KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fil-25 ta’ Mejju 2016 ( 1 )
Kawża C‑30/15 P
Simba Toys GmbH & Co. KG
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
“Appell — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Motiv ta’ rifjut jew ta’ annullament tar-reġistrazzjoni — Trade mark tridimensjonali li hija kkostitwita mill-forma tal-prodott — Sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma imposta min-natura tal-prodott — Artikolu 7(1)(e)(i) — Sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku — Artikolu 7(1)(e)(ii) — Forma ta’ Rubik’s cube”
Introduzzjoni
1.
Dan l-appell jikkonċerna s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-25 ta’ Novembru 2014, Simba Toys vs UASI – Seven Towns (Forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja) ( 2 ), li kienet ċaħdet ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) ( 3 ) dwar proċedura ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Simba Toys GmbH & Co. KG u Seven Towns Ltd.
2.
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Uffiċċju li kienet ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-manifattur ta’ logħob Ġermaniż Simba Toys (iktar ’il quddiem “Simba Toys” jew ir-“rikorrenti”) dwar trade mark tridimensjonali rreġistrata għal “logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali” ippreżentata taħt il-forma ta’ “Rubik’s cube”.
3.
Ir-rikorrenti tinvoka, fost aggravji oħra, il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 ( 4 ) li jikkonċernaw is-sinjali kkostitwiti mill-forma tal-prodott innifsu.
4.
Kif diġà kelli l-opportunità li nindika fil-kuntest ta’ proċedura oħra, il-kwistjoni tar-reġistrazzjoni ta’ dan it-tip ta’ sinjal hija karatterizzata minn speċifiċità marbuta mar-riskju li l-esklużività riżultanti mir-reġistrazzjoni tat-trade mark testendi għal ċerti karatteristiċi utilitarji tal-prodott li jimmanifestaw ruħhom fil-forma tiegħu. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 jipprojbixxu li jingħata monopolju fuq il-karatteristiċi essenzjali tal-prodott ikkonċernat, filwaqt li jipprojbixxu l-użu tad-dritt tat-trade marks għal skopijiet li ma jkunux konformi mal-premessi sottostanti dan id-dritt ( 5 ).
5.
F’dawn l-aħħar snin, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità f’diversi okkażjonijiet li tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet ( 6 ), imma l-applikazzjoni tagħhom ma tonqosx milli tkun is-suġġett ta’ kontroversja.
Kuntest ġuridiku
Regolament Nru 207/2009
6.
L-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 207/2009 ( 7 ) li jirregola r-raġunijiet assoluti għal rifjut jipprovdi:
“1. Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:
[…]
e)
sinjali li jikkonsistu esklussivament f’dawn li ġejjin:
(i)
forma li tirriżulta min-natura tal-prodotti nfushom;
(ii)
forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku;
[…]”.
Proċedimenti quddiem l-Uffiċċju
7.
Fl-1 ta’ April 1996, Seven Towns, ippreżentat quddiem l-Uffiċċju applikazzzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kkostitwita mis-sinjal tridimensjonali (iktar ’il quddiem is-“sinjal ikkontestat”) riprodott iktar ’il quddiem għal “logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali” li taqa’ taħt il-klassi 28 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif emendat:
.
8.
Dik it-trade mark kienet ġiet irreġistrata fis-6 ta’ April 1999 (Nru 162784).
9.
Fil-15 ta’ Novembru 2006, Simba Toys ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dik ir-reġistrazzjoni, billi invokat l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 ( 8 ), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(a) sa (ċ) u (e) ta’ dan l-istess regolament. B’deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2008, id-diviżjoni tal-kanċellazzjoni tal-Uffiċċju kienet ċaħdet it-talba. Fit-23 ta’ Ottubru 2008, Simba Toys ippreżentat appell minn dik id-deċiżjoni.
10.
B’deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju ċaħad ir-rikors.
11.
Filwaqt li ċaħad l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa ddikjara li l-forma inkwistjoni ma kellhiex manifestament il-forma ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ u ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala imposta min-natura nnifisha tal-prodott. Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa rrileva, inter alia, li l-karatteristiċi essenzjali tal-forma, b’mod partikolari l-“istruttura kubika ta’ gradilja”, ma kienu jagħtu l-ebda indikazzjoni dwar il-funzjoni tagħha, u lanqas dwar l-eżistenza ta’ xi funzjoni.
Is-sentenza appellata
12.
B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Novembru 2009, Simba Toys ressqet azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.
13.
Simba Toys invokat tmien motivi li fosthom tnejn – it-tieni u t-tielet motivi – jirrigwardaw l-Artikolu 7(1)(e) rispettivament (ii) u (i) tar-Regolament Nru 207/2009.
14.
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu bħala infondat.
15.
Fil-punti 27 sa 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni motiv, maqsum fi tmien taqsimiet, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009.
16.
Filwaqt li għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni u b’mod partikolari għas-sentenza Lego Juris vs UASI ( 9 ) (punti 31 sa 42 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali l-ewwel identifikat il-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikkontestat bħala, l-ewwel nett, il-forma ta’ kubu u, t-tieni nett, l-istruttura ta’ gradilja li tidher fuq kull wieħed mill-uċuħ ta’ dan il-kubu (punti 43 sa 47 tas-sentenza appellata).
17.
Il-Qorti Ġenerali sussegwentement indikat li kien hemm lok li jiġi evalwat jekk il-karatteristiċi essenzjali fuq imsemmija tat-trade mark ikkontestata “jissodisfawx” kollha funzjoni teknika tal-prodotti kkonċernati (punt 48 tas-sentenza appellata).
18.
Il-Qorti Ġenerali ċċitat il-punt 28 tad-deċiżjoni kontenzjuża, ikkontestat mir-rikorrenti, fis-sens li, “skont l-Artikolu 7(1) [(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009], il-kawżi ta’ invalidità ta’ trade mark tridimensjonali [kellhom] jibbażaw esklużivament fuq l-eżami tar-rappreżentazzjoni tat-trade mark kif [kienet ġiet ippreżentata] irreġistrata u mhux fuq karatteristiċi inviżibbli allegati jew ipperċepiti”; ir-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata “ma [kienu jissuġġerixxu] ebda funzjoni partikolari, anki meta l-prodotti, jiġifieri l-’logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali’ [kienu] ttieħdu inkunsiderazzjoni”; fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ din il-kawża, il-Bord tal-Appell ma kellux jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità “magħrufa sew” ta’ rotazzjoni tal-istrixxi vertikali u orizzontali tal-logħba ta’ taħbil il-moħħ imsemmija “Rubik’s cube” u jsib “b’mod illeġittimu u retroattiv”, il-funzjonalità f’dawn ir-rappreżentazzjonijiet; l-istruttura kubika ta’ gradilja ma tagħti l-ebda indikazzjoni dwar il-funzjoni tagħha, lanqas dwar l-eżistenza ta’ xi kwalunkwe funzjoni, u “huwa impossibbli li jiġi konkluż li hija tista’ tipprovdi [vantaġġ kompetittiv] fid-dominju tal-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali”; il-forma ma kienet tinkludi “ebda indizju fuq il-logħba ta’ taħbil il-moħħ li hija [kienet tinkorpora]”.
