20.2.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 53/17
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Kúria – l-Ungerija) – Interservice d.o.o. Koper vs Sándor Horváth
(Kawża C-547/15) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kodiċi Doganali tal-Komunità - Regolament (KEE) Nru 2913/92 - Artikolu 96 - Proċedura ta’ tranżitu estern - Kunċett ta’ “trasportatur” - Assenza ta’ preżentazzjoni tal-merkanzija fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni - Responsabbiltà - Sottotrasportatur li ta lura l-merkanzija lit-trasportatur prinċipali fil-parking tal-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni u reġa’ ħa l-pussess ta’ din il-merkanzija fi traġitt sussegwenti))
(2017/C 053/20)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Kúria
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Interservice d.o.o. Koper
Konvenut: Sándor Horváth
Dispożittiv
1)
Il-kunċett ta’ “trasportatur”, li għandu obbligu li jippreżenta l-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni msemmi fl-Artikolu 96(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi kull persuna, inkluż sottotrasportatur, li effettivament twettaq it-trasport tal-merkanzija suġġetta għall-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern u tkun aċċettat dan it-trasport bl-għarfien li l-imsemmija merkanzija kienet suġġetta għal din il-proċedura.
2)
L-Artikolu 96(2) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 648/2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li sottotrasportatur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, min-naħa, ta lura l-merkanzija, flimkien mad-dokument ta’ tranżitu, lit-trasportatur prinċipali fil-parking tal-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni u, min-naħa l-oħra, reġa’ ħa l-pussess ta’ din il-merkanzija fi traġitt sussegwenti, ma kellux l-obbligu li jaċċerta li din tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni u jista’ jinżamm responsabbli għall-assenza ta’ tali preżentazzjoni biss jekk kien jaf, meta reġa’ ħa l-pussess fiżiku tal-imsemmija merkanzija, li l-proċedura ta’ tranżitu ma kinitx tlestiet b’mod regolari, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.
(1) ĠU C 27, 25.1.2016.
Full & Egal Universal Law Academy