20.2.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 53/10
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċmbru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Symvoulio tis Epikrateias – il-Greċja) – Anonymi Geniki Etairia Tsimenton Iraklis (AGET Iraklis) vs Ypourgos Ergasias, Koinonikis Asfalisis kai Koinonikis Allilengyis
(Kawża C-201/15) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 98/59/KE - Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-tkeċċijiet kollettivi - Artikolu 49 TFUE - Libertà ta’ stabbiliment - Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikolu 16 - Libertà tal-impriża - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferixxi lil awtorità amministrattiva s-setgħa li topponi tkeċċijiet kollettivi wara evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, tas-sitwazzjoni tal-impriża u tal-interess tal-ekonomija nazzjonali - Kriżi ekonomika gravi - Rata ta’ qgħad nazzjonali partikolarment għolja))
(2017/C 053/12)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Symvoulio tis Epikrateias
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Anonymi Geniki Etairia Tsimenton Iraklis (AGET Iraklis)
Konvenuti: Ypourgos Ergasias, Koinonikis Asfalisis kai Koinonikis Allilengyis
fil-preżenza ta’: Enosi Ergazomenon Tsimenton Chalkidas
Dispożittiv
1)
Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha persuna li timpjega tista’, fl-assenza ta’ ftehim mar-rappreżentanti tal-ħaddiema dwar proġett ta’ tkeċċija kollettiva, tipproċedi b’tali tkeċċija biss bil-kundizzjoni li l-awtorità pubblika nazzjonali kompetenti li għandha tiġi nnotifikata b’dan il-proġett ma tadottax, fit-terminu previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni u wara eżami tal-fajl u evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, tas-sitwazzjoni tal-impriża kif ukoll tal-interess tal-ekonomija nazzjonali, deċiżjoni motivata li ma tawtorizzax it-twettiq ta’ parti mit-tkeċċijiet proposti jew it-tkeċċijiet kollha. Ikun differenti jekk ikun il-każ, li hija, skont il-każ, il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, li, fid-dawl tat-tliet kriterji ta’ evalwazzjoni li tirreferi għalihom din il-leġiżlazzjoni u tal-applikazzjoni konkreta tagħha li twettaq l-imsemmija awtorità pubblika taħt l-istħarriġ tal-qrati kompetenti, l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha l-konsegwenza li ċċaħħad id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva mill-effettività tagħhom.
2)
L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt.
3)
L-eżistenza eventwali, fi Stat Membru, ta’ kuntest ikkaratterizzat minn kriżi ekonomika gravi u rata ta’ qgħad partikolarment għolja, ma hijiex ta’ natura li taffettwa r-risposti mogħtija fil-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv.
(1) ĠU C 221, 6.7.2015
Full & Egal Universal Law Academy