26.6.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 202/5
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-27 ta’ April 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal de grande instance de Perpignan – Franza) – proċeduri kriminali kontra Noria Distribution SARL
(Kawża C-672/15) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 2002/46/KE - Approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel - Vitamini u minerali li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ supplimenti tal-ikel - Kwantitajiet massimi - Kompetenzi tal-Istati Membri - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa dawn il-kwantitajiet - Rikonoxximent reċiproku - Assenza - Modalitajiet li għandhom jiġu osservati u elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment ta’ dawn il-kwantitajiet))
(2017/C 202/07)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Tribunal de grande instance de Perpignan
Parti fil-proċedura kriminali prinċipali
Noria Distribution SARL
Fil-preżenza ta’: Procureur de la République, Union fédérale des consommateurs des P.O (Que choisir)
Dispożittiv
1)
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/46 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Ġunju 2002, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel, u dawk tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tipprevedix proċedura dwar it-tqegħid fis-suq ta’ dan l-Istat Membru ta’ supplimenti tal-ikel li l-kontenut ta’ nutrijenti tagħhom jeċċedi d-dożi massimi għal kull jum stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni u li huma legalment immanifatturati jew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor.
2)
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/46 u dawk tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kwantitajiet massimi previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu ffissati każ b’każ u fid-dawl tal-elementi kollha li jinsabu fl-imsemmi Artikolu 5(1) u (2), b’mod partikolari l-limiti ogħla ta’ sigurtà stabbiliti, għan-nutrijenti kkonċernati, wara evalwazzjoni xjentifika ddettaljata tar-riskji għas-saħħa pubblika, ibbażata mhux fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda fuq data xjentifika rilevanti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-metodu ta’ ffissar ta’ dawn il-kwantitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfax dawn ir-rekwiżiti.
3)
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/46 u dawk tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji prevista fl-Artikolu 5(1)(a) ta’ din id-direttiva, li għandha ssir qabel l-istabbiliment tal-limiti ogħla ta’ sigurtà li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-kwantitajiet massimi previsti fl-istess Artikolu 5, issir biss fuq il-bażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi nazzjonali, meta opinjonijiet xjentifiċi internazzjonali affidabbli u reċenti fir-rigward tal-possibbiltà ta’ ffissar ta’ limiti ogħla jkunu wkoll disponibbli fid-data tal-adozzjoni tal-miżura kkonċernata.
(1) ĠU C 90, 7.3.2016
Full & Egal Universal Law Academy