DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI
24 ta’ Marzu 2015 ( *1 )
“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Kostruzzjoni u manutenzjoni ta’ impjant ta’ triġenerazzjoni — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent u għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Fumus boni juris — Nuqqas ta’ urġenza”
Fil-Kawża T‑383/14 R,
Europower SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja), irrappreżentata minn G. Cocco u L. Salomoni, avukati,
rikorrenti,
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Cappelletti, L. Di Paolo u F. Moro, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
CPL Concordia Soc. coop., stabbilita f’Concordia Sulla Secchia (l-Italja), irrappreżentata minn A. Penta, avukat,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, essenzjalment, tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2014 li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-offerta ta’ Europower fil-kuntest tas-sejħa għal offerti JRC IPR 2013 C04 0031 OC, dwar il-kostruzzjoni ta’ impjant tal-enerġija triġenerazzjoni mgħammar b’turbina tal-gass u l-manutenzjoni tiegħu fis-sit ta’ Ispra (l-Italja) taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tagħha (JRC) (ĠU 2013/S 137-237146), u tat il-kuntratt lil CPL Concordia u, konsegwentement, tad-deċiżjonijiet l-oħra kollha sussegwenti,
IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI
jagħti l-preżenti
Digriet ( 1 )
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
Fis-17 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sejħa għal offerti skont il-proċedura miftuħa bir-referenza JRC IPR 2013 C04 0031 OC u li għandha bħala suġġett il-kostruzzjoni ta’ impjant triġenerazzjoni mgħammar b’turbina tal-gass u l-manutenzjoni tiegħu fis-sit ta’ Ispra (l-Italja) taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) tagħha. It-terminu għall-irċevuta tal-offerti u d-data tal-ftuħ tal-offerti ġew stabbiliti, wara rettifika ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, fil-15 u fil-21 ta’ Novembru 2013 rispettivament. Id-dokument intitolat “Anness amministrattiv”, inkluż fl-istedina għall-offerti kien jispeċifika li l-għoti tal-kuntratt kien ibbażat fuq l-offerta li hija l-iktar ekonomikament vantaġġuża stabbilita abbażi tal-ispejjeż totali tagħha u tal-kwalità teknika tagħha, li punteġġ massimu ta’ 80 punt seta’ jingħata għall-ispejjeż totali tal-offerta u li punteġġ massimu ta’ 20 punt seta’ jingħata għall-kwalità teknika tal-offerta.
2
Fil-21 ta’ Novembru 2013, il-Bord tal-ftuħ nieda l-ftuħ tal-offerti. Wara verifika tal-konformità tagħhom, l-offerti ġew evalwati mill-Bord innominat għal dan il-għan, li ppreżenta r-rapport tiegħu fil-21 ta’ Marzu 2014.
3
Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2014, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti, Europower SpA, li l-offerta tagħha ma kinitx intgħażlet, sa fejn il-punteġġ finali li kien ingħatalha kien inqas minn dak miksub mill-offerta ppreżentata mill-intervenjenti, CPL Concordia Soc. coop.
4
Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ April 2014, ir-rikorrenti ressqet talba ta’ aċċess għad-dokumenti segwenti: id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, il-proċess verbal tal-evalwazzjoni, l-offerta tal-offerent rebbieħ, il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta tal-offerent rebbieħ u l-kuntratt konkluż jew li kien qiegħed jiġi konkluż mal-offerent rebbieħ.
5
Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2014, il-Kummissjoni fakkret li l-kuntratt kien ingħata lill-intervenjenti u nnotifikat il-karatteristiċi tal-offerta tal-offerent rebbieħ u l-punteġġi miksuba minn din l-offerta.
6
Fil-15 ta’ April 2014, ir-rikorrenti ressqet talba intiża, fost l-oħrajn, sabiex tinkiseb kopja tad-dokumenti li kien hemm riferiment għalihom fit-talba ta’ aċċess tas-7 ta’ April 2014 u indikat li hija kienet qiegħda tippreżenta talba konfermatorja tat-talba tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti.
