16.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 14/14
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Nejvyšší správní soud – Ir-Repubblika Ċeka) – Odvolací finanční ředitelství vs Pavlína Baštová
(Kawża C-432/15) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Tassazzjoni - Taxxa fuq il-valur miżjud - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 2(1)(ċ) - Kunċett ta’ “provvista ta’ servizz bi ħlas” - It-tqegħid ta’ żiemel minn persuna taxxabbli għad-dispożizzjoni ta’ organizzatur ta’ tiġrijiet taż-żwiemel - Evalwazzjoni tal-korrispettiv - Dritt għal tnaqqis tal-ispejjeż marbuta mal-preparazzjoni taż-żwiemel tal-persuna taxxabbli għat-tiġrijiet - Spejjeż ġenerali marbuta mat-totalità tal-attività ekonomika - Anness III, punt 14 - Rata mnaqqsa tal-VAT applikabbli għad-dritt ta’ użu ta’ faċilitajiet sportivi - Applikabbiltà għall-operat ta’ stalla taż-żwiemel tat-tiġrija - Tranżazzjoni kkostitwita minn provvista unika jew minn diversi provvisti indipendenti))
(2017/C 014/18)
Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek
Qorti tar-rinviju
Nejvyšší správní soud
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Odvolací finanční ředitelství
Konvenuta: Pavlína Baštová
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix provvista ta’ servizzi bi ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, it-tqegħid ta’ żiemel mill-proprjetarju tiegħu, persuna suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud, għad-dispożizzjoni tal-organizzatur ta’ tiġrija taż-żwiemel għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tal-imsemmi żiemel f’din it-tiġrija, fil-każ li dan ma jagħtix lok għall-ħlas ta’ imposta għall-parteċipazzjoni jew għal remunerazzjoni oħra diretta u fil-każ li l-proprjetarji biss ta’ żwiemel li kellhom kklassifika tajba fi tmiem it-tiġrija jirċievu premju fi flus, anki jekk iffissat minn qabel. Min-naħa l-oħra, tali tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ żiemel jikkostitwixxi provvista ta’ servizz bi ħlas fil-każ li dan jagħti lok għall-ħlas, mill-organizzatur, ta’ remunerazzjoni indipendenti mill-klassifikazzjoni taż-żiemel inkwistjoni fi tmiem it-tiġrija.
2)
Id-Direttiva 2006/112 għandha tiġi interpretata fis-sens li jeżisti dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa fuq tranżazzjonijiet relatati mal-preparazzjoni u mal-parteċipazzjoni fit-tiġrijiet taż-żwiemel li huma proprjetà tal-persuna taxxabbli, li trabbi u tħarreġ iż-żwiemel tat-tiġrija tagħha stess kif ukoll dawk ta’ terzi, għar-raġuni li l-ispejjeż relatati ma’ dawn it-trażazzjonijiet jagħmlu parti mill-ispejjeż ġenerali marbuta mal-attività ekonomika tagħha, sakemm l-ispejjeż imġarrba għal kull waħda mit-tranżazzjonijiet inkwistjoni jkollhom rabta diretta u immedjata mat-totalità ta’ din l-attività. Dan jista’ jkun il-każ jekk l-ispejjeż hekk imġarrba jkunu relatati maż-żwiemel tat-tiġrija effettivament iddestinati għall-bejgħ jew jekk il-parteċipazzjoni tal-imsemmija żwiemel fit-tiġrijiet hija, minn perspettiva oġġettiva, mezz sabiex tiġi promossa l-attività ekonomika, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
Fil-każ li tali dritt għal tnaqqis jeżisti, il-premju fi flus li jkun, skont il-każ, intrebaħ mill-persuna taxxabbli abbażi tal-klassifikazzjoni ta’ wieħed miż-żwiemel tagħha fi tmiem tiġrija ta’ żwiemel ma għandux jiġi inkluż fil-valur taxxabbli tat-taxxa fuq il-valur miżjud.
3)
L-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkiem mal-punt 14 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li provvista ta’ servizzi kumplessa unika, komposta minn diversi elementi relatati, b’mod partikolari, mat-taħriġ taż-żwiemel, mal-użu ta’ faċilitajiet sportivi, mal-akkomodazzjoni taż-żwiemel fi stalla, mal-għalf u ma’ kura oħra mogħtija liż-żwiemel ma tistax tiġi suġġetta għal rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud meta l-użu ta’ faċilitajiet sportivi fis-sens tal-punt 14 tal-Anness III ta’ din id-direttiva u t-taħriġ taż-żwiemel jikkostitwixxu żewġ elementi ekwivalenti ta’ din il-provvista kumplessa unika jew meta t-taħriġ taż-żwiemel jikkostitwixxi l-element prinċipali tal-imsemmija provvista, u dan għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.
(1) ĠU C 371, 9.11.2015.
Full & Egal Universal Law Academy