19.
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel, it-tieni u s-seba’ parti tat-tieni motiv tar-rikorrenti, li kienu bbażati fuq id-dikjarazzjoni li l-linji suwed “kienu l-konsegwenza ta’ funzjoni teknika” konsistenti fil-kapaċità ta’ rotazzjoni jew ta’ kull possibbiltà oħra li jiċċaqilqu l-partijiet individwali tal-logħba ta’ taħbil il-moħħ (punti 51 sa 55 tas-sentenza appellata) jew li huma kienu jissodisfaw dik il-funzjoni billi jiġu sseparati l-partijiet individwali tal-logħba ta’ taħbil il-moħħ sabiex huma jkunu jistgħu jkunu mċaqilqa permezz ta’ movimenti ta’ rotazzjoni (punti 56 sa 62 tas-sentenza appellata).
20.
Hekk ukoll, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet u r-raba’ partijiet ta’ dan il-motiv li jirrigwardaw rispettivament il-ksur tal-interess ġenerali sottostanti d-dispożizzjoni inkwistjoni (punti 63 u 64 tas-sentenza appellata), kif ukoll il-kritika kontra d-dikjarazzjonijiet tal-Uffiċċju f’dan ir-rigward (punti 69 sa 72 tas-sentenza appellata).
21.
Il-Qorti Ġenerali mbagħad ċaħdet il-ħames parti tal-motiv ibbażata fuq id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li, l-istess bħal f’din il-kawża, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Philips ( 10 ) u LegoJuris vs UASI – Mega Brands (Brikk tal-Lego ħamra) ( 11 ), il-funzjoni teknika tal-forom inkwistjoni lanqas ma kienet tirriżulta direttament mis-sinjal (punti 69 sa 72 tas-sentenza appellata).
22.
Fl-aħħarnett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet is-sitt u t-tmien partijiet ta’ dan il-motiv li jikkonċernaw, rispettivament, l-assenza ta’ forom alternattivi li jistgħu jaqdu dik l-istess funzjoni teknika kif ukoll id-dikjarazzjoni li l-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali ta’ dan it-tip kienu magħrufa qabel il-preżentata tat-trade mark ikkontestata (punti 73 sa 76 tas-sentenza appellata).
23.
Fil-punti 78 sa 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 207/2009.
24.
Fil-kumplament tal-motivi tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-motivi l-oħra nvokati mir-rikorrenti kienu infondati u konsegwentement ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.
Talbiet tal-partijiet
25.
Fl-appell tagħha, Simba Toys titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata u tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża tal-Bord tal-Appell, kif ukoll tikkundanna lill-Uffiċċju u lil Seven Towns għall-ispejjeż.
26.
L-Uffiċċju u Seven Towers jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil Simba Toys għall-ispejjeż.
Analiżi
27.
Ir-rikorrenti tinvoka sitt aggravji. L-ewwel żewġ aggravji jikkonċernaw l-Artikolu 7(1)(e), rispettivament (ii) u (i) tar-Regolament Nru 207/2009 ( 12 ).
28.
L-analiżi tiegħi ser tkun limitata għal dawn iż-żewġ motivi li jidhirli li – fid-dawl tan-natura speċifika tal-proċedura ta’ appell – huma deċiżivi għar-riżoluzzjoni ta’ din il-kawża.
Ratio legis tal-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 207/2009
29.
Kif diġà kelli l-okkażjoni li ninnota ( 13 ), l-interess ġenerali sottostanti l-motivi ta’ rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament huwa dak li jżomm fid-dominju pubbliku l-karatteristiċi essenzjali tal-prodott ikkonċernat, li jkunu riflessi fil-forma tiegħu.
30.
Il-ġustifikazzjoni ta’ dan il-motiv tirriżulta mill-premessi axioloġiċi tas-sistema tal-protezzjoni tat-trade marks. Din is-sistema hija intiża qabelxejn sabiex twaqqaf il-pedamenti ta’ kompetizzjoni lejali filwaqt li ssaħħaħ it-trasparenza tas-suq. Bħala regola ġenerali, l-esklużività ta’ użu tas-sinjal ikkonċernat ma tillimitax il-libertà tal-kompetituri li joffru l-prodotti tagħhom. Huma jistgħu liberament jagħmlu l-għażla tagħhom minn fost is-sinjali potenzjali kollha li n-numru tagħhom huwa, min-natura tagħhom, illimitat.
31.
Madankollu, f’ċerti sitwazzjonijiet, l-eżistenza ta’ drittijiet esklużivi fuq it-trade mark tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Dan jikkonċerna b’mod partikolari r-reġistrazzjoni ta’ sinjali li jirrappreżentaw il-forma tal-prodott.
32.
L-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa intiż sabiex jevita li r-reġistrazzjoni tal-forma tippermetti li jiġi akkwistat vantaġġ kompetittiv żleali bit-twaqqif ta’ esklużività fuq il-karatteristiċi essenzjali tal-prodott, li huma importanti mill-perspettiva ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat. Tali sitwazzjoni tista’ twassal sabiex tpoġġi fid-dubju l-għan li għalih twaqqfet is-sistema ta’ protezzjoni tat-trade marks.
33.
L-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament 207/2009 jeskludi r-reġistrazzjoni ta’ forma li l-karatteristiċi essenzjali kollha tagħha jirriżultaw min-natura tal-prodott ikkonċernat ( 14 ). Skont dik id-dispożizzjoni, il-forom li l-karatteristiċi essenzjali tagħhom huma inerenti għall-funzjoni jew għall-funzjonijiet ġeneriċi ta’ dan il-prodott ma għandhomx jiġu rreġistrati. Ir-riżerva ta’ dawn il-karatteristiċi għal operatur ekonomiku wieħed biss tostakola li impriżi kompetituri jkunu jistgħu jagħtu lill-prodotti tagħhom forma li tista’ tkun utili għall-użu ta’ dawk il-prodotti ( 15 ).
34.
L-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa intiż sabiex jevita li d-dritt tat-trade marks iwassal sabiex jagħti lil impriża monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utilitarji ta’ prodott li l-utent jista’ jfittex fil-prodotti tal-kompetituri ( 16 ). Din id-dispożizzjoni tiżgura li l-impriżi ma jkunux jistgħu jużaw id-dritt tat-trade marks sabiex jipperpetwaw, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, drittijiet esklużivi dwar soluzzjonijiet tekniċi ( 17 ).
35.