7
Fis-17 ta’ April 2014, il-Kummissjoni wieġbet lir-rikorrenti billi fakkret li ebda informazzjoni oħra ma setgħet tingħatalha matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti u li l-aċċess għad-dokumenti tas-sejħa għal offerti seta’ biss jingħatalha fi tmiem il-proċedura, ikkonfermat permezz tal-firma tal-kuntratt mal-operatur magħżul.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
8
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fit-30 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat rikors essenzjalment intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2014 li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-offerta li hija kienet ippreżentat fil-kuntest tas-sejħa għal offerti […], tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tat il-kuntratt lill-intervenjenti, […] u tal-kuntratt innifsu […].
9
Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti ressqet din it-talba għal miżuri provviżorji, li fiha hija titlob, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:
—
jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti, tad-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt lill-intervenjenti, u, konsegwentement, tad-deċiżjonijiet sussegwenti;
—
jieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni mitluba bħala miżura provviżorja.
10
Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal miżuri provviżorji, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Awwissu 2014, il-Kummissjoni essenzjalment titlob li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:
—
jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji bħala inammissibbli;
—
fi kwalunkwe każ, jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji bħala infondata;
—
jirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.
11
Permezz ta’ digriet tat-9 ta’ Settembru 2014, il-President tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. L-intervenjenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-23 ta’ Settembru 2014 u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn fl-1 ta’ Ottubru 2014 għall-Kummissjoni, u fit-3 ta’ Ottubru 2014 għar-rikorrenti.
Id-dritt
Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali
12
Minn qari flimkien tal-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, minn naħa, u tal-Artikolu 256(1) TFUE, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’, jekk iqis li ċ-ċirkustanzi jkunu jeżiġu dan, jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali jew jippreskrivi l-miżuri provviżorji neċessarji.
13
Barra minn hekk, l-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżjori għandhom jispeċifikaw is-suġġett tat-tilwima, iċ-ċirkustanzi li jikkawżaw l-urġenza kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-għoti tal-miżura provviżorja li jitolbu. Għalhekk, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħhom huwa prima facie ġġustifikat fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u li huma urġenti fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li titlobhom, li jiġu ordnati u li jipproduċu l-effetti tagħhom qabel ma tingħata d-deċiżjoni fuq ir-rikors promotur. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun nieqsa [digriet tal-14 ta’ Ottubru 1996, SCK u FNK vs Il‑Kummissjoni, C‑268/96 P(R), Ġabra, EU:C:1996:381, punt 30].
[omissis]
15
F’dan il-każ, fid-dawl tar-rwol partikolari tal-proċeduri għal miżuri provviżorji f’kawżi ta’ kuntratti pubbliċi u tal-kuntest ġuridiku stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi kondotti mill-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri [ara d-digriet tal-4 ta’ Diċembru 2014, Vanbreda Risk & Benefits vs Il‑Kummissjoni, T‑199/14 R, Ġabra (Estratti),EU:T:2014:1024, punti 16 sa 20 u 157 sa 162 u ġurisprudenza ċċitata], għandu jiġi eżaminat, qabelxejn, jekk ir-rikorrenti pproduċietx biżżejjed provi sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ fumus boni juris.
[omissis]
Fuq il-fumus boni juris
17
Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ fumus boni juris, għandu jitfakkar li dan ikun sodisfatt meta, fl-istadju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, ikun hemm kwistjoni legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma tkunx immedjatament evidenti, b’mod li, prima facie, ir-rikors ma jkunx infondat (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-13 ta’ Ġunju 1989, Publishers Association vs Il‑Kummissjoni, 56/89 R, Ġabra, EU:C:1989:238, punt 31, u tat-8 ta’ Mejju 2003, Il‑Kummissjoni vs Artegodan et, C‑39/03 P‑R, Ġabra, EU:C:2003:269, punt 40). Fil-fatt, peress li l-iskop tal-proċedura għal miżuri provviżorji huwa li tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni finali li tkun għad trid tingħata, sabiex tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-qrati tal-Unjoni, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu sempliċement jevalwa “prima facie” l-fondatezza tal-motivi invokati fil-kuntest tat-tilwima dwar il-mertu sabiex jistabbilixxi jekk hemmx probabbiltà suffiċjentement kbira li r-rikors ikollu eżitu pożittiv [digrieti tad-19 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑426/13 P(R), Ġabra, EU:C:2013:848, punt 41, u tat-8 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs ANKO, C‑78/14 P‑R, Ġabra, EU:C:2014:239, punt 15].
