8.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 287/12
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-2 ta’ Ġunju 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Kúria – l-Ungarija) – Lajvér Meliorációs Nonprofit Kft., Lajvér Csapadékvízrendezési Nonprofit Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-dunántúli Regionális Adó Főigazgatósága (NAV)
(Kawża C-263/15) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Tassazzjoni - Taxxa fuq il-valur miżjud - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 9(1) - Kunċetti ta’ “persuna suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud” u ta’ “attività ekonomika” - Artikolu 24(1) - Kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi” - Xogħlijiet ta’ inġinerija rurali - Kostruzzjoni u ġestjoni ta’ sistema għall-iskular ta’ ilmijiet minn kumpannija kummerċjali mingħajr skop ta’ lukru - Effett tal-finanzjament tax-xogħlijiet permezz ta’ għajnuna mill-Istat u ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea))
(2016/C 287/16)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Kúria
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Lajvér Meliorációs Nonprofit Kft., Lajvér Csapadékvízrendezési Nonprofit Kft.
Konvenuta: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-dunántúli Regionális Adó Főigazgatósága (NAV)
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġestjoni ta’ xogħlijiet ta’ inġinerija rurali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn kumpannija kummerċjali mingħajr skop ta’ lukru, li teżerċita tali attività bħala professjoni li trendi qligħ b’mod komplementari biss, tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja ċ-ċirkustanza li, minn naħa, dawn ix-xogħlijiet ikunu ġew iffinanzjati b’mod sinjifikattiv mill-għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, il-ġestjoni tagħhom tagħti biss lok għal dħul li joriġina minn tariffa ta’ ammont imnaqqas, peress li din it-tariffa għandha natura kontinwa minħabba t-tul previst tal-perijodu li matulu hija ser tinġabar.
2)
L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġestjoni ta’ xogħlijiet ta’ inġinerija rurali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi t-twettiq ta’ provvista ta’ servizzi bi ħlas, għar-raġuni li dawn għandhom rabta diretta mat-tariffa riċevuta jew li għandha tiġi riċevuta, bil-kundizzjoni li din it-tariffa ta’ ammont imnaqqas tikkostitwixxi l-korrispettiv tas-servizz ipprovdut u minkejja ċ-ċirkustanza li dawn is-servizzi jikkostitwixxu t-twettiq ta’ obbligi previsti minn dispożizzjonijiet legali. Il-qorti tar-rinviju għandha tivverfika jekk l-ammont tat-tariffa riċevuta jew li għandha tiġi riċevuta huwiex ta’ natura, bħala korrispettiv, li jikkaratterizza l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi mwettqa jew li għandha titwettaq u l-imsemmi korrispettiv, u, konsegwentement, in-natura oneruża tal-provvista ta’ servizzi. B’mod partikolari, hija għandha tiżgura li t-tariffa riċevuta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi biss remunerazzjoni parzjali tas-servizzi pprovduti jew li għandhom jiġu pprovduti, u li l-livell tagħha ma ġiex stabbilit minħabba l-eżistenza ta’ fatturi eventwali oħra li jistgħu, jekk ikun il-każ, iqiegħdu f’dubju r-rabta diretta bejn is-servizzi u l-korrispettiv tagħhom.
(1) ĠU C 235, 21.7.2014
Full & Egal Universal Law Academy