Għandu jiġi nnotat li l-għan tas-sistema tal-protezzjoni tat-trade marks huwa distint mill-premessi sottostanti l-protezzjoni ta’ ċerti drittijiet oħra ta’ proprjetà intellettwali, li huma intiżi sabiex jippromwovu l-innovazzjoni u l-kreattività. Dik id-differenza fl-għanijiet tispjega għaliex il-protezzjoni riżultanti mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark mhijiex limitata ratione temporis, filwaqt li l-leġiżlatur illimita ratione temporis il-protezzjoni tad-drittijiet l-oħra ta’ proprjetà intellettwali. Kieku s-sistema tal-protezzjoni tat-trade marks kienet użata sabiex ittawwal l-esklużività fuq il-beni immaterjali – bħalma huma d-disinni u l-mudelli, l-invenzjonijiet jew ix-xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur – li huma fil-prinċipju protetti għal żmien limitat, dan ipoġġi fid-dubju l-premessi sottostanti l-protezzjoni tat-trade marks ( 18 ).
Fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 (it-tieni aggravju)
36.
Qabelxejn ser neżamina l-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-motiv ta’ annullament li jikkonċerna l-każ tal-forma imposta min-natura nnifisha tal-prodott.
37.
L-analiżi ta’ dan l-aggravju hija iktar u iktar importanti għaliex l-Uffiċċju ppropona, fir-risposta tiegħu, li jadotta interpretazzjoni li ma hijiex dik li tirriżulta mis-sentenza Hauck ( 19 ).
38.
Infakkar li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ dan il-motiv ta’ annullament tar-reġistrazzjoni ma hijiex limitata għall-prodotti msejħa “naturali”, li ma għandhomx forma alternattiva, jew għall-prodotti msejħa “irregolati”, li l-forma tagħhom hija preskritta b’liġijiet, imma tikkonċerna s-sinjali kollha kkostitwiti esklużivament mill-forma ta’ prodott li għandha karatteristiċi ta’ użu proprji għall-funzjoni jew għall-funzjonijiet ġeneriċi ta’ dan il-prodott ( 20 ).
39.
L-Uffiċċju jsostni li dik l-interpretazzjoni hija wiesgħa żżejjed u li hija tista’ twassal fil-prattika sabiex tirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il-possibbiltajiet ta’ reġistrazzjoni ta’ sinjali li jkunu ppreżentati fil-forma ta’ prodott, għaliex kull forma ta’ prodott fiha karatteristiċi ġeneriċi. Skont l-Uffiċċju, il-motiv ta’ annullament inkwistjoni huwa applikabbli esklużivament għall-forom standardizzati, predefiniti, li ma jistax ikollhom forom alternattivi.
40.
Ma naqbilx ma’ din il-fehma.
41.
Il-motiv ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa intiż sabiex jipproteġi l-interess ġenerali billi jeskludi mir-reġistrazzjoni forom li l-karatteristiċi kollha tagħhom huma inerenti għall-funzjoni jew għall-funzjonijiet ġeneriċi ta’ prodott. L-interpretazzjoni li jipproponi l-Uffiċċju mhijiex ta’ natura li sservi l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni, kif jirriżulta mir-ratio legis tagħha, għaliex hija tawtorizza potenzjalment ir-reġistrazzjoni tal-karatteristiċi abitwali ta’ prodott. Dik l-interpretazzjoni tkun tippermetti pereżempju r-reġistrazzjoni ta’ kubu użat għal-logħob bid-dadi jew il-logħob fuq il-bord (board games), għaliex il-forma ta’ dak il-kubu mhijiex waħda regolamentata imma tirrapreżenta l-forma adottata abitwalment. Barra minn hekk, b’interpretazzjoni daqstant stretta, dik id-dispożizzjoni titlef kull sens għaliex kjarament il-forom standardizzati ma għandhomx natura distintiva u ma jistgħux jakkwistawha permezz tal-użu, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009.
42.
F’din il-kawża, fir-rigward tal-motiv dwar il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li “min-natura tal-prodotti kkonċernati, f’dan il-każ il-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali [kien] ċar li xejn ma jimponi li dawn il-prodotti għandhom ikollhom il-forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja […] kif jirriżulta mill-proċess, diġà fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, [li] l-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali, anki dawk li kellhom kapaċità ta’ rotazzjoni, kienu ppreżentati f’diversi forom differenti, minn b’mod partikolari forom ġeometriċi l-iktar komuni (pereżempju kubi, piramidi, sferi u koni) sa dawk ta’ bini, ta’ monumenti, ta’ oġġetti jew ta’ annimali.” (punt 82 tas-sentenza appellata).
43.
Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni żbaljata tal-motiv ta’ annullament inkwistjoni għaliex – fil-fehma tagħha – il-karatteristiċi kollha tas-sinjal eżaminat jirriżultaw mill-karatteristiċi ta’ użu proprji għal kategorija ta’ prodotti. Skont ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ddefinixxiet b’mod wiesa’ żżejjed il-kategorija rilevanti ta’ prodotti bħal dik tal-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali, għaliex dan il-każ jirrigwarda kategorija preċiża ta’ logħob ta’ taħbil il-moħħ: il-logħob ta’ taħbil il-moħħ li għandhom il-forma ta’ “kubu maġiku”.
44.
L-Uffiċċju u Seven Towns isostnu l-fehma tagħhom, kif tirriżulta mis-sentenza appellata, dwar, b’mod partikolari, l-identifikazzjoni tal-kategorija rilevanti ta’ prodotti.
45.
Fil-fehma tiegħi għandu jiġi nnotat li, kif juru l-argumenti tal-partijiet, l-evalwazzjoni tas-sinjal ikkontestat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-motiv ta’ annullament invokat, tiddependi mill-kwistjoni jekk il-kategorija rilevanti tal-prodotti ġietx iddefinita b’mod wiesa’, bħala li tirrigwarda b’mod ġenerali l-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali, jew b’mod preċiż – bħala logħba ta’ taħbil il-moħħ kubika jew anki “kubu maġiku” ( 21 ). Għal din l-aħħar kategorija, il-forma rrapreżentata mill-gradilja ta’ linji suwed tal-kubu hija inkontestabbilment forma naturali.
46.
Għandu jiġi nnotat li d-determinazzjoni tal-kategorija rilevanti tal-prodotti eżaminati tikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt. Mhuwiex possibbli, fl-istadju tal-appell, li tiġi kkontestata l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-kwistjoni jekk “kubi maġiċi” jikkostitwixxux kategorija distinta ta’ prodotti, jekk il-parti kkonċernata ma qajmitx f’dan ir-rigward xi aggravju bbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti jew tal-provi.
47.
