KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fit-18 ta’ Mejju 2017 ( 1 )
Kawżi maqgħuda C‑588/15 P u C‑622/15 P
LG Electronics, Inc. (C-588/15 P),
Koninklijke Philips Electronics NV (C-622/15 P)
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell – Akkordji – Suq dinji tat-tubi katodiċi għas-settijiet tat‑televiżjoni u għall-moniters tal-kompjuter – Deċiżjoni li tikkonstata żewġ ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Ftehimiet u prattiki miftiehma fil-qasam tal-prezz, ta’ qsim ta’ swieq u ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni – Responsabbiltà ta’ kumpannija omm fil-każ ta’ aġir ta’ ksur tas-sussidjarja tagħha – Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill‑kumpannija omm biss – Drittijiet tad-difiża”
Introduzzjoni
1.
Permezz ta’ dawn l-appelli, l-appellanti jitolbu l-annullament taż‑żewġ sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Settembru 2015, LG Electronics vs Il-Kummissjoni ( 2 ) u Philips vs Il-Kummissjoni ( 3 ), li permezz tagħhom din ċaħdet ir-rikorsi għall‑annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 8839 finali, tal-5 ta’ Diċembru 2012, dwar proċediment taħt l-Artikolu 101 tat‑Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-artikolu 53 tal‑Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.437 – Tubi tat-televixin u tal-moniters tal-kompjuter) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) u, b’mod sussidjarju, it-tnaqqis tal-ammont tal-multi rispettivi imposti fuq l‑appellanti.
2.
Dawn l-appelli, magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas‑sentenza ( 4 ), iqajmu, b’mod partikolari, kwistjoni ġdida dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-każ ta’ imputazzjoni ta’ aġir ta’ ksur ta’ sussidjarja lill-kumpannija omm. Huwa jirrigwardaw li għandu jiġi stabbilit jekk id‑drittijiet tad-difiża ta’ kumpannija omm jinkisrux meta l‑Kummissjoni Ewropea tibgħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lilha, mingħajr ma tibgħatha wkoll lis-sussidjarja tagħha li kkommettiet il-ksur, fil-każ b’mod partikolari meta din is-sussidjarja ġiet iddikjarata falluta, u d-dokumentazzjoni tagħha ma hijiex iktar aċċessibbli għall‑kumpannija omm.
Il-fatti li wasslu għall-kawżi
3.
Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenzi appellati, jistgħu jitqassru kif ġej.
4.
Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li l‑produtturi prinċipali fuq livell dinji ta’ tubi katodiċi (iktar ’il quddiem is-“CRT”) kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU 1994, L 1, p. 3) billi pparteċipaw f’żewġ ksur separati, li jikkonċernaw, minn naħa waħda, is-suq tat-tubi katodiċi bil-kulur għall-moniters tal-kompjuter (iktar ’il quddiem is-“CDT”) u, min-naħa l-oħra, is-suq tat-tubi katodiċi għas-settijiet tat‑televiżjoni (iktar ’il quddiem is-“CPT”).
5.
LG Electronics, Inc. (iktar ’il quddiem “LGE”) hija fornitur ta’ prodotti elettroniċi lill-konsumaturi. Koninklijke Philips Electronics NV (iktar ’il quddiem “Philips”) hija l-kumpannija omm tal-grupp Philips, li tispeċjalizza fil-prodotti elettroniċi.
6.
LGE u Philips ipproduċew CRT sal-1 ta’ Lulju 2001. F’din id‑data, iż-żewġ appellanti ttrasferixxew l-attivitajiet kollha tagħhom fil‑qasam tas-CRT f’impriża komuni, il-grupp LPD, li kien jitmexxa mill‑kumpannija LG Philips Displays Holding BV.
7.
Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkunsidrat li, minn naħa waħda, LGE kif ukoll is-sussidjarji tagħha u, min-naħa l-oħra, is‑sussidjarji ta’ Philips kienu pparteċipaw f’akkordji dwar is-CDT u s‑CPT sal-mument tat-trasferiment tal-attivitajiet CRT lill-grupp LPD, fl-1 ta’ Lulju 2001. Konsegwentement, LGE u Philips inżammu responsabbli ta’ żewġ ksur minħabba f’hekk.
8.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-appellanti kellhom, bħala kumpanniji omm, jinżammu responsabbli wkoll b’mod konġunt u solidali tal-parteċipazzjoni tal-grupp LPD fl-akkordji relatati mas-CDT u mas-CPT matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u t‑30 ta’ Jannar 2006.
9.
