14.12.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 414/11
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-21 ta’ Ottubru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Varhoven kasatsionen sad – il-Bulgarija) – Vasilka Ivanova Gogova vs Ilia Dimitrov Iliev
(Kawża C-215/15) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri - Regolament (KE) Nru 2201/2003 - Kamp ta’ applikazzjoni - Artikolu 1(1)(b) - Attribuzzjoni, eżerċizzju, delegazzjoni, restrizzjoni jew terminazzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri - Artikolu 2 - Kunċett ta’ “responsabbiltà tal-ġenituri” - Tilwima bejn il-ġenituri li tirrigwarda l-vjaġġ tal-minuri tagħhom u l-ħruġ ta’ passaport lil din tal-aħħar - Estensjoni tal-ġurisdizzjoni - Artikolu 12 - Kundizzjonijiet - Aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati aditi - Nuqqas ta’ dehra tal-konvenut - Assenza ta’ kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni, mill-mandatarju tal-konvenut maħtur ex officio mill-qrati aditi))
(2015/C 414/14)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Varhoven kasatsionen sad (il-Bulgarija)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Vasilka Ivanova Gogova
Konvenuta: Ilia Dimitrov Iliev
Dispożittiv
1)
L-azzjoni li permezz tagħha wieħed mill-ġenituri jitlob lill-qorti tagħti rimedju għan-nuqqas ta’ kunsens tal-ġenitur l-ieħor għall-vjaġġ tal-minuri tagħhom barra mill-Istat Membru ta’ residenza tagħha u għall-ħruġ ta’ passaport f’isem din il-minuri jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, u dan meta d-deċiżjoni mogħtija fi tmiem din l-azzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn l-imsemmija minuri hija residenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li tirrigwarda l-ħruġ ta’ dan il-passaport.
2)
L-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni tal-qrati aditi sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talba fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri ma tistax titqies li ġiet “espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għas-sempliċi raġuni li l-mandatarju ad litem li jirrappreżenta lill-konvenut, maħtur ex officio minn dawn il-qrati fid-dawl tal-impossibbiltà li dan tal-aħħar jiġi nnotifikat bir-rikors promotur, ma qajjimx l-eċċezzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-imsemmija qrati.
(1) ĠU C 236, 20.7.2015.
Full & Egal Universal Law Academy