Huwa veru li ċerti argumenti esposti fl-appell jistgħu, eventwalment, jiġu interpretati bħala l-iskeċċjar ta’ tali aggravju bbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti jew tal-provi. Ir-rikorrenti tindika li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-kubi maġiċi kienu magħrufa fis-suq fil-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-istudji tas-swieq li juru li fil-Ġermanja, il-maġġoranza kbira tal-konsumaturi kienu jafu b’din il-logħba, madankollu mingħajr ma jagħmlu konnessjoni ma’ produttur preċiż. Ir-rikorrenti qajmet dan l-argument mill-ġdid waqt is-seduta, sabiex tikkonferma n-natura ġenerika tal-forma inkwistjoni.
48.
Madankollu, sa fejn, fil-kuntest tat-tieni aggravju mqajjem, ir-rikorrenti ma tinvokax espliċitament argumenti li jikkonċernaw l-istudji tas-suq imwettqa fil-Ġermanja, u lanqas ma tintegrahom fil-kritika tagħha tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 80 sa 82 tas-sentenza appellata, fil-fehma tiegħi ma jistax jiġi konkluż li r-rikorrenti tabilħaqq qajmet l-aggravju tal-iżnaturament tal-fatti u tal-provi.
49.
Għandu jitfakkar li tali aggravju għandu natura eċċezzjonali għall-finijiet tal-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, raġuni ’l għala ġurisprudenza stabbilita tirrikjedi li r-rikorrent mhux biss jindika b’mod preċiż il-fatti jew elementi li fil-fehma tiegħu ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali imma wkoll li huwa juri l-iżbalji li konsegwentement ivvizzjaw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali. Tali żnaturament għandu jidher b’mod manifest mid-dokumenti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi ( 22 ).
50.
Applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-rekwiżiti hija neċessarja fil-fehma tiegħi fid-dawl tan-natura partikolari tal-aggravju bbażat fuq l-iżnaturament li tippreżupponi li l-Qorti Ġenerali kienet manifestement marret lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi ( 23 ).
51.
Konsegwentement, nipproponi li t-tieni aggravju jiġi miċħud bħala inammissibbli.
Fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009 (l‑ewwel aggravju)
Ġurisprudenza
52.
Il-motiv ta’ rifjut jew ta’ annullament tar-reġistrazzjoni msemmi fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 huwa applikabbli għas-sinjali kkostitwiti “esklussivament” mill-forma tal-prodott “neċessarja” għall-kisba ta’ riżultat tekniku.
53.
Għalhekk il-leġiżlatur ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li kull forma ta’ prodott hija, sa ċertu punt, funzjonali u li, konsegwentement, ma kienx ikun xieraq li r-reġistrazzjoni bħala trade mark tiġi rrifjutata lil forma ta’ prodott għas-sempliċi motiv li hija tippreżenta karatteristiċi utilitarji. Bil-frażi “esklussivament” u “neċessarja”, dik id-dispożizzjoni tiżgura li huma biss il-forom ta’ prodott li ma jagħmlu xejn iktar milli jinkorporaw soluzzjoni teknika u li għaldaqstant ir-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark sejra verament tfixkel l-użu ta’ dik is-soluzzjoni teknika minn impriżi oħra jkunu miċħuda r-reġistrazzjoni ( 24 ).
54.
Fir-rigward tas-sinjali kkostitwiti “esklussivament” mill-forma funzjonali tal-prodott, dik il-kundizzjoni hija sodisfatta meta l-karatteristiċi essenzjali kollha ta’ forma (ta’ sinjal) jissodisfaw funzjoni teknika. Bil-kuntrarju, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal tali ma tistax tiġi rrifjutata fuq il-bażi ta’ dik id-dispożizzjoni jekk il-forma ta’ prodott inkwistjoni tinkorpora element importanti mhux funzjonali, bħal element ornamentali jew ta’ fantasija li għandu rwol importanti ( 25 ).
55.
Fir-rigward tal-forma “neċessarja” għall-kisba tar-riżultat tekniku intiż, dik il-kundizzjoni ma tfissirx li l-forma inkwistjoni għandha tkun l-unika waħda li tippermetti li jinkiseb dan ir-riżultat. Għalhekk jista’ jkun hemm forom alternattivi, li għandhom dimensjonijiet oħra jew disinn ieħor, li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li r-reġistrazzjoni ta’ forma bħala trade mark tippermetti li impriżi oħra jiġu pprojbiti mhux biss milli jużaw l-istess forma, imma wkoll milli jużaw forom simili. Numru kbir ta’ forom alternattivi jistgħu għalhekk isiru inutilizzabbli mill-kompetituri ( 26 ).
56.
Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, sinjal ikkostitwit mill-forma ta’ prodott li tesprimi biss, mingħajr iż-żieda ta’ elementi mhux funzjonali sinjifikattivi, funzjoni teknika ma tistax tiġi rreġistrata bħala trade mark, billi tali reġistrazzjoni tirriduċi b’mod kbir ħafna l-possibbiltajiet għall-kompetituri li jqiegħdu fis-suq forom ta’ prodott li jinkorporaw l-istess soluzzjoni teknika ( 27 ).
Argumenti tal-partijiet
57.
L-ewwel aggravju, li jirrigwarda l-punti 50 sa 77 tas-sentenza appellata, fil-fatt jinkludi żewġ partijiet.
58.
Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali ċaħdet skorrettament id-dikjarazzjoni tagħha li l-karatteristiċi tal-forma kontenzjuża “jissodisfaw” funzjoni teknika (punti 56 sa 77 tas-sentenza appellata). It-tieni parti tal-aggravju tikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li dawn il-karatteristiċi “huma l-konsegwenza” tal-funzjoni teknika (punti 50 sa 55 tas-sentenza appellata).
59.
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, maqsuma fi tmien fergħat, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali imponiet kriterju restrittiv iżżejjed għall-applikazzjoni tal-motiv ta’ annulament imsemmi fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009. Hija tikkritika l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li qieset li t-tnaqqis tan-natura funzjonali ta’ forma għandu jkun “suffiċjentement [ċert]” u li osservatur oġġettiv għandu jkun jista’ “jiġi preċiżat” liema funzjoni tissodisfa dik il-forma (punti 57, 59, 71 sa 72 tas-sentenza appellata) (l-ewwel fergħa).
60.
Ir-rikorrenti ssostni barra minn hekk li l-Qorti Ġenerali kienet iddikjarat skorrettament li, għall-għanijiet tal-analiżi ta’ forma fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi fattwali supplimentari. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni – skorrettament skont ir-rikorrenti – il-funzjoni ta’ rotazzjoni tar-“Rubik’s cube” li madankollu, kif jirriżulta mill-punt 49 tas-sentenza appellata, huwa “magħrufa seww” (it-tieni fergħa).
61.
