13.3.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 78/3
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Jannar 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberster Gerichtshof – l-Awstrija) – BAWAG PSK Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG vs Verein für Konsumenteninformation
(Kawża C-375/15) (1)
((“Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 2007/64/KE - Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern - Kuntratti qafas - Informazzjoni ġenerali minn qabel - Obbligu li din l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq karta jew fuq mezz dejjiemi ieħor - Informazzjoni trażmessa permezz ta’ kaxxa postali elettronika integrata f’sit tal-internet ta’ servizzi bankarji online))
(2017/C 078/03)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberster Gerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: BAWAG PSK Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG
Konvenuta: Verein für Konsumenteninformation
Dispożittiv
L-Artikolu 41(1) u l-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/111/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(25) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-bidliet tal-informazzjoni u tal-kundizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 42 tal-imsemmija direttiva, kif ukoll il-bidliet tal-kuntratt qafas, li jintbagħtu mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas lill-utent ta’ dawn is-servizzi permezz ta’ kaxxa postali elettronika integrata f’sit tal-internet ta’ servizzi bankarji online, ma jistgħux jitqiesu li huma pprovduti fuq mezz dejjiemi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ħlief jekk jiġu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet:
—
dan is-sit tal-internet ikun jippermetti lil dan l-utent jaħżen l-informazzjoni li ġiet indirizzata lilu personalment b’mod li dan ikun jista’ jaċċedi għaliha u jirriproduċiha mingħajr tibdil, għal żmien xieraq, mingħajr ma jkun possibbli li ssir xi bidla unilaterali tal-kontenut tagħha minn dan il-fornitur jew minn professjonist ieħor, u
—
jekk l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ikun obbligat jikkonsulta l-imsemmi sit tal-internet sabiex isir jaf bl-imsemmija informazzjoni, it-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni tkun akkumpanjata minn aġir attiv min-naħa tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas intiż sabiex dan l-utent isir jaf bl-eżistenza u bid-disponibbiltà tal-imsemmija informazzjoni fuq l-imsemmi sit tal-internet.
Fl-ipoteżi fejn l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ikun obbligat jikkonsulta tali sit sabiex isir jaf bl-informazzjoni kkunsidrata, din titqiegħed sempliċement għad-dispożizzjoni ta’ dan l-utent, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2007/64, kif emendata bid-Direttiva 2009/111, meta t-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni ma tkunx akkumpanjata minn tali aġir attiv min-naħa tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas.
(1) ĠU C 354, 26.10.2015.
Full & Egal Universal Law Academy