B’hekk, il-Kummissjoni, fl-Artikolu 1(1)(c) u (d) tad-deċiżjoni kontenzjuża, ikkonstatat li, fir-rigward tal-akkordju dwar is-CDT, Philips kienet ipparteċipat fih mit-28 ta’ Jannar 1997 sat-30 ta’ Jannar 2006 u LGE mill-24 ta’ Ottubru 1996 sat-30 ta’ Jannar 2006. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, fl-Artikolu 1(2)(f) u (g) tad-deċiżjoni kontenzjuża rispettivament, li fir-rigward tal-akkordju relatat mas-CPT, Philips kienet ipparteċipat fih mill-21 ta’ Settembru 1999 sat-30 ta’ Jannar 2006 u LGE mit-3 ta’ Diċembru 1997 sat-30 ta’ Jannar 2006.
10.
Fir-rigward tal-ksur relatat mas-CDT, permezz tal‑Artikolu 2(1)(c) sa (e) tad-deċiżjoni kontenzjuża rispettivament, il‑Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 73185000 fuq Philips, ta’ EUR 116536000 fuq LGE u ta’ EUR 69048000 fuq dawn iż-żewġ kumpanniji, responsabbli b’mod konġunt u solidali. F’dak li jirrigwarda l-ksur relatat mas-CPT, permezz tal-Artikolu 2(2)(c) sa (e) tad-deċiżjoni kontenzjuża rispettivament, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 240171000 fuq Philips, ta’ EUR 179061000 fuq LGE u ta’ EUR 322892000 fuq dawn iż-żewġ kumpanniji, responsabbli b’mod konġunt u solidali.
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati
11.
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl‑14 u fil-15 ta’ Frar 2013 rispettivament, LGE u Philips kull wieħed ippreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn kienet tikkonċerna kull waħda minnhom jew, b’mod sussidjarju, għat‑tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuqhom permezz tal‑imsemmija deċiżjoni.
12.
Insostenn tar-rikors tagħha, LGE qajmet seba’ motivi ta’ annullament. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ LGE, sa fejn il-grupp LPD ma ġiex inkluż fil-proċedura. Fil‑punti 67 sa 91 tas-sentenza LGE, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet l-imsemmi motiv bħala ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll il-motivi l-oħra invokati minn LGE u, għalhekk, ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.
13.
Insostenn tar-rikors tagħha, Philips qajmet tmien motivi ta’ annullament. It-tieni motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal‑Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tal‑Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 5 ), tad-drittijiet tad‑difiża, fosthom id-dritt għal smigħ, u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn il-Kummissjoni ma imputatx fuq il‑grupp LPD ir-responsabbiltà tal-ksur li dwarhom ġiet akkużata. Il‑Qorti Ġenerali eżaminat dan il-motiv fil-punti 74 sa 99 tas-sentenza Philips. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll il-motivi l-oħra invokati minn Philips u, għalhekk, ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.
It-talbiet tal-partijiet
14.
LGE talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C-588/15 P):
–
tannulla s-sentenza LGE,
–
tannulla l-Artikolu 1(1)(d) u (2)(g), kif ukoll l-Artikolu 2(1)(d) u (e) u (2)(d) u (e) tad-deċiżjoni kontenzjuża,
–
tnaqqas il-multi li ġew impost fuqha, u
–
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
15.
Philips talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C-622/15 P):
–
tannulla s-sentenza Philips,
–
tannulla l-Artikolu 1(1)(c) u (2)(f), kif ukoll l-Artikolu 2(1)(c) u (e) u (2)(c) u (e) tad-deċiżjoni kontenzjuża,
–
tnaqqas il-multi imposti fuqha, u
–
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
16.
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.
Analiżi
17.
Insostenn tal-appelli tagħhom, LGE u Phillips jinvokaw, rispettivament, tliet u erba’ aggravji li jikkoinċidu parzjalment.
18.
Skont ix-xewqa tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nillimita l-analiżi tiegħi għall-ewwel aggravju magħmul minn LGE u għat-tieni aggravju magħmul minn Philips, ibbażati, it-tnejn, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżulta mill-fatt li d-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet ma ġietx mibgħuta lis-sussidjarja komuni tagħhom, LPD.
Is-sentenzi appellati
Is-sentenza LGE
19.
Permezz tal-ewwel motiv tal-ewwel istanza, LGE sostniet li l‑Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha billi astjeniet milli tibgħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kontenzjuża lill‑grupp LPD.
20.
Il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet dan il-motiv fil-punti 67 sa 91 tas-sentenza LGE.
21.
Minn naħa waħda, wara li fakkret fil-ġurisprudenza dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll fl-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal‑kumpannija omm, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma setgħet tiġi kkritikata bl-ebda irregolarità minħabba l-assenza ta’ imputazzjoni tal-ksur lill-grupp LPD u li, minħabba f’hekk, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jistabbilixxu l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ineffettivi (punti 68 sa 83 tas-sentenza LGE).