Imbagħad Simba Toys tiżviluppa l-fergħat segwenti: il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-provi ppreżentati mir-rikorrenti billi ddikjarat li l-forma inkwistjoni ma tevokax logħba ta’ taħbil il-moħħ mogħnija b’elementi mobbli (it-tielet fergħa); il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod strett iżżejjed il-kunċett ta’ “funzjoni teknika” (ir-raba’ fergħa); il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-forma inkwistjoni ma fiha l-ebda karatteristika essenzjali arbitrarja (il-ħames fergħa); il-Qorti Ġenerali ikkonċepiet l-interess pubbliku b’mod strett iżżejjed (is-sitt fergħa); il-Qorti Ġenerali ikkunsidrat skorrettament li l-assenza ta’ forom alternattivi ma kinitx rilevanti (is-seba’ fergħa) u wkoll żnaturat il-fatti u l-provi billi kkonstatat li jeżistu forom alternattivi, għaliex logħob ta’ taħbil il-moħħ li għandhom forma differenti minn kubu jissodisfaw l-istess funzjoni tar-“Rubik’s cube” (it-tmien fergħa).
62.
L-Uffiċċju u Seven Towns jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti billi jagħmlu riferiment għall-motivi tas-sentenza appellata
Evalwazzjoni tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
63.
Applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(e)(ii), tar-Regolament Nru 207/2009 timplika li l-awtorità kompetenti għandha tidentifika l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni mbagħad tivverifika jekk dawn il-karatteristiċi jirrispondux kollha għall-funzjoni teknika tal-prodott inkawża. Dik l-identifikazzjoni tista’, skont il-każ, titwettaq minn sempliċi analiżi viżwali ta’ dak is-sinjal jew, għall-kuntrarju, tkun ibbażata fuq eżami approfondit li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi supplimentari ( 28 ).
64.
Dak l-eżami għandu jsir billi jiġi analizzat is-sinjal ippreżentat. Il-funzjonalità tal-forma tista’ madankollu tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oħra – pereżempju d-dokumentazzjoni dwar il-privattivi li jikkonċernaw il-forma kkonċernata jew informazzjoni li tikkonċerna l-użu effettiv tas-sinjal ( 29 ).
65.
Għandu jitfakkar li r-rappreżentazzjoni grafika li tidher fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha l-funzjoni li tiddefinixxi s-suġġett eżatt tal-protezzjoni. Għaldaqstant għandha tkun kompleta fiha nnifisha, u intelliġibbli ( 30 ). Dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux madankollu jirrestrinġu l-analiżi tal-awtorità kompetenti fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, jekk dan ikun jista’ jwassal għal preġudizzju għall-interess ġenerali ( 31 ).
66.
Jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata li, meta hija twettaq l-analiżi tal-elementi funzjonali ta’ forma, l-awtorità kompetenti ma hijiex marbuta biss mal-informazzjoni li tirriżulta mir-rappreżentazzjoni grafika imma għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun meħtieġ, l-elementi oħra ta’ informazzjoni għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009.
67.
F’dak li jikkonċerna l-portata tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, inħoss li għandi ninnota li l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal u l-evalwazzjoni tal-funzjonalità tagħhom inkontestabbilment tifforma parti mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt li ma għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarriġhom fil-kuntest ta’ appell, ħlief jekk jiġi invokat l-iżnaturament tal-fatti jew tal-provi ( 32 ).
68.
Madankollu, id-determinazzjoni tal-kriterji nfushom waqt l-evalwazzjoni tal-funzjonalità u tal-portata tal-informazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni hija kwistjoni ta’ dritt li tista’ tiġi mistħarrġa fil-kuntest ta’ appell ( 33 ).
69.
F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni huma l-forma ta’ kubu u l-istruttura ta’ gradilja li jidhru fuq kull wieħed mill-uċuħ tal-kubu. Dawn huma konstatazzjonijiet ta’ fatt li ma jistgħux jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ appell. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tindika espressament li hija mhux qiegħda tikkontesta dawn il-konstatazzjonijiet.
70.
Fil-punt 48 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li għandu jiġi evalwat jekk il-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata jissodisfawx funzjoni teknika tal-prodott.
71.
Fil-punt 49 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali rreferiet f’dan ir-rigward għall-punt 28 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li r-rikorrenti tikkontesta.
72.
Kif jirriżulta mill-punt 28 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju kien b’mod partikolari kkonstata li “skont l-Artikolu 7(1) [(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009], il-kawżi ta’ invalidità ta’ trade mark tridimensjonali [kellhom] jibbażaw esklużivament fuq l-eżami tar-rappreżentazzjoni tat-trade mark kif [kienet ġiet ippreżentata] u mhux fuq karatteristiċi inviżibbli allegati jew ipperċipiti”; li r-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata “ma [kienu jissuġġerixxu] ebda funzjoni partikolari, anki meta l-prodotti, jiġifieri l-’logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali’ [kienu] ttieħdu inkunsiderazzjoni”; li “l-istruttura kubika ta’ gradilja ma tagħti ebda indikazzjoni fuq il-funzjoni tagħha, jew saħansitra fuq l-eżistenza ta’ funzjoni kwalunkwe”.
73.
Sa fejn, fil-kumplament tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ma tissuġġettax dawn il-konstatazzjonijiet għal xi eżami kritiku imma tiċħad l-ilmenti kollha tar-rikorrenti f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li s-sentenza ikkonfermat il-motivazzjoni indikata mill-Bord tal-Appell.
74.
Din il-konklużjoni hija kkorroborata bir-raġunament espost fil-punti 56 sa 61 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali tiċħad l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti billi ssostni li l-linji suwed jissodisfaw funzjoni teknika.
75.
Ir-rikorrenti argumentat quddiem il-Qorti Ġenerali li dawn il-linji jisseparaw l-elementi mobbli tal-logħba ta’ taħbil il-moħħ li jistgħu b’mod partikolari jkunu mċaqilqa permezz ta’ movimenti ta’ rotazzjoni.
76.
Il-Qorti Ġenerali tiċħad dik l-allegazzjoni billi tosserva li hija tistrieħ essenzjalment fuq l-għarfien tal-kapaċità ta’ rotazzjoni tal-faxex vertikali u orizzontali tar-“Rubik’s cube”, imma li dik il-kapaċità ma tistax tirriżulta mill-karatteristiċi tal-forma ppreżentata imma l-iktar l-iktar mill-mekkaniżmu intern tal-kubu. Fil-ħsieb tal-Qorti Ġenerali, l-analiżi tal-funzjonalità ma tistax tieħu dan l-element inviżibbli inkunsiderazzjoni. Fl-fatt, “[minkejja li l-]Bord tal-Appell ma jistax jiġi pprojbit li juża metodu ta’ deduzzjoni għall-finijiet ta’ din l-analiżi, huwa essenzjali li din id-deduzzjoni ssir bl-iktar oġġettività possibbli mill-forma inkwistjoni, kif irrappreżentata grafikament, u li hija ma tkunx purament spekulattiva, iżda suffiċjentement ċerta”; f’dan il-każ, li tiġi dedotta l-eżistenza ta’ mekkaniżmu intern ta’ rotazzjoni “tar-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata” ma kinitx ser tkun konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti (punt 59 tas-sentenza appellata).