18
F’dan il-każ, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi insostenn tat-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni. Permezz tal-ewwel motiv, hija essenzjalment tqis li l-offerent rebbieħ ma ssodisfax ir-rekwiżiti tekniċi meħtieġa mid-dokumenti tas-sejħa għal offerti, sa fejn huwa ma setax jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet l-oħra sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Permezz tat-tieni motiv, hija essenzjalment issostni li l-punteġġ mogħti lill-offerta tal-offerent rebbieħ għall-effiċjenza elettrika ggarantita u ddikjarata huwa illegali. Permezz tat-tielet motiv, hija essenzjalment issostni li l-operazzjonijiet li saru sabiex jingħata l-kuntratt seħħew f’sessjoni waħda biss bi ksur tal-prinċipji li jirregolaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Permezz tar-raba’ motiv, hija essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni fir-rigward tar-rifjut tagħha li tittrażmettilha ċertu numru ta’ dokumenti u informazzjoni. Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames motiv tagħha, hija essenzjalment tikkontesta r-regolarità tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-ftuħ tal-offerti u l-ħatra tal-Bord tal-evalwazzjoni.
[omissis]
Fuq it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motiv invokati mir-rikorrenti
[omissis]
– Fuq ir-raba’ u l-ħames motiv, ibbażati fuq nuqqas ta’ aċċess għad-dokumenti tas-sejħa għal offerti
[omissis]
46
Konsegwentement, mill-analiżi tat-tieni, tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames motivi invokati mir-rikorrenti jirriżulta li dawn tal-aħħar ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fumus boni juris.
Fuq l-ewwel motiv, dwar in-nuqqas ta’ osservanza mill-offerent rebbieħ tar-rekwiżiti tekniċi meħtieġa mid-dokumenti tas-sejħa għal offerti
47
Ir-rikorrenti ssostni li l-offerent rebbieħ ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi minimi meħtieġa mid-dokumenti dwar il-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni. B’mod partikolari, l-intervenjenti ma ssodisfatx il-kriterju tal-għażla msemmi fil-punt III.2.3(c) tal-avviż tal-kuntratt, sa fejn, minn naħa, din l-impriża ma implementatx hija stess, mill-inqas, żewġ impjanti għall-koġenerazzjoni b’kapaċità elettrika ta’ mill-inqas 8 MW u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija impriża ma setgħetx, sabiex tissodisfa dan il-kriterju, tinvoka l-kapaċità ta’ entitajiet oħra. Skont ir-rikorrenti, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kienu jistabbilixxu li l-offerent kellu jipproduċi lista ta’ installazzjonijiet simili għal dawk li kienu s-suġġett tal-kuntratt implementati direttament mill-impriża offerenti.
48
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li t-termini tal-avviż tal-kuntratt rigward ir-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti inkwistjoni espressament jipprovdu l-possibbiltà għall-offerent li jirrikorri għal operaturi ekonomiċi oħra. F’din is-sitwazzjoni, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-għażla, l-avviż tal-kuntratt jispeċifika li d-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa fil-kuntest tat-taqsima dwar is-sitwazzjoni individwali tal-operaturi ekonomiċi għandhom jiġu pprovduti minn kull wieħed minn dawn l-operaturi.
[omissis]
52
Għalhekk, jidher, prima facie, li l-avviż tal-kuntratt ippermetta lill-intervenjenti tirrikorri għal entità oħra sabiex tissodisfa r-rekwiżiti rigward il-kapaċità teknika, mingħajr ma kellha bżonn tipproduċi prova tal-operazzjonijiet li wettqet hija stess.