22.
Min-naħa l-oħra, fil-punti 84 sa 91 tas-sentenza LGE, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv bħala infondat, billi rrispondiet għall‑argument ta’ LGE bbażat fuq il-fatt li hija ma setgħetx tiżgura d‑difiża tagħha minħabba nuqqas ta’ aċċess għad-dokumenti tal-grupp LPD. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat f’dan ir-rigward li, sa fejn dawn id‑dokumenti ma kinux jagħmlu parti minn dawk li fuqhom il‑Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, ir‑rikorrenti ma tistax issostni li ġiet prekluża milli tressaq il-perspettiva tagħha fuq id-dokumenti użati minn din l-istituzzjoni (punt 85 tas‑sentenza LGE).
23.
Imbagħad, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, skont id-dmir ġenerali ta’ prudenza, ir-rikorrenti kienet obbligata tiżgura, anki fiċ-ċirkustanzi li l‑impriża komuni tpoġġiet f’likwidazzjoni ġudizzjarja, li l-kotba u l‑arkivji tad-dokumenti tagħha jinżammu b’mod tajjeb, sabiex tiġi ttraċċata l-attività tagħha, bil-għan, b’mod partikolari, li jkollha l-provi neċessarji f’każ ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi (punti 86 u 87 tas-sentenza LGE), u dan minkejja diffikultajiet li jirriżultaw mid‑dritt ta’ falliment Olandiż u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal‑amministratur ġudizzjarju tal‑grupp LPD (punti 88 u 89 tas-sentenza LGE).
24.
Finalment, il-Qorti Ġenerali spjegat, barra minn hekk, li anki jekk il-Kummissjoni ma kinitx formalment involviet lill-grupp LPD fil‑proċedura amministrattiva, hija kienet bagħtet talbiet għal informazzjoni lil diversi kumpanniji ta’ dan il-grupp u għamlet spezzjonijiet fl-istabbilimenti tagħhom (punt 90 tas-sentenza LGE).
Is-sentenza Philips
25.
Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv tal-ewwel istanza, Philips sostniet li l-Kummissjoni kienet ipprekludietha milli jkollha aċċess għal informazzjoni neċessarja sabiex tiddefendi lilha nnifisha, billi astjeniet milli tinvolvi lill-grupp LPD fil-proċedura amministrattiva.
26.
Il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet dan il-motiv fil-punti 90 sa 99 tas-sentenza Philips.
27.
Wara li fakkret il-ġurisprudenza dwar ir-rispett tad-drittijiet tad‑difiża kif ukoll l-imputazzjoni tar-responsabbiltà lill-kumpannija omm, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kienet wettqet l-ebda irregolarità meta astjeniet milli timputa lill-grupp LPD responsabbiltà għall-aġir tagħha (punti 91 sa 97 tas-sentenza Philips).
28.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, skont id-dmir ġenerali ta’ prudenza, Philips kienet obbligata tiżgura, anki fiċ-ċirkustanzi li l‑impriża komuni tpoġġiet f’likwidazzjoni ġudizzjarja, li l-kotba u l‑arkivji tad-dokumenti tagħha jinżammu b’mod tajjeb sabiex tiġi ttraċċata l-attività tagħha, bil-għan, b’mod partikolari, li jkollha l-provi neċessarji f’każ ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi. Fi kwalunkwe każ, il‑Qorti Ġenerali spjegat li mid-dokumenti tal-proċess kien jirriżulta li l‑Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil kumpanniji differenti tal-grupp LPD (punt 97 tas-sentenza Philips).
29.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, sabiex tikseb tnaqqis minħabba l-kooperazzjoni tagħha, ir-rikorrenti kienet tat lill‑Kummissjoni informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-grupp LPD fl-akkordju, li jfisser li hija kellha numru ta’ elementi f’dan ir-rigward, li hija setgħet tuża sabiex tiżgura d-difiża tagħha b’mod effikaċi (punt 98 tas‑sentenza Philips).
L-argumenti tal-partijiet
L-argumenti ta’ LGE
30.
LGE issostni li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha meta ddeċidiet li ma tibgħatx id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-grupp LPD.
31.
