26.9.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 350/7
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Lulju 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Okresný súd Prešov – is-Slovakkja) – Milena Tomášová vs Slovenská republika – Ministerstvo spravodlivosti SR, Pohotovosť s.r.o.
(Kawża C-168/15) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Kuntratt ta’ kreditu li jinkludi klawżola inġusta - Eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ adottata skont din il-klawżola - Responsabbiltà ta’ Stat Membru għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil qorti nazzjonali - Kundizzjonijiet għal stabbiliment - Eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni))
(2016/C 350/09)
Lingwa tal-kawża: is-Slovakk
Qorti tar-rinviju
Okresný súd Prešov
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Milena Tomášová
Konvenuta: Slovenská republika – Ministerstvo spravodlivosti SR, Pohotovosť s.r.o.
fil-preżenza ta’: Združenie na ochranu občana spotrebiteľa HOOS
Dispożittiv
1)
Ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lil individwi b’riżultat ta’ ksur ta’ dritt tal-Unjoni permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali tista’ biss tiġi stabbilita jekk din id-deċiżjoni tingħata minn qorti ta’ dan l-Istat Membru li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika fir-rigward tal-kawża prinċipali. Jekk dan huwa l-każ, deċiżjoni ta’ din il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tista’ tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li tistabbilixxi l-imsemmija responsabbiltà, biss jekk, b’din id-deċiżjoni, l-imsemmija qorti tkun kisret b’mod manifest id-dritt applikabbli jew jekk dan il-ksur iseħħ minkejja l-eżistenza ta’ ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.
Ma jistax jitqies li qorti nazzjonali, li, qabel is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C-243/08, EU:C:2009:350), astjeniet, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li laqgħet talba għall-ħlas ta’ krediti bl-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali qabel ma ġiet meqjusa li kienet inġusta, fis-sens tad-Direttiva 93/13, li tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ din il-klawżola, meta hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha punti ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji f’dan is-sens, kisret b’mod manifest il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam u, għalhekk, wettqet ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni.
2)
Ir-regoli rigward il-kumpens għad-danni kkawżati minn ksur ta’ dritt tal-Unjoni, bħal dawk li jikkonċernaw l-evalwazzjoni ta’ tali danni jew ir-relazzjoni bejn talba intiża li tikseb dan il-kumpens u r-rimedji l-oħra possibbilment disponibbli, huma ddeterminati mid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru, bl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività.
(1) ĠU C 245, 27.7.2015.
Full & Egal Universal Law Academy