16.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 14/18
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-26 ta’ Ottubru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Supremo – Spanja) – Siderúrgica Sevillana SA (C-369/15), Solvay Solutions España SL (C-370/15), Cepsa Química SA (C-371/15), Dow Chemical Ibérica SL (C-372/15) vs Administración del Estado
(Kawżi magħquda C-369/15 sa C-372/15) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea - Direttiva 2003/87/KE - Artikolu 10a - Metodu ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas - Kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi - Deċiżjoni 2013/448/UE - Artikolu 4 - Anness II - Validità - Applikazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi għall-installazzjonijiet tas-setturi esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ rilaxx tal-karbonju - Deċiżjoni 2011/278/UE - Artikolu 10(9) - Validità))
(2017/C 014/23)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Supremo
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Siderúrgica Sevillana SA (C-369/15), Solvay Solutions España SL (C-370/15), Cepsa Química SA (C-371/15), Dow Chemical Ibérica SL (C-372/15)
Konvenuta: Administración del Estado
Fil-preżenza ta’: Repsol Petróleo SA BP Oil España SAU (C-371/15)
Dispożittiv
1)
La mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva [tal-Kunsill] 96/61/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u lanqas mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ma jirriżulta li, fid-determinazzjoni tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-Kummissjoni Ewropea eskludiet emissjonijiet oħra minbarra dawk li huma imputabbli lill-ġeneraturi tal-elettriku.
2)
L-eżami tal-punt (b) tat-tielet domanda ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278.
3)
L-eżami tar-raba’ domanda ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278.
4)
L-Artikolu 4 u l-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 huma invalidi.
5)
L-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/488 għandhom jiġu limitati ratione temporis, minn naħa, b’tali mod li din id-dikjarazzjoni jkollha effett biss meta jintemm perijodu ta’ għaxar xhur mid-data tal-għoti tas-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C-191/14, C-192/14, C-295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14, EU:C:2016:311), sabiex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tadotta l-miżuri meħtieġa u, min-naħa l-oħra, b’tali mod li l-miżuri adottati sakemm jintemm dan il-perijodu fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet invalidati ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati.
(1) ĠU C 311, 21.9.2015.
Full & Egal Universal Law Academy