Fl-ewwel lok, LGE tikkontesta ċ-ċaħda tal-ewwel motiv fl-ewwel istanza bħala ineffettiv (punt 83 tas-sentenza LGE). Hija ssostni li l‑motivi spjegati fil-punti 73 sa 82 ta’ din is-sentenza jirrigwardaw kwistjoni differenti, li ma kinitx tqajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, dik dwar jekk il-Kummissjoni kinitx ikkommettiet żball billi żammet lil LGE responsabbli tal-ksur. Fl-opinjoni tagħha, il-fatt li jiġi konkluż li l‑Kummissjoni setgħet timputa r-responsabbiltà fuq LGE ma jagħmilx il‑motiv tagħha bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ineffettiv.
32.
LGE tikkritika lill-Qorti Ġenerali li rrikonoxxiet lill‑Kummissjoni setgħa diskrezzjonali assoluta sabiex tiddeċiedi jekk id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandhiex tintbagħat lill-kumpannija omm jew lis-sussidjarja tagħha.
33.
Skont LGE, f’ċerti ċirkustanzi, bħal dawk f’din il-kawża, l‑eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali hija limitata bir-rispett tad‑drittijiet tad-difiża. Mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins ( 6 ) jirriżulta li, jekk is-sussidjarja tressaq provi li jiskaġunaw ibbażati fuq ir‑reġistri tagħha jew mill-intervisti mal-persunal, il-kumpannija omm tibbenefika awtomatikament minn dawn il-provi. Konsegwentement, il‑kapaċità tal-kumpannija omm li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha tiddependi mill-involviment tas-sussidjarja tagħha fil-proċedura.
34.
LGE issostni li, f’dan il-każ, kieku l-grupp kien ġie mistieden jiddefendi lilu nnifsu u kien wasal li jressaq provi li jiskaġunaw, hija kienet konsegwentement tibbenefika minn dan b’mod awtomatiku. B’hekk, LGE ssostni, meta tinvoka s‑sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni ( 7 ), ma jistax jiġi eskluż li, kieku l-Kummissjoni kienet bagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-grupp LPD, huwa seta’ jipproduċi provi utli għad-difiża tiegħu.
35.
Barra minn hekk, il-prattika li jiġu indirizzati kemm is-sussidjarja kif ukoll il-kumpannija omm tirriżulta mill-manwal ta’ proċeduri tal‑Kummissjoni fil-qasam tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE ( 8 ). Il‑fatt li l-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-grupp LPD ma huwiex rilevanti, għaliex, bħala sors ta’ provi li jiskaġunaw, il-kwestjonarji ma jistgħux ikunu ekwivalenti għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Konvenut għandu jkun jaf l-oġġezzjonijiet qabel ma jkun f’pożizzjoni li jeżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tiegħu.
36.
Fit-tieni lok, LGE tikkritika l-motivi tas-sentenza LGE li wasslu għaċ-ċaħda tal-motiv tagħha bħala infondat.
37.
Skont LGE, il-fatt li hija setgħet tippreżenta osservazzjonijiet fuq il-provi użati mill-Kummissjoni u l-fatt li l-Kummissjoni kisbet informazzjoni mill-grupp LPD ma kienx biżżejjed sabiex jiżgura r-rispett għad-drittijiet tad-difiża tagħha. Barra minn hekk, LGE tikkritika l‑konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li hija kienet obbligata tiżgura li l‑kotba u l-arkivji tad-dokumenti tagħha jinżammu kif suppost sabiex tiġi ttraċċata l-attività tal-impriża komuni tagħha (punt 86 tas‑sentenza LGE). Dan id-dmir jikkonċerna każijiet li fihom il-kumpannija omm tittrasferixxi sussidjarja lil terz u setgħet effettivament tiżgura kontinwità ta’ aċċess għad-dokumenti permezz ta’ kuntratti. LGE tispjega li hija tilfet il-kontroll tas-sussidjarja tagħha minħabba l-falliment ta’ din tal-aħħar, peress li l-kuratur tal-falliment ma kienx obbligat jagħtiha aċċess kontinwu għad-dokumenti.
L-argumenti ta’ Philips
38.
Philips issostni li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Kummissjoni, billi astjeniet milli tibgħat id-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet lill-grupp LPD, ma kienet ikkommettiet l-ebda irregolarità proċedurali (punti 75 sa 82 tas-sentenza Philips).
39.
Philips ma tikkontestax il-kapaċità tal-Kummissjoni li timputa r‑responsabbiltà tal-ksur lil kumpannija omm li eżerċitat influwenza sinjifikattiva fuq l-aġir ta’ sussidjarja. Hija tosserva li dan ma jsolvix il‑kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni hijiex obbligata tinvolvi liż-żewġ entitajiet fil-proċedura amministrattiva. Hija ssostni li, f’dan il-każ, ir‑responsabbiltà tagħha hija “purament derivata” minn dik tas‑sussidjarja tagħha u, fl-assenza ta’ kull involviment dirett tal-grupp LPD, ir-responsabbiltà tagħha bħala kumpannija omm “teċċedi” ir‑responsabbiltà tas-sussidjarja inkwistjoni, fis-sens tas-sentenza Total vs Il-Kummissjoni ( 9 ).