77.
Fil-fehma tiegħi, dik il-konklużjoni hija bbażata fuq premessi tad-dritt skorretti u – f’sens iktar wiesa’ – ma tiħux inkunsiderazzjoni suffiċjentement l-interess ġenerali protett bid-dispożizzjoni applikata.
78.
L-ewwel nett, ċertament il-Qorti Ġenerali identifikat il-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal, imma hija ma evalwathomx mill-perspettiva tal-funzjoni teknika proprja tal-prodott.
79.
Jekk il-Qorti Ġenerali innotat, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, il-ħtieġa li jiġi evalwat jekk il-karatteristiċi essenzjali tal-forma “kollha […] jissodisfawx funzjoni teknika tal-prodotti kkonċernati”, madankollu jibqa’ l-fatt li ebda wieħed mill-motivi segwenti tas-sentenza appellata, li jirriżultaw mill-punti 49 sa 51 u 56 sa 60, ma jiddefinixxi x’funzjoni teknika jissodisfa l-prodott inkwistjoni, u lanqas ma janalizza r-relazzjoni bejn dik il-funzjoni u l-karatteristiċi tal-forma ppreżentata.
80.
F’dan il-każ, dik il-premessa twassal għall-konklużjoni paradossali li r-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata “ma jippermettux li wieħed isir jaf jekk il-forma inkwistjoni għandhiex xi forma teknika u lanqas, skont il-każ, liema tkun din il-forma” (punti 49, 72 tas-sentenza appellata).
81.
Dik il-konklużjoni tirriżulta minn żball ta’ raġunament għaliex l-applikazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009 – li tikkonċerna esklużivament is-sinjali li jirrappreżentaw il-forma tal-prodott konkret – teżiġi tal-inqas livell minimu ta’ għarfien tal-funzjoni tal-prodott.
82.
L-istess bħal fil-każ eżaminat fis-sentenza Pi-Design, huwa diffiċli li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi rikonċiljata mal-premessa – adottata mill-Qorti Ġenerali u li l-partijiet ma kkontestawx – li quddiemna għandna sinjal ikkostitwit mill-forma tal-prodott konkret, u mhux minn forma astratta ( 34 ).
83.
Jiena tal-fehma li, sabiex jiġu analizzati korrettement il-karatteristiċi funzjonali tal-forma, il-Qorti Ġenerali kien imissha, fl-ewwel lok, tieħu inkunsiderazzjoni l-funzjoni tal-prodott inkwistjoni, jiġifieri ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali, fi kliem ieħor logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali li tikkonsisti fl-arranġament b’mod loġiku ta’ elementi li wieħed jista’ jċaqlaq fl-ispazju. Kieku l-Qorti Ġenerali ħadet dik il-funzjoni inkunsiderazzjoni, ma kinitx tkun tista’ tiċħad l-argument tar-rikorrenti li l-kubu inkwistjoni ser jiġi neċessarjament meqjus bħala li jikkonsisti f’elementi mobbli mifruda minn linji suwed.
84.
It-tieni nett, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali kienet skorretta meta kkunsidrat li l-analiżi tal-forma inkwistjoni mill-perspettiva tal-karatteristiċi funzjonali tagħha kellha titlaq esklużivament mir-rappreżentazzjoni grafika tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (punt 57 sa 59 tas-sentenza appellata).
85.
Fil-fehma tiegħi, il-limitazzjoni ta’ dak l-analiżi għal qafas daqstant strett imur kontra l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
86.
Fil-kawżi li wasslu għas-sentenza Philipps ( 35 ) kif ukoll għas-sentenza Lego Juris vs UASI ( 36 ), il-korpi kompetenti ma kinux f’qagħda li janalizzaw il-analiżi tal-forma inkwistjoni unikament mir-rappreżentazzjoni grafika tagħha, mingħajr ma jkollhom aċċess għall-informazzjoni rigward il-prodott konkret. Bl-istess mod, fis-sentenza Pi‑Design, meta annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet it-teżi li l-eżami tal-karatteristiċi funzjonali tal-forma għandu jkun limitat għar-rappreżentazzjoni grafika li taħtha kienet intalbet r-reġistrazzjoni u ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni l-forma effettiva tal-prodott inkwistjoni ( 37 ).
87.
Dik in-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi marbuta mal-użu tal-prodott hija imposta min-natura nnifisha tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, għaliex hija tikkonċerna esklużivament is-sinjali kkostitwiti mill-forma tal-prodott konkret.
88.
Fil-fehma tiegħi, hawnhekk mhux il-każ li jiġu mfittxija karatteristiċi moħbija, li mhumiex viżibbli fil-forma ppreżentata ( 38 ), imma li titwettaq analiżi tal-karatteristiċi tal-forma kif jirriżultaw mir-rappreżentazzjoni grafika, mill-perspettiva tal-funzjoni tal-prodott. Għalkemm, inkontestabbilment, dik l-evalwazzjoni għandha tirrigwarda unikament il-forma li tagħha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, l-eżami tar-relazzjoni – kif murija miċ-ċirkustanzi tal-kawżi msemmija preċedentement – bejn dik il-forma u l-funzjoni tal-prodott sikwit tinneċessita t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni supplimentari.
89.
Jidhirli għalhekk li f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, sabiex twettaq dan l-eżami, kien meħtieġ li “[ssir] mill-forma inkwistjoni, kif irrappreżentata grafikament”, u li ma kienx neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi supplimentari li osservatur oġġettiv ma setax “jiġi preċiżat” fuq il-bażi “[tar‑]rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata” (punti 57 sa 59 tas-sentenza appellata).
90.
Dawn il-kriterji ta’ analiżi huma fil-fehma tiegħi kuntrarji għall-ġurisprudenza ċċitata preċedentement.
91.
Ċertament, il-Qorti Ġenerali tipprova tiddistingwi din il-kawża mill-kawżi Philips u Lego Juris vs UASI li jiena fakkart. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, dawn jiddistingwu ruħhom għaliex il-funzjoni tal-prodott tirriżulta “kjarament” jew “loġikament” mill-forma, filwaqt li f’dan il-każ, ir-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata “ma jippermettux li wieħed isir jaf jekk il-forma inkwistjoni għandhiex xi forma teknika” (punti 69 sa 72 tas-sentenza appellata).
92.
Jidhirli li din id-distinzjoni mhijiex konvinċenti. Mingħajr għarfien tal-prodott konkret, huwa diffiċli jiġi dedott liema funzjoni jissodisfaw l-elementi tal-forom li għalihom saret applikazzjoni fil-kawżi Philips, Lego Juris vs UASI jew Pi-Design:
93.
