8.1.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 5/2
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Novembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona – Spanja) – María Begoña Espadas Recio vs Servicio Público de Empleo Estatal (SPEE)
(Kawża C-98/15) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 97/81/KE - Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC - Klawżola 4 - Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa - Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tas-sigurtà soċjali - Direttiva 79/7/KEE - Artikolu 4 - Ħaddiem part-time tat-tip vertikali - Benefiċċju tal-qgħad - Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi jiem mhux maħduma mill-perijodi ta’ kontribuzzjoni sabiex jiġi stabbilit it-tul tal-benefiċċju))
(2018/C 005/02)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de lo Social no33 de Barcelona
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: María Begoña Espadas Recio
Konvenut: Servicio Público de Empleo Estatal (SPEE)
Dispożittiv
1)
Il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, ma tapplikax għal benefiċċju tal-qgħad kontributorju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
2)
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-każ ta’ xogħol part-time vertikali, teskludi l-jiem mhux maħduma mill-kalkolu tal-jiem li fir-rigward tagħhom tħallsu kontribuzzjonijiet u li għalhekk tnaqqas il-perijodu li matul tiegħu jingħata l-benefiċċju tal-qgħad, fejn ikun stabbilit li l-parti l-kbira tal-ħaddiema part-time vertikali huma nisa li huma affettwati negattivament b’tali leġiżlazzjoni.
(1) ĠU C 171, 26.05.2015
Full & Egal Universal Law Academy