40.
Philips tindika li s-sussidjarja tagħha ma kinitx tagħmel parti mill‑istess impriża matul il-proċedura amministrattiva, peress li hija kienet suġġetta għal stħarriġ ta’ amministratur ġudizzjarju mit-30 ta’ Jannar 2006. Philips tiddikjara li, minħabba l-fatt li s-sussidjarja tagħha ma kinitx involuta fil-proċedura amministrattiva, u b’mod partikolari, ma kinitx irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija la kellha l‑okkażjoni u lanqas l-obbligu li tiddefendi ruħha kontra l‑allegazzjonijiet tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-amministratur ġudizzjarju tal-grupp LPD biss kellu d-dokumentazzjoni relatata mal‑attività tal-grupp u kellu aċċess għall-impjegati rilevanti. Fir-rigward tal-falliment tas-sussidjarja tagħha, Philips tiddikjara li kien impossibbli għaliha li tiżgura l-aċċess għal din id-dokumentazzjoni sabiex ikollha provi neċessarji sabiex tiddefendi ruħha.
41.
Skont Philips, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-fatt li hija kienet tilfet il-kontroll tas-sussidjarja tagħha u ma kellhiex iktar aċċess għad-dokumentazzjoni tal-grupp LPD. Philips tiddikjara li kieku l‑Kummissjoni kienet inkludiet il-grupp LPD fil-proċedura amministrattiva, dan kien ikun f’pożizzjoni li jiddefendi ruħu u hija kienet tkun ukoll f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha aħjar. Id-deċiżjoni tal‑Kummissjoni li teskludi l-grupp LPD mill-proċedura amministrattiva kienet għalhekk ipprekludiet lil Philips mill-effikaċja sħiħa tad-drittijiet tad-difiża tagħha.
L-argumenti tal-Kummissjoni
42.
Il-Kummissjoni ssostni li l-motivi inkwistjoni huma inammissibbli sa fejn huma indirizzati kontra evalwazzjonijiet fattwali u li, fi kwalunkwe każ, ma humiex fondati.
43.
Il-Kummissjoni ssostni li, skont ġurisprudenza stabbilita ferm ( 10 ), hija għandha l-fakultà li timponi multa fuq xi waħda jew oħra mill-entitajiet, kumpannija omm jew sussidjarja, li jiffurmaw impriża. Skont il‑Kummissjoni, ir-rikorrenti jinvokaw b’mod skorrett, li l-kumpannija omm awtomatikament tibbenefika minn kull tnaqqis tar-responsabbiltà tas-sussidjarja. Xejn ma għandu jiġġustifika t-tnaqqis tar-responsabbiltà ta’ kumpannija parent f’każ ta’ irregolaritajiet ta’ proċedura li jaffettwaw id-drittijiet tas-sussidjarja, pereżempju fl-assenza ta’ dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet validament innotifikata lis-sussidjarja.
44.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li s-soluzzjoni adottata fis-sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni ( 11 ) ma hijiex trasponibbli f’dan il-każ. Hija ssostni li din is-sentenza tikkonċerna l-aċċess għall-fajl tal‑Kummissjoni u ma għandhiex tintuża sabiex issostni li l-Kummissjoni għandha tiżgura l-aċċess għal informazzjoni li ma hijiex fil-pussess tagħha. F’dan il-każ, Il-Kummissjoni kisbet informazzjoni rilevanti tal‑grupp LPD, billi bagħtet kwestjonarju u billi għamlet spezzjoni. LGE kellha aċċess għal dawn l-elementi fil-kuntest tad-difiża tagħha. Il‑Kummissjoni ma hijiex obbligata tiżgura li l-kumpanniji, minbarra l‑konvenuta, jiġu mitluba jipproduċu provi li jiskaġunaw. Bħala risposta għall-argument ta’ LGE bbażat fuq il-manwal ta’ proċeduri tal‑Kummissjoni, din tal-aħħar tispjega li dan il-manwal ma huwiex vinkolanti u jista’ jiġi adattat skont il-bżonnijiet tal-każ partikolari, b’tali mod diverġenza fil-proċedura segwita meta mqabbla mal-manwal ma hijiex biżżejjed sabiex turi żball ta’ liġi.
45.
Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma interpretatx id-dmir ta’ prudenza tal-kumpannija omm, f’dak li jirrigwarda ż-żamma tal‑aċċess għad-dokumentazzjoni tas-sussidjarji, bħala li hija obbligu assolut. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-fatti tal-każ, filwaqt li indikat li LGE u Philips kellhom relazzjonijiet mill-qrib mal‑grupp LPD matul il-perijodu kollu tal-ksur u għalhekk setgħu jżommu fl-arkivji rispettivi tagħhom, jew bi kwalunkwe mezz ieħor, l‑informazzjoni rilevanti.
Evalwazzjoni
Fuq il-portata tal-aggravji tal-appelli
46.
Il-kundizzjonijiet li fihom il-kumpannija parent tista’ tinżamm responsabbli, minħabba l-parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha f’akkordju, huma s-suġġett ta’ ġurisprudenza stabbilita ferm.
47.
Infakkar li d-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni jkopri l-attivitajiet tal-impriżi, jiġifieri entitajiet ekonomiċi li, mill-perspettiva ġuridika, jistgħu jkunu ffurmati minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, tirrispondi għal dan il-ksur. Imbagħad il-ksur għandu jkun imputat mingħajr ekwivoku lil persuna ġuridika, li tirċievi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni tal‑Kummissjoni ( 12 ).
48.
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir‑responsabbiltà tal-aġir ta’ sussidjarja tista’ tiġi imputata lill-kumpannija omm meta din is-sussidjarja ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija omm u s‑sussidjarja tagħha jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal‑Artikolu 101 TFUE, b’tali mod li l-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni lill-kumpannija omm, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involvimenti personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur ( 13 ).
49.
Sa ftit ilu, dan is-suġġett xorta baqa’ suġġett ta’ kontroversji li jirrigwardaw il-kunċett innifsu tal-mekkaniżmu li jippermetti li kumpannija omm li ma pparteċipatx fil-ksur tinżamm responsabbli ( 14 ). Fil‑fatt, minn naħa waħda, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fil-każ inkwistjoni, il-kumpannija parent inkwistjoni “titqies li tkun wettqet hija stess” il-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 15 ). Minn naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-responsabbiltà tal‑kumpannija omm hija “purament idderivata” minn dik tas-sussidjarja tagħha ( 16 ).
50.
F’sentenza reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-kumpannija omm li fuqha jiġi imputat l-aġir ta’ ksur tas-sussidjarja tagħha hija personalment ikkundannata għal ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal‑Unjoni li titqies li wettqet hija stess, minħabba l-influwenza determinanti li hija eżerċitat fuq is-sussidjarja u li tippermettilha tiddetermina l-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq ( 17 ). B’hekk, fil-każ fejn ir‑responsabbiltà tal-kumpannija omm toriġina mill-aġir ta’ ksur tas‑sussidjarja tagħha, l-aġir antikompetittiv xorta jitqies li ġie kommess minn din il-kumpannija omm stess, peress li din kienet tifforma entità ekonomika mas-sussidjarja tagħha ( 18 ).
51.
Nosserva li dawn l-appelli jikkonċernaw, ċertament, problema simili, iżda mill-perspettiva, ħafna iktar ristretta, tal-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża minn kumpannija omm fil-każ fejn din ma jkunx għad baqgħalha kontroll fuq sussidjarja preċedenti tagħha matul il-proċedura amministrattiva.
52.
Fil-fatt, f’dawn l-appelli, il-kumpanniji omm appellanti ma jikkontestawx l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-aġir ta’ ksur tas‑sussidjarji komuni tagħhom, il-grupp LPD. L-aggravji mressqa mill‑appellanti huma bbażati, fiż-żewġ appelli, fuq ksur tal-prinċipju tar‑rispett tad-drittijiet tad-difiża, li jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni ma bagħtitx id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-grupp LPD u li, għalhekk, l-appellanti ma setgħux jibbenefikaw minn eventwali provi li jiskaġunaw li din is-sussidjarja setgħet tressaq fil-kuntest tal-difiża tagħha stess ( 19 ).
Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża
53.
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikata f’dan il-każ mill-Qorti Ġenerali ( 20 ), ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil‑proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-kompetizzjoni huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 21 ).
54.
Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jirrikjedi li l-persuna kkonċernata tkun tqiegħdet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li effettivament turi l-perspettiva tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill‑Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur ( 22 ).
55.
Dawn l-appelli jqajmu l-kwistjoni dwar jekk dawn ir-rekwiżiti humiex osservati, fir-rigward ta’ kumpannija omm, fil-każ fejn il‑Kummissjoni tiddeċiedi li ma tibgħatx id-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet lis-sussidjarja li pparteċipat fl-akkordju, meta din is‑sussidjarja tkun ġiet iddikjarata falluta, b’tali mod li d-dokumenti disponibbli għaliha u l‑impjegati tagħha ma għadhomx iktar aċċessibbli għall-kumpannija omm.