Fis-sentenza Pi-Design, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet barra minn hekk espressament ċaħdet l-opinjoni tal-Qorti Ġenerali li r-rappreżentazzjoni grafika tas-sinjal ma tippermettix li tiġi dedotta xi funzjoni kwalsiasi tat-“tikek suwed” fuq wiċċ il-forma, b’mod partikolari jekk huma jikkostitwixxux kavitajiet speċjali ta’ manku ta’ sikkina jew ta’ utensili ieħor tal-kċina ( 39 ).
94.
Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata li, f’dan il-każ, ma applikatx il-kriterji tal-applikazzjoni li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
95.
Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali kienet iffissat kriterju ta’ evalwazzjoni strett iżżejjed fir-rigward tal-forom funzjonali, b’mod li l-projbizzjoni ta’ monopolju msemmija fid-dispożizzjoni kontenzjuża tista’ tiġi evitata.
96.
Inħoss li għandi ninnota li l-Qorti Ġenerali ma eskludietx li mill-forma kontenzjuża jista’ jiġi dedott li l-linji suwed għandhom il-funzjoni li jifirdu l-elementi mobbli tal-logħba ta’ taħbil il-moħħ. Madankollu hija nnotat, anki f’dan il-każ, li osservatur oġġettiv “ma jistax jiġi preċiżat jekk dawn humiex intiżi, pereżempju, li jkunu s-suġġett ta’ movimenti ta’ rotazzjoni jew li jiġu żarmati sabiex, sussegwentement, jiġu armati [mill-ġdid] jew jippermettu t-trasformazzjoni tal-kubu inkwistjoni f’forma oħra.” (punt 57 tas-sentenza appellata). F’għajnejn il-Qorti Ġenerali kien essenzjali li t-trade mark ikkontestata tkun ġiet irreġistrata bħala “‘logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali’ inġenerali, jiġifieri ma hijiex limitata għal dawk li għandhom kapaċità ta’ rotazzjoni”, u li l-proprjetarju tat-trade mark ma jkunx annetta mal-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni deskrizzjoni li fiha huwa jkun ippreċiża li l-forma inkwistjoni tinkorpora din il-kapaċità (punt 55 tas-sentenza appellata).
97.
Jekk jiġi segwit ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, il-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark ma jkunx annetta mal-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni deskrizzjoni tal-funzjonament tal-kubu jippermetti li l-protezzjoni mogħtija bir-reġistrazzjoni tiġi estiża għal kull tip ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ ta’ forma simili, irrispettivament mill-modalitajiet ta’ funzjonament ( 40 ). Għaldaqstant, kif argumenta waqt is-seduta l-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata, id-drittijiet esklużivi mogħtija bir-reġistrazzjoni tal-forma inkwistjoni potenzjalment ikopru kull logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali li l-elementi tagħha jirrappreżentaw il-forma ta’ kubu ta’ 3x3x3.
98.
Fil-fehma tiegħi, dan ir-raġunament imur kontra l-interess ġenerali sottostanti d-dispożizzjoni inkwistjoni għaliex jippermetti lill-proprjetarju li jiżgura monopolju fuq il-karatteristiċi ta’ prodotti li jissodisfaw mhux biss il-funzjoni tal-forma inkwistjoni imma wkoll funzjonijiet oħra simili.
Konklużjoni parzjali
99.
Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li, fil-kuntest tal-analiżi rikjesta mill-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha “[ssir] mill-forma inkwistjoni, kif irrappreżentata grafikament”, u li ma kienx neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi supplimentari li osservatur oġġettiv ma jkunx jista’ “[jifhem preċiżament]” abbażi “tar-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata” (punti 57 sa 59 tas-sentenza appellata), u konsegwentement meta ċaħdet l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-istruttura kubika ta’ gradilja ma tikkostitwixxix element ornamentali u immaġinattiv iżda taqdi funzjoni teknika għaliex hija tissepara l-elementi li jiċċaqilqu tal-logħba ta’ taħbil il-moħħ, sabiex dawn ikunu jistgħu, b’mod partikolari, ikunu s-suġġett ta’ movimenti ta’ rotazzjoni (punti 56 sa 62 tas-sentenza appellata), u meta sussegwentement ċaħdet bħala infondat it-tieni motiv imqajjem fl-ewwel istanza.
100.
Isegwi li ma hemmx ħtieġa li jiġu eżaminati l-fergħat l-oħra tal-ewwel aggravju.
101.
Fil-fehma tiegħi, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra mqajma.
Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza appellata
102.
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta hija tannulla s-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament fuq il-kwistjoni, meta din tkun tkun fi stat li tiġi deċiża.
103.
Inqis li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta f’dan il-każ.
104.
Insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti invokat tmien motivi, fosthom it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009.
105.
Jirriżulta mill-punt 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet li dan il-motiv għandu jintlaqa’.
106.
Il-forma kkontestata hija ppreżentata bħala forma ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali. Fl-evalwazzjoni ta’ din l-forma, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni tal-prodott, li hija l-immuntar b’mod loġiku tal-elementi ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ, li wieħed jista’ jċaqlaq fl-ispazju.
107.
Dik il-funzjoni hija kkonfermata mill-karatteristiċi ġeneralment magħrufa (punt 28 tad-deċiżjoni kontenzjuża) tar-“Rubik’s cube”, logħba ta’ taħbil il-moħħ li l-elementi mobbli tagħha, irranġati fi strixxi vertikali u orizzontali, jistgħu jiġu mċaqilqa permezz ta’ movimenti ta’ rotazzjoni madwar assi.
108.
Kif irrilevat korrettament ir-rikorrenti, sabiex tissodisfa tali funzjoni, huwa meħtieġ li l-logħba ta’ taħbil il-moħħ tiġi ppreżentata fil-forma ta’ poliedru komposta minn elementi rranġati f’kolonni vertikali u orizzontali.
109.
Konsegwentement, u kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell fil-punt 28 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikkontestat – forma ta’ kubu u struttura ta’ gradilja li taqsam kolonni vertikali u orizzontali ta’ elementi simmetriċi, li jikkostitwixxu l-partijiet mobbli tal-logħba ta’ taħbil il-moħħ – huma neċessarji għall-funzjoni teknika proprja tal-prodott.
110.
F’dan ir-rigward ma tantx huwa importanti li tali logħba ta’ taħbil il-moħħ tista’ tkun ikkonċepita minn forma oħra li mhix dik ta’ kubu ( 41 ) jew li l-elementi tagħha jkunu rranġati b’mod leġġerment differenti. Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-motiv ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni jibqa’ applikabbli anki meta r-riżultat tekniku mfittex jista’ jinkiseb billi tintuża forma oħra ( 42 ).
111.
