29.5.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 168/10
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-22 ta’ Marzu 2017 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Finanzgericht Hamburg – il-Ġermanja, Rechtbank Noord-Holland – il-Pajjiżi l-Baxxi) – GROFA GmbH vs Hauptzollamt Hannover (C-435/15), X, GoPro Coöperatief UA vs Inspecteur van de Belastingdienst vs Douane kantoor Rotterdam Rijnmond (C-666/15)
(Kawżi magħquda C-435/15 u C-666/15) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Tariffa doganali komuni - Intestaturi tariffarji - Klassifikazzjoni tal-merkanzija - Vidjowkameras - Nomenklatura Magħquda - Subintestaturi 8525 80 30, 8525 80 91 u 8525 80 99 tan-Nomenklatura Magħquda - Noti ta’ spjegazzjoni - Interpretazzjoni - Regolamenti ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1249/2011 u (UE) Nru 876/2014 - Interpretazzjoni - Validità))
(2017/C 168/11)
Lingwi tal-kawża: il-Ġermaniż u l-Olandiż
Qrati tar-rinviju
Finanzgericht Hamburg, Rechtbank Noord-Holland
Partijiet fil-kawżi prinċipali
Rikorrenti: GROFA GmbH (C-435/15), X, GoPro Coöperatief UA (C-666/15)
Konvenuti: Hauptzollamt Hannover (C-435/15), Inspecteur van de Belastingdienst/Douane kantoor Rotterdam Rijnmond (C-666/15)
Dispożittiv
1)
Ir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1249/2011, tad-29 ta’ Novembru 2011, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli, b’analoġija, għal prodotti li għandhom il-karatteristiċi tat-tliet mudelli ta’ kameras tas-serje GoPro Hero 3 Black Edition, inkwistjoni fil-Kawża C-435/15.
2)
Ir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 876/2014, tat-8 ta’ Awwissu 2014, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli b’analoġija għal prodotti li għandhom il-karatteristiċi tat-tliet mudelli ta’ kameras tas-serje GoPro Hero 3 Black Edition, inkwistjoni fl-imsemmija Kawża, iżda huwa invalidu.
3)
Is-subintestaturi 8525 80 30, 8525 80 91 u 8525 80 99 tan-Nomenklatura Magħquda li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […], fil-verżjonijiet tiegħu li rriżultaw suċċessivament mir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011, tas-27 ta’ Settembru 2011, mir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni(UE) Nru 927/2012, tad-9 ta’ Ottubru 2012, u mir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013, tal-4 ta’ Ottubru 2013, għandhom jiġu interpretati, fid-dawl tan-noti ta’ spjega ta’ din in-Nomenklatura Magħquda relatati ma dawn is-subintestaturi, fis-sens li sekwenza vidjo ta’ iktar minn 30 minuta, irreġistrata f’fajls separati ta’ tul individwali ta’ inqas minn 30 minuta, għandha titqies li hija reġistrazzjoni ta’ mill-inqas 30 minuta ta’ sekwenza vidjo waħda, irrispettivament mill-fatt li l-utent ma jistax jintebaħ bil-mgħodija minn fajl għal ieħor matul il-qari tagħhom jew li, bil-kontra ta’ dan, huwa jkollu, matul dan il-qari, jiftaħ, bħala prinċipju, kull wieħed mill-fajls separatament.
4)
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, fil-verżjonijiet tiegħu li rriżultaw suċċessivament mir-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nru 1006/2011, Nru 927/2012 u Nru 1001/2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li vidjowkamera li tista’ tirreġistra sinjali li joriġinaw minn sorsi esterni, iżda li madankollu ma tistax tirriproduċihom permezz ta’ sett tat-televixin jew ta’ moniter estern, peress li din il-vidjowkamera tista’ taqra, fuq display jew moniter estern, biss dawk il-fajls li rreġistrat hija stess permezz tal-lenti tagħha, ma tistax tiġi kklassifikata fis-subintestatura tariffarja 8525 80 99 ta’ din in-Nomenklatura Magħquda.
(1) ĠU C 363, 3.11.2015
ĠU C 106, 21.3.2016
Full & Egal Universal Law Academy