56.
Nosserva li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, imsemmija fl‑Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 23 ), tikkostitwixxi garanzija proċedurali essenzjali li tapplika l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn tippermetti lid-destinatarju tagħha li jsostni b’mod utli l-argumenti tiegħu fil-kuntest tal-proċedura mibdija kontra tiegħu ( 24 ). Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tispjega mingħajr ekwivoku l-persuna fiżika jew ġuridika li fuqha ser jiġu imposti multi u għandha tiġi indirizzata lil din il-persuna, filwaqt li tindika f’liema kwalità din qed tiġi akkużata bil-fatti allegati ( 25 ).
57.
Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija intiża għalhekk sabiex tippermetti l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża, individwalment, għal kull persuna ġuridika kkonċernata mill-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni.
58.
Għalhekk, l-osservanza ta’ din il-garanzija proċedurali fir-rigward ta’ kumpannija omm li rċeviet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma għandhiex tkun ippreġudikata minħabba s-sempliċi fatt li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx mibgħuta lill-persuna ġuridika oħra, jiġifieri s-sussidjarja tagħha li pparteċipat direttament fil-ksur.
59.
Fl-opinjoni tiegħi, din il-kunsiderazzjoni hija valida minkejja l-fatt li eventwali provi li jiskaġunaw ipprovduti mis-sussidjarja fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jistgħu jibbenefikaw lill‑kumpannija omm.
60.
Anki jekk tiġi kkunsidrata l-partikolarità ta’ sitwazzjoni li fiha l‑istess ksur huwa imputat lil diversi persuni ġuridiċi li jikkostitwixxu l‑istess entità ekonomika, ma naħsibx li t-teħid ta’ proċeduri kontra persuna ġuridika tista’ tiġi analizzata bħala mezz tad-difiża għal persuni oħra ġuridiċi li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom b’mod awtonomu.
61.
Kif jirriżulta mill-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija rekwiżit proċedurali mandatorju intiż sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża mid‑destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi l-ksur ( 26 ). Issa, sa fejn il‑Kummissjoni tiddeċiedi legalment li ma żżommx lis-sussidjarja responsabbli – ħaġa li ma hijiex ikkontestata fil-kuntest ta’ dawn l‑appelli ( 27 ) – hija ma tistax tkun obbligata tibgħat dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet lil din is-sussidjarja.
62.
Minn dan isegwi li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, b’mod korrett, f’dan il-każ (punt 83 tas-sentenza LGE u l-ewwel sentenza tal-punt 97 tas-sentenza Philips), l-assenza ta’ imputazzjoni formali tal‑ksur tas-sussidjarja, kif ukoll l-assenza li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet lill-imsemmija sussidjarja, ma jikkostitwixxux irregolarità li tista’ tikkomprometti d-drittijiet tad-difiża tal-kumpanniji omm ta’ dan il-grupp.
63.
Madankollu l-appellanti jsostnu li jkun mod ieħor fil-każ fejn id‑dokumentazzjoni tas-sussidjarja li pparteċipat b’mod dirett fl-akkordju ma tibqax aċċessibbli għall-kumpanniji omm tagħha. Huma jiddikjaraw, f’dan ir-rigward, li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża jirriżulta, f’tali każ, mill‑fatt li huma ma setgħux jibbenefikaw minn eventwali provi li jiskaġunaw li setgħu jiġu pprovduti mis-sussidjarja.
64.
Jien m’iniex konvint minn dan l-argument.
65.
Fl-opinjoni tiegħi, huwa skorrett li l-appellanti jirreferu għall‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-iżvelar tal-provi li jiskaġunaw, billi jinvokaw b’mod partikolari s-sentenza Solvay vs Il‑Kummissjoni ( 28 ).
66.
Din il-ġurisprudenza ( 29 ) tikkonċerna l-aċċess għall-provi li jiskaġunaw li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni. Issa, l-argument tal‑appellanti fil-kuntest ta’ dawn l-appelli ma jirrigwardax l-aċċess għall‑fajl tal-Kummissjoni, u lanqas xi provi oħra miġbura mill‑Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva ( 30 ), iżda l-aċċess għall-provi li l-Kummissjoni seta’ potenzjalment ikollha li kieku l-grupp LPD kien ipproduċihom.
67.
Nosserva li l-proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni jipprevedu mezzi ta’ kisba ta’ provi mill-Kummissjoni, kif ukoll regoli ta’ aċċess għall-fajl li jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jieħdu konoxxenza tal‑provi fil-pussess tal-Kummissjoni ( 31 ).