Għandu jiġi ppreċiżat barra minn hekk li għajr għall-karatteristiċi funzjonali mfakkra, is-sinjal ikkontestat ma jinkorporax karatteristiċi arbitrarji jew ornamentali. Ir-reġistrazzjoni ta’ tali sinjal għall-benefiċċju ta’ operatur ekonomiku wieħed fil-fatt tirrestrinġi l-libertà tal-operaturi oħra li joffru prodotti li jkollhom l-istess funzjonalità jew sempliċement simili u topponi l-interess ġenerali protett bid-dispożizzjoni kontenzjuża.
112.
Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma fl-ewwel istanza.
VII – Konklużjoni
113.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-1 ta’ Settembru 2009 (Każ R 1526/2008‑2) dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Simba Toys GmbH & Co. KG u Seven Towns Ltd, u tikkundanna lill-Uffiċċju u lil Seven Towns għall-ispejjeż kollha sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk.
( 2 ) T‑450/09, EU:T:2014:983, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.
( 3 ) Skont l-isem li jirriżulta mill-Artikolu 1(7) tar-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”).
( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).
( 5 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hauck (C‑205/13, EU:C:2014:322, punti 25 sa 40).
( 6 ) Ara s-sentenzi: tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, EU:C:2002:377); tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516); tas‑6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry (C‑337/12 P sa C‑340/12 P, EU:C:2014:129, iktar ’il quddiem is-“sentenza Pi-Design”); tat-18 ta’ Settembru 2014, Hauck (C‑205/13, EU:C:2014:2233); tas-16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé (C‑215/14, EU:C:2015:604). Nagħmel riferiment ukoll għall-ġurisprudenza dwar id-dispożizzjonijiet analogi tal-Artikolu 3(1)(e) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill [89/104/KEE], tal‑21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), kif ukoll tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).
( 7 ) F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet materjali applikabbli huma dawk tar-Regolament Nru 207/2009, fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2009, id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża tal-Uffiċċju. Id-dispożizzjonijiet il-qodma, fis-seħħ sad-data tat-tressiq tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, b’kontenut identiku, huma applikabbli għall-kumplament [l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 17, Vol. 1, p. 146)].
( 8 ) L-Artikoli 52(1)(a) u 7(1)(a) sa (c) u (e) tar-Regolament Nru 207/2009 jinkludu dispożizzjonijiet analogi.
( 9 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, C‑48/09 P, EU:C:2010:516.
( 10 ) Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, C‑299/99, EU:C:2002:377.
( 11 ) Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2008, T‑270/06, EU:T:2008:483.
( 12 ) L-aggravji l-oħra jikkonċernaw il-ksur tad-dispożizzjonijiet segwenti tar-Regolament: l-Artikolu 7(1)(e)(iii) (it-tielet aggravju), l-Artikolu 7(1)(b) (ir-raba’ aggravju), l-Artikolu 7(1)(c) (il-ħames aggravju) u l-Artikolu 76(1) tar-regolament (is-sitt aggravju).
( 13 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hauck (C‑205/13, EU:C:2014:322, punti 27‑28).
( 14 ) Ara, fir-rigward tad-dispożizzjoni analoga tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 89/104, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Hauck (C‑205/13, EU:C:2014:2233, punt 20) u l-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑205/13, EU:C:2014:322, punti 54-55).
( 15 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Hauck (C‑205/13, EU:C:2014:2233, punti 25‑26).
( 16 ) Sentenzi: tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 43) u – fir-rigward tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 89/104 – tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/9, EU:C:2002:377, punt 78).
( 17 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 45).
( 18 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hauck (C‑205/13, EU:C:2014:322, punti 35 sa 37).
( 19 ) Sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014 (C‑205/13, EU:C:2014:2233).
( 20 ) Sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Hauck (C‑205/13, EU:C:2014:2233, punti 24 u 27).
( 21 ) Ir-rikorrenti tuża l-frażi “Magic cube” (kubu maġiku), li jevoka logħba matematika magħrufa sewwa (il-kwadru maġiku).
( 22 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Naazneen Investments vs UASI, C‑252/15 P, EU:C:2016:178, punt 69 u d-digriet tas-7 ta’ Mejju 2015, Adler Modemärkte vs UASI, C‑343/14 P, EU:C:2015:310, punt 43.
( 23 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Anko (C‑78/14 P, EU:C:2015:153, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 48).
( 25 ) Ibid., punti 51 sa 52.
( 26 ) Ibid., punti 53 u 54, punt 56.
( 27 ) Ibid., punt 59.
( 28 ) Sentenzi: tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 68, 71 u 72); tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry (C‑337/12 P sa C‑340/12 P, EU:C:2014:129, punti 46 sa 48).
( 29 ) Sentenzi: tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 84 u 85); tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry (C‑337/12 P sa C‑340/12 P, EU:C:2014:129, punt 61).
( 30 ) Ara f’dan l-istess sens is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748, punti 48 sa 52).
( 31 ) Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry (C‑337/12 P sa C‑340/12 P, EU:C:2014:129, punti 57 u 58).
( 32 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 74).
( 33 ) Ara fl-istess sens is-sentenzi: tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 84 u 85); tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry (C‑337/12 P sa C‑340/12 P, EU:C:2014:129, punt 61).
( 34 ) Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry (C‑337/12 P sa C‑340/12 P, EU:C:2014:129, punt 50).
( 35 ) Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, C‑299/99, EU:C:2002:377.
( 36 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, C‑48/09 P, EU:C:2010:516.
( 37 ) Ara fl-istess sens is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry (C‑337/12 P sa C‑340/12 P, EU:C:2014:129, punti 52, 61). Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li tittieħed inkunsiderazzjoni informazzjoni li tikkonċerna l-perijodu wara r-reġistrazzjoni, bil-kundizzjoni li din tkun tippermetti li jinġibdu konklużjonijiet fuq is-sitwazzjoni fis-suq fil-jum tal-preżentata tal-applikazzjoni.
( 38 ) L-Uffiċċju jqajjem din ir-riżerva fir-risposta tiegħu.
( 39 ) Ara fl-istess sens is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry (C‑337/12 P sa C‑340/12 P, EU:C:2014:129, punti 52 sa 54, punt 61), b’referenza għas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2012, Yoshida Metal Industry vs UASI-Pi-Design et (wiċċ miksi bi ċrieki suwed) (T‑416/10, EU:T:2012:222, punti 30 u 31).
( 40 ) Pereżempju, il-forma tal-“kubu Soma”: logħba ta’ taħbil il-moħħ ivvintata mix-xjentifiku Daniż Piet Hein, li l-għan tagħha hu li seba’ elementi jiġu mmuntati b’mod li jiffurmaw kubu 3x3x3.
( 41 ) Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fl-punt 74 tas-sentenza appellata, dan seta’ jkun fil-forma ta’ solidu ta’ Platun ieħor, bħal tetrakaedru, ta’ ottaedru, ta’ dodekaedru jew ta’ ikosaedru.
( 42 ) Ara fl-istess sens is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, EU:C:2002:377, punt 81).
Full & Egal Universal Law Academy