53
Madankollu jibqa’ l-fatt li, kif tenfasizza r-rikorrenti, il-ħames paragrafu tal-punt 12 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jindika li “[l-]offerta teknika barra minn hekk għandha tinkludi informazzjoni ġenerali u teknika espressament rikjesta fl-ittra tas-sejħa għal offerti, li tinkorpora minn tal-inqas: lista ta’ installazzjonijiet simili mwettqa direttament mill-impriża offerenti [...] flimkien mal-indikazzjoni tal-karatteristiċi prinċipali ta’ kull waħda minnhom”.
54
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-inklużjoni tad-dispożizzjoni tal-ħames paragrafu tal-punt 12 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li fiha hemm l-indikazzjoni invokata mir-rikorrenti, ma jidhirx li għandha l-għan intiż li jillimita r-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti inkwistjoni permezz taż-żieda ta’ kriterji ta’ għażla. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tidher li għandha l-intenzjoni li tinsisti fuq l-importanza li mal-offerta teknika tiġi inkluża ċerta informazzjoni li diġà hija espressament rikjesta mill-avviż tal-kuntratt sabiex tiġi evalwata l-kapaċità teknika tal-offerent.
[omissis]
57
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-portata tal-indikazzjoni li fuqha huwa bbażat l-ewwel motiv tar-rikorrenti. L-ewwel informazzjoni msemmija fil-ħames paragrafu tal-punt 12 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, jiġifieri l-“lista tal-installazzjonijiet simili mwettqa direttament mill-impriża offerenti, inkluż it-tagħmir supplementari ta’ inġinerija ċivili, mekkaniku u elettro-instrumentali, flimkien mal-indikazzjoni tal-karatteristiċi prinċipali ta’ kull waħda minnhom” tidher li tirreferi għall-punt III.2.3 (c) tal-avviż tal-kuntratt li jsemmi l-“lista tax-xogħlijiet prinċipali simili għall-għan prinċipali tas-sejħa għal offerti, imwettqa matul l-aħħar għaxar snin, b’indikazzjoni tal-ammonti, tal-kapaċità elettrika installata, tad-dati jew tat-termini għall-eżekuzzjoni u tal-benefiċjarji pubbliċi u privati”. Huwa speċifikat, minn naħa, li “hemm lok li, għal kull wieħed mix-xogħlijiet imwettqa, jiġi ppreżentat ċertifikat ta’ rċevuta finali jew kwalunkwe dokument ieħor li juri l-installazzjoni korretta (pereżempju, il-fattura finali)” u, min-naħa l-oħra, li “minn tal-inqas 2 mill-imsemmija xogħlijiet għandhom ikopru l-bini ta’ impjant għall-koġenerazzjoni b’kapaċità elettrika ta’ mill-inqas 8 MW”. Il-paragun bejn iż-żewġ formulazzjonijiet jidher li jippermetti l-esklużjoni, a priori, tal-interpretazzjoni tar-rikorrenti li tippreferi r-relazzjoni bejn il-lex generalis u l-lex specialis sa fejn, għalkemm il-formulazzjoni użata fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tinkludi l-kelma “direttament” li tista’ tinftiehem bħala speċifikazzjoni, din il-formulazzjoni hija, fir-rigward ta’ aspetti oħra, ferm iktar vaga mill-formulazzjoni użata fl-avviż tal-kuntratt. Fil-fatt, l-ebda indikazzjoni temporali ma hija speċifikata fl-ewwel formulazzjoni. Barra minn hekk, din l-aħħar formulazzjoni tidher li tawtorizza interpretazzjoni differenti minn dik proposta mir-rikorrenti. Fil-fatt, jista’ jiġi interpretat li tali lista għandha tiġi pprovduta jekk, u fil-każ biss li, l-offerent ikun wettaq direttament dawn it-tip ta’ xogħlijiet. Fil-każ kuntrarju, ma jkunx hemm bżonn li din il-lista tiġi prodotta, peress li ma tistax tissussisti mingħajr ma dan jostakola lill-offerent milli jipparteċipa fis-sejħa għal offerti sa fejn jista’ jissodisfa r-rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni msemmija fl-avviż tal-kuntratt billi jirrikorri għal terzi.
