tal-argumenti għad-difiża ppreżentati mill-parti l-oħra fil-proċedura, kif ukoll il-produzzjoni ta’ kull dokument ieħor li huwa jqis utli għall-konfutazzjoni tal-argumenti differenti.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa dirett kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-18 ta’ Novembru 2014, fil-Kawża F-59/09 RENV, De Nicola vs BEI.
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka l-aggravji li ġejjin:
1.
Fir-rigward tal-Kumitat tal-Appelli, l-appellant jikkontesta d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tar-regoli ta’ funzjonament tiegħu, l-affermazzjoni li tgħid li t-tneħħija tal-att annullat mill-fajl personali tal-appellant jikkostitwixxi kumpens adegwat għad-dannu, kif ukoll l-abbuż invokat fl-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja.
2.
Fir-rigward tal-fastidju subit mill-appellant, huwa jinvoka d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talba ta’ konstatazzjoni, in-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar dik it-talba speċifika u r-rifjut tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jimxi mas-sentenza ta’ rinviju, l-inammissibbiltà tal-eċċezzjonijiet ġodda proposti mill-BEI fid-deċiżjoni ta’ rinviju, kif ukoll l-abbuż ta’ poter tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li ssostitwixxa ruħu mad-difensur tal-appellant u ddeċieda li kien aħjar li ma tiġix eżaminata t-talba għad-danni, peress li kienet inkluża u spjegata aħjar fil-Kawża F-52/11.
3.
Fir-rigward tat-talba għal perizzja medika u ta’ miżuri oħra ta’ organizzazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-appellant qatt ma rtira t-talbiet istruttorji tiegħu, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad billi qies li ma kinux neċessarji. Għalhekk, ladarba l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li l-kawża kellha tiġi deċiża fuq il-mertu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu l-obbligu li jeżamina t-talbiet kollha debitament ifformulati, li jistabbilixxi liema kienu rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni u li jadotta l-miżuri ta’ organizzazzjoni li jirriżultaw minn dan.
Full & Egal Universal Law Academy