24.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 239/4
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-10 ta’ Mejju 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Centrale Raad van Beroep – il-Pajjiżi l-Baxxi) – H.C. Chavez-Vilchez et vs Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank et
(Kawża C-133/15) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ċittadinanza tal-Unjoni - Artikolu 20 TFUE - Dritt ta’ residenza fi Stat Membru b’kundizzjonijiet marbuta mal-aċċess għall-għajnuna soċjali u għall-allowances tal-familja - Ċittadin ta’ pajjiż terz li tassumi r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva tal-wild minuri tagħha, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru - Obbligu għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li juri l-inkapaċità tal-ġenitur l-ieħor, ċittadin tal-imsemmi Stat Membru, li jieħu ħsieb il-minuri - Rifjut ta’ residenza li jista’ jġiegħel lill-wild jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru, jiġifieri t-territorju tal-Unjoni))
(2017/C 239/05)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Centrale Raad van Beroep
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: H.C. Chavez-Vilchez, P. Pinas, U. Nikolic, X.V. Garcia Perez, J. Uwituze, I.O. Enowassam, A.E. Guerrero Chavez, Y.R.L. Wip
Konvenuti: Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank, College van burgemeester en wethouders van de gemeente Arnhem, College van burgemeester en wethouders van de gemeente ’s-Gravenhage, College van burgemeester en wethouders van de gemeente ’s-Hertogenbosch, College van burgemeester en wethouders van de gemeente Amsterdam, College van burgemeester en wethouders van de gemeente Rijswijk, College van burgemeester en wethouders van de gemeente Rotterdam
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk wild, ċittadin tal-Unjoni Ewropea, ikunx imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni fit-totalità tiegħu u jkunx għalhekk imċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet li dan l-artikolu jagħtih jekk il-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, jiġi mċaħħad mir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat, iċ-ċirkustanza li l-ġenitur l-ieħor, ċittadin tal-Unjoni, huwa fil-fatt kapaċi u lest li jassumi waħdu r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva tal-wild hija element rilevanti iżda mhux suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata l-assenza, bejn il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz u l-wild, ta’ relazzjoni ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar ikun suġġett għall-istess eżiġenza fil-każ ta’ tali rifjut. Tali evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, fl-aħjar interess tal-wild, taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari, tal-età tiegħu, tal-iżvilupp fiżiku u emozzjonali tiegħu, tal-portata tar-relazzjoni affettiva tiegħu kemm mal-ġenitur ċittadin tal-Unjoni kif ukoll mal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, kif ukoll ir-riskju li din is-separazzjoni tiegħu minn dan tal-aħħar tinvolvi għall-bilanċ tiegħu.
2)
L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix Stat Membru milli jissuġġetta d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, ġenitur ta’ wild minuri li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, li ta’ kuljum u effettivament jieħu ħsieb dan il-wild, għall-obbligu għal dan iċ-ċittadin li jressaq l-elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li deċiżjoni li tirrifjuta d-dritt ta’ residenza għall-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz iċċaħħad lill-wild mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni billi ġġiegħlu jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu. Madankollu, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jipproċedu, fuq il-bażi tal-elementi pprovduti miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, bir-riċerki neċessarji sabiex ikunu jistgħu jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jekk deċiżjoni ta’ rifjut ikollhiex tali konsegwenzi.
(1) ĠU C 178, 1.6.2015.
Full & Egal Universal Law Academy