58
Minn din l-analiżi jirriżulta li l-informazzjoni msemmija fil-ħames paragrafu tal-punt 12 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tidher li tista’ tiġi interpretata, minn naħa, fis-sens li hija tfakkira tal-kriterji tal-għażla fformulata fil-punt III.2.3 (c), (d) u (e) tal-avviż tal-kuntratt u min-naħa l-oħra, fis-sens li tipprovdi speċifikazzjonijiet rigward il-preżentazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa (indikazzjoni ta’ prossimità, speċifikazzjoni fil-każ li l-installazzjonijiet jkunu twettqu direttament mill-offerent stess).
59
Madankollu, f’dan l-istadju, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti ma tidhirx li tista’ tiġi kompletament eskluża, iktar u iktar meta, fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ma tipprovdi ebda spjegazzjoni rigward it-tifsira tat-terminu “direttament” u r-raġunijiet għall-preżenza tiegħu.
60
Għalhekk, l-inċertezza rigward l-interpretazzjoni li għandha tingħata għall-preżenza ta’ dan it-terminu u l-impatt tiegħu fuq ir-regolarità tal-proċedura inkwistjoni jwasslu lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jikkonkludi li hemm kwistjoni legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma hijiex immedjatament evidenti, b’mod li, prima face, ir-rikors ma huwiex infondat [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Settembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), Ġabra, EU:C:2013:558, punt 67 u ġurisprudenza ċċitata].
61
Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kontenzjuż partikolari ħafna tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, għandu jitqies li, meta l-offerent eskluż jirnexxielu juri l-eżistenza ta’ fumus boni juris partikolarment serju, huwa ma għandux jintalab jistabbilixxi li ċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal miżuri provviżorji tista’ tikkawżalu dannu irreparabbli, sakemm din timplika ksur eċċessiv u inġust tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li huwa għandu skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ikun hemm tali fumus boni juris meta huwa jiżvela l-eżistenza ta’ illegalità suffiċjentement manifesta u gravi, li l-produzzjoni jew l-estensjoni tal-effetti għandhom jiġu esklużi mill-iktar fis possibbli sakemm l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni ma jkunx jipprekludi dan b’mod assolut. F’dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, l-unika prova tal-gravità tad-dannu li jiġi kkawżat bin-nuqqas tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija biżżejjed sabiex tissodisfa r-rekwiżit dwar l-urġenza, fid-dawl tan-neċessità li l-illegalità ta’ din in-natura tiċċaħħad minn effetti (digriet Vanbreda Risk & Benefits vs Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:T:2014:1024, punt 162).
62
F’dan il-każ, madankollu, l-eżami tat-tieni, tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames motiv ma ppermettiex li jiġi deċiż li kien hemm fumus boni juris […]. Bl-istess mod, l-eżami tal-ewwel motiv sempliċement irrileva l-eżistenza ta’ inċertezza li wasslet lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jqis li dan il-motiv ma kienx kompletament irrilevanti.
63
Minn dan isegwi li l-aġir u d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni f’dan il-każ ma jistgħux jitqiesu, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li huma illegalitajiet suffiċjentement manifesti u gravi tad-dritt tal-Unjoni sabiex ikun neċessarju li tiġi evitata l-produzzjoni tal-effetti tagħhom fil-futur, mingħajr ma r-rikorrenti tkun meħtieġa tipproduċi prova tan-natura irreparabbli tad-dannu li hija ġġarrab fin-nuqqas tas-sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
64
Għaldaqstant, peress li l-analiżi tal-motivi insostenn tat-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ma ppermettietx li jiġi deċiż li kien hemm fumus boni juris partikolarment serju, għandha tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-urġenza sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti pproduċietx provi dwar l-eżistenza kemm tan-natura gravi kif ukoll tan-natura irreparabbli tad-dannu li fir-rigward tiegħu hija tallega li hemm probabbiltà li jseħħ.
Fuq l-urġenza
65
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-urġenza ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li tingħata deċiżjoni interlokutorja sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li qiegħda titlob il-miżuri provviżorji. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova solida li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura relatata mar-rikors prinċipali mingħajr ma tkun personalment ġarrbet dannu ta’ din in-natura (ara d-digriet tad-19 ta’ Settembru 2012, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑52/12 R, Ġabra, EU:T:2012:447, punt 36 u ġurisprudenza ċċitata).
