20.4.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 127/30
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Diċembru 2014 – Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-851/14)
(2015/C 127/42)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Slovak Telekom a.s. (Bratislava, ir-Repubblika Slovakka) (rappreżentanti: D. Geradin, avukat, u R. O’Donoghue, barrister)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli;
—
tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata safejn din taffettwa lir-rikorrenti;
—
alternattivament, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri;
—
f’każ li l-Qorti tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew tiċħdu fis-sustanza, tikkundanna lill-partijiet għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ottubru 2014 (AT.39523 – Slovak Telekom) li timmulta lir-rikorrenti u l-kumpannija parent tagħha għal aġir illegali fis-suq tal-broadband skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li r-rikorrenti wettqet rifjut illegali ta’ provvista.
2.
It-tieni motiv jallega li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fir-rigward tal-evalwazzjoni tagħha tal-kompressjoni tal-marġni. Ir-rikorrenti ssostni li:
—
il-Kummissjoni naqset milli tipprovdi l-oġġezzjonijiet motivati tagħha għal ċerti prinċipji rilevanti dwar l-ispiża, il-metodoloġija u d-data ppreżentata mir-rikorrenti sad-deċiżjoni kkontestata; u
—
il-Kummissjoni ppreżentat għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata approċċ ġdid “b’varji perijodi” sabiex tbiddel dak li preċedentement marġni pożittiv għall-2005 f’wieħed negattiv.
3.
It-tieni motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ fatt u/jew liġi u/jew żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-aġir tar-rikorrenti kien jikkostitwixxi kompressjoni tal-marġni. Ir-rikorrenti ssostni li:
—
il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-prinċipji, metodoloġija u data tal-ispiża bil-metodu tal-ispejjeż marġinali medji fuq bażi twila ta’ żmien (“LRAIC”) u injorat l-ispejjeż LRAIC effiċjenti tar-rikorrenti; u
—
il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u/jew wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni taħt l-approċċ “b’varji perijodi”.
4.
Ir-raba’ motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li r-rikorrenti u Deutsche Telekom jifformaw impriża waħda u li huma t-tnejn responsabbli għall-ksur allegat tar-rikorrenti.
5.
Ir-raba’ motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.
Full & Egal Universal Law Academy