29.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 314/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-22 ta’ Ġunju 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Harju Maakohus – l-Estonja) – Irina Nikolajeva vs Multi Protect OÜ
(Kawża C-280/15) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Regolament (KE) Nru 207/2009 - Artikoli 9(3) u 102(1) - Obbligu ta’ qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea li tadotta digriet li jipprekludi lil terz milli jissokta bl-atti ta’ vjolazzjoni - Assenza ta’ talba intiża għall-kisba ta’ tali digriet - Kunċett ta’ “raġunijiet speċjali” sabiex tali projbizzjoni ma tiġix ippronunzjata - Kunċett ta’ “kumpens raġonevoli” għal fatti li seħħew wara l-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea u qabel il-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ tali trade mark))
(2016/C 314/09)
Lingwa tal-kawża: l-Estonjan
Qorti tar-rinviju
Harju Maakohus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Irina Nikolajeva
Konvenuta: Multi Protect OÜ
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 102(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas- 26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, skont ċerti prinċipji tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-proċedura, qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea milli tastjeni li tagħti ordni li jipprojbixxi terz milli jwettaq atti ta’ vjolazzjoni, minħabba li, quddiem din il-qorti, il-proprjetarju tat-trade mark ikkonċernata ma jkunx ressaq talba f’dan is-sens.
2)
It-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi li proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jkun jista’ jitlob kumpens għal fatti ta’ terz li jseħħu qabel il-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Fir-rigward ta’ atti ta’ terz imwettqa matul il-perijodu ta’ wara l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata, iżda qabel il-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tagħha, il-kunċett ta’ “kumpens raġonevoli”, li jidher f’din id-dispożizzjoni, ifisser il-ħlas lura tal-vantaġġi li jkunu fil-fatt ittieħdu minn terzi mill-użu ta’ din it-trade mark matul dan il-perijodu. Mill-banda l-oħra, dan il-kunċett ta’ “kumpens raġonevoli” jeskludi l-kumpens tad-dannu iktar estiż possibbilment sostnut mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark inkluż, jekk ikun il-każ, id-dannu morali.
(1) ĠU C 262, 10.08.2015.
Full & Egal Universal Law Academy