66
F’dan il-każ, ir-rikorrenti tippreżenta, fi ftit iktar minn paġna waħda tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, ir-raġunijiet li permezz tagħhom hija tqis li ġġarrab dannu gravi u irreparabbli imputabbli lill-miżuri kkontestati. Skont il-fehma tagħha, minn naħa, il-kuntratt inkwistjoni għandu importanza essenzjali għall-kontinwità stess tal-attivitajiet tagħha u, min-naħa l-oħra, proċedura ta’ skema ta’ sensja f’sit ta’ kostruzzjoni simili hija pendenti fl-impriża u li din is-sitwazzjoni ġegħlitha tagħti s-sensja lil erba’ persuni (u tipprevedi li tagħmel l-istess fir-rigward ta’ żewġ persuni oħra) sa fejn l-imsemmija persuni ma jistgħux jiġu assenjati mill-ġdid f’siti ta’ kostruzzjoni oħra. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-użu tal-mobbiltà huwa indizju tad-diffikultà li tinsab fiha fl-assenza tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni.
67
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti dwar l-importanza tal-kuntratt inkwistjoni għall-kontinwità tal-attività tagħha ma hija sostnuta b’ebda indikazzjoni konkreta u speċifika, u ma hija ppreżentata b’ebda dokument komprensiv u attestat. […] Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti naqset milli tipprovdi l-iċken indikazzjoni konkreta dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, li tista’ tippermetti lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jevalwa n-natura gravi u irreparabbli tad-dannu allegat, fid-dawl tal-fatt li tali indikazzjonijiet huma indispensabbli għall-evalwazzjoni tal-urġenza u kellhom jiġu ppreżentati fit-talba għal miżuri provviżorji stess.
68
Għal dak li jirrigwarda l-użu tal-mobbiltà, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-proċedura ta’ skema ta’ sensja f’sit ta’ kostruzzjoni simili nbdiet mir-rikorrenti fis-17 ta’ Marzu 2014, jiġifieri qabel iċ-ċaħda tal-offerta tagħha tal-kuntratt inkwistjoni. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-urġenza allegata minħabba l-probabbiltà li jiġġarrab dannu gravi u irreparabbli għandha tirriżulta mill-effetti tal-att ikkontestat, li għalhekk ma huwiex il-każ inkwistjoni, peress li l-użu tal-mobbiltà ma nbediex minħabba l-eżekuzzjoni tal-atti kkontestati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-osservazzjonijiet tal-intervenjenti, ir-rikorrenti tispeċifika li, skont it-termini ta’ deċiżjonijiet effettivi, din il-proċedura ġiet implementata biss wara li hija saret taf biċ-ċaħda tal-offerta tagħha għall-kuntratt inkwistjoni. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li l-ittri mibgħuta lill-impjegati kkonċernati fit-18 ta’ Ġunju 2014, li fuqhom tibbaża ruħha r-rikorrenti sabiex issostni l-argument tagħha, huma biss il-konsegwenza tal-imsemmija proċedura, li nbdiet qabel id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni u, għalhekk, mingħajr rabta ma’ din tal-aħħar.
[omissis]
70
Fi kwalunkwe każ, u anki jekk jiġi preżunt li l-eżami tal-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fumus boni juris partikolarment serju, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-rikorrenti ma ressqet ebda prova li tista’ tistabbilixxi l-gravità tad-dannu li hija tallega.
71
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat l-argument manifestament infondat tar-rikorrenti fir-rigward tal-kundizzjoni tal-urġenza.
72
Konsegwentement, għall-motivi kollha esposti iktar ’il fuq, din it-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li la jsir l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni u lanqas li tittieħed deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet imqajma mill-Kummissjoni rigward l-ammissibbiltà tat-talbiet intiżi għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet sussegwenti li għamlet riferiment għalihom ir-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI
jordna:
1)
It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.
2)
L-ispejjeż huma rriżervati.
Magħmul fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Marzu 2015.
Reġistratur
E. Coulon
Il-President
M. Jaeger
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
( 1 ) Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ dan id-digriet li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy