31.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 402/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Settembru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État – Franza) – Association nationale des opérateurs détaillants en énergie (ANODE) vs Premier ministre, Ministre de l’Économie, de l’Industrie et du Numérique, Commission de régulation de l’énergie, ENGIE, li kienet GDF Suez
(Kawża C-121/15) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet - Direttiva 2009/73/KE - Enerġija - Settur tal-gass - Iffissar tal-prezzijiet ta’ provvista ta’ gass naturali lill-klijenti finali - Tariffi rregolati - Ostakolu - Kompatibbiltà - Kriterji ta’ evalwazzjoni - Għanijiet ta’ sigurtà tal-provvista u ta’ koeżjoni territorjali))
(2016/C 402/07)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Association nationale des opérateurs détaillants en énergie (ANODE)
Konvenuti: Premier ministre, Ministre de l’Économie, de l’Industrie et du Numérique, Commission de régulation de l’énergie, ENGIE, li kienet GDF Suez
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-intervent ta’ Stat Membru li jikkonsisti fl-impożizzjoni tal-obbligu fuq ċerti fornituri, fosthom il-fornitur eżistenti, li joffru lill-konsumatur finali l-provvista ta’ gass naturali b’tariffi rregolati, jikkostitwixxi, min-natura tiegħu stess, ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv previst f’din id-dispożizzjoni, u dan l-ostakolu jibqa’ anki jekk dan l-intervent ma jkunx ta’ ostakolu sabiex offerti kompetituri bi prezzijiet iktar baxxi minn dawn it-tariffi jkunu offruti mill-fornituri kollha fis-suq.
2)
L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73/KE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 14 u 106 TFUE, kif ukoll tal-Protokoll Nru 26, dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, anness mat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ wara t-Trattat ta’ Lisbona, u t-Trattat FUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri li jevalwaw jekk, fl-interess ekonomiku ġenerali, hemmx lok li jiġu imposti fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass obbligi ta’ servizz pubbliku li jirrigwardaw il-prezz tal-provvista tal-gass naturali bl-għan, b’mod partikolari, li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u l-koeżjoni territorjali, bil-kundizzjoni li, minn naħa, il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, u speċifikament in-natura nondiskriminatorja ta’ tali obbligi, ikunu ssodisfatti u, min-naħa l-oħra, li l-impożizzjoni ta’ dawn l-obbligi tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix metodu ta’ determinazzjoni tal-prezz li huwa bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ tali metodu ma twassalx sabiex l-intervent statali jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li huwa jfittex li jilħaq.
(1) ĠU C 178, 1.6.2015.
Full & Egal Universal Law Academy