29.5.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 168/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-5 ta’ April 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas – Litwanja) – UAB “Borta” vs Klaipėdos valstybinio jūrų uosto direkcija VĮ
(Kawża C-298/15) (1)
((Rinvinju għal deċiżjoni preliminari - Kuntratti pubbliċi - Direttiva 2004/17/KE - Kuntratt li ma jilħaqx il-limitu previst minn din id-direttiva - Artikoli 49 u 56 TFUE - Limitazzjoni fl-użu tas-subkuntrattar - Preżentazzjoni ta’ offerta konġunta - Kapaċitajiet professjonali tal-offerenti - Emendi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt))
(2017/C 168/06)
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Qorti tar-rinviju
Lietuvos Aukščiausiasis Teismas
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: UAB “Borta”
Konvenuta: Klaipėdos valstybinio jūrų uosto direkcija VĮ
Dispożittiv
1)
Fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1336/2013, tat-13 ta’ Diċembru 2013, iżda li għandu interess transkonfinali ċert, l-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 24(5) tal-Lietuvos Respublikos viešųjų pirkimų įstatymas (liġi Litwana dwar il-kuntratti pubbliċi), li tipprevedi li, fil-każ tal-użu ta’ subkuntratturi għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet, l-offerent rebbieħ għandu jwettaq huwa stess ix-xogħlijiet prinċipali, iddefiniti bħala tali mill-entità kontraenti.
2)
Fir-rigward ta’ tali kuntratt pubbliku, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li joħorġu b’mod partikolari mill-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lill-entità kontraenti milli temenda, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, klawżola tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-kumulu ta’ kapaċitajiet professjonali, bħall-klawżola 4.3 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm, l-ewwel nett, l-emendi effettwati ma jkunux daqstant sostanzjali li jattiraw offerenti potenzjali li, fl-assenza ta’ dawn l-emendi, ma jkunux jistgħu jressqu offerta, it-tieni nett, dawn l-emendi jiġu ppubblikati b’mod adegwat u, it-tielet nett, dawn isiru qabel il-preżentazzjoni ta’ offerti mill-offerenti, filwaqt li t-terminu għall-preżentazzjoni ta’ dawn l-offerti jiġi estiż meta l-emendi kkonċernati jkunu sinjifikattivi, it-tul ta’ din l-estensjoni jkun skont l-importanza ta’ dawn l-emendi u dan it-tul ikun suffiċjenti sabiex l-operaturi ekonomiċi interessati jkunu jistgħu konsegwentement jadattaw l-offerta tagħhom, u dan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.
3)
L-Artikolu 54(6) tad-Direttiva 2004/17, kif emendata bir-Regolament Nru 1336/2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi klawżola ta’ speċifikazzjonijiet ta’ kuntratt, bħall-klawżola 4.3 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-każ ta’ preżentazzjoni ta’ offerta konġunta minn diversi offerenti, teħtieġ li l-kontribuzzjoni ta’ kull wieħed minnhom sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti applikabbli fil-qasam tal-kapaċitajiet professjonali tkun tikkorrispondi, proporzjonalment, mal-parti mix-xogħlijiet li huwa jkollu fil-fatt jeżegwixxi jekk jingħata l-kuntratt ikkonċernat.
(1) ĠU C 311, 21.9.2015
Full & Egal Universal Law Academy