8.5.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 144/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-9 ta’ Marzu 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Općinski sud u Puli-Pola – il-Kroazja) – Pula Parking d.o.o. vs Sven Klaus Tederahn
(Kawża C-551/15) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Regolament (UE) Nru 1215/2012 - Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u ratione materiae - Materji ċivili u kummerċjali - Proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata intiża għall-irkupru ta’ debitu mhux imħallas għal ipparkjar pubbliku - Inklużjoni - Kunċett ta’ “qorti” - Nutar li ħareġ mandat ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ “dokument awtentiku”))
(2017/C 144/11)
Lingwa tal-kawża: il-Kroat
Qorti tar-rinviju
Općinski sud u Puli-Pola
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Pula Parking d.o.o.
Konvenut: Sven Klaus Tederahn
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mibdija minn kumpannija li hija l-proprjetà ta’ kollettività territorjali kontra persuna fiżika ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-irkupru ta’ debitu mhux imħallas għal ipparkjar f’parkeġġ pubbliku, li t-tmexxija tiegħu ġiet iddelegata lil din il-kumpannija minn din il-kollettività, li bl-ebda mod ma huwa ta’ natura punittiva iżda sempliċement jikkostitwixxi korrispettiv tas-servizz ipprovdut, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.
2)
Ir-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-Kroazja, in-nutara, li jaġixxu fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ “dokument awtentiku”, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens ta’ dan ir-regolament.
(1) ĠU C 48, 8.2.2016.
Full & Egal Universal Law Academy