68.
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 92 tas-sentenza LGE u mill‑punt 97 tas-sentenza Philips, il-Kummissjoni għamlet talbiet għal informazzjoni lill-kumpanniji tal-grupp LPD u wettqet spezzjonijiet fl‑istabbilimenti ta’ dan il-grupp. F’dawn iċ-ċirkustanzi, li kieku l‑appellanti kienu kkunsidraw li l-miżuri istruttorji meħuda mill‑Kummissjoni fir-rigward tal-grupp LPD kienu insuffiċjenti, huma messhom ħadu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni tadotta miżuri oħra xierqa sabiex tiġbor il-provi rilevanti fil-pussess ta’ dan il-grupp.
69.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali, għar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 68 sa 83 tas-sentenza LGE u fil-punti 91 sa 97 tas-sentenza Philips, tiċħad l-argument magħmul minn kull waħda mill-appellanti, li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha billi astjeniet milli tibgħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-grupp LPD.
70.
Barra minn hekk, anki li kieku seta’ kien hemm dubju dwar jekk il-motivazzjoni li tinsab fil-punti 68 sa 83 tas-sentenza LGE u fil-punti 91 sa 97 tas-sentenza Philips tissodisfax b’mod komplet l-argument tal‑appellanti fl-ewwel istanza, kif ukoll dwar jekk il-punt 83 tas-sentenza LGE jiċħadx ġustament il-motiv fl-ewwel istanza mhux bħala infondat iżda bħala ineffettiv, tali oġġezzjoni eventwali, li setgħet issir fir-rigward tal-motivazzjoni tas-sentenzi appellati, ma hijiex tali li twassal għall-annullament tagħhom, peress li ċ‑ċaħda tal-motivi kkonċernati kienet fi kwalunkwe każ tidher fondata għar-raġunijiet imsemmija iktar 'il quddiem ( 32 ).
71.
Finalment, fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti li jikkonċernaw il-motivi tas-sentenzi appellati li jsostnu l-obbligu ta’ kull impriża li tiżgura li l-provi dokumentarji jinżammu b’mod tajjeb sabiex tiġi ttraċċata l-attività tagħha (punti 86 sa 89 tas-sentenza LGE u punt 97 tas-sentenza Philips), nosserva li, kif jirriżulta mill-użu tal-Qorti Ġenerali tal-kliem “fi kwalunkwe każ” u “fuq kollox” fil-punti ċċitati hawn fuq, dawn l‑oġġezzjonijiet huma indirizzati kontra l-motivi li ngħataw ta’ kompletezza fis-sentenzi appellati u, minħabba f’hekk, huma ineffettivi.
Konklużjoni
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja tiċħad bħala infondati l-ewwel aggravju imressaq minn LG Electronics Inc. kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2015, LG Electronics vs Il-Kummissjoni (T-91/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:609), kif ukoll it-tieni aggravju imressaq minn Koninklijke Philips Electronics NV kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2015, Philips vs Il-Kummissjoni (T‑92/13, mhux ippubblikata, EU:2015:605).
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) T-91/13, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza LGE, EU:T:2015:609.
( 3 ) T-92/13, mhux ippubblikata,, iktar ’il quddiem is-“sentenza Philips, EU:T:2015:605.
( 4 ) Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 2017.
( 5 ) Regolament tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
( 6 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013 (C-286/11 P, EU:C:2013:29, punt 39).
( 7 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011 (C-109/10 P, EU:C:2011:686, punt 62).
( 8 ) Manual of procedure for the application of Articles 101 TFUE and 102 TFEU, 2012. Ara (iktar ’il quddiem il-“manwal tal-proċeduri tal-Kummissjoni”).
( 9 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015 (C-597/13 P, EU:C:2015:613, punti 35 u 38).
( 10 ) Sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni (T-122/07 sa T-124/07, EU:T:2011:70, punt 151), u tas‑27 ta’ Ġunju 2012, Bolloré vs Il-Kummissjoni (T-372/10, EU:T:2012:325, punt 50).
( 11 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C-109/10 P, EU:C:2011:686, punt 62).
( 12 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punti 54 sa 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punti 58 kif ukoll 59), u tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni (C-155/14 P, EU:C:2016:446, punt 27).
( 14 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C-516/15 P, EU:C:2016:1004, punti 52 sa 69).
( 15 ) Sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni (C-50/12 P, EU:C:2013:771, punt 55), u tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et (C-231/11 P sa C-233/11 P, EU:C:2014:256, punt 47).
( 16 ) Sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins (C-286/11 P, EU:C:2013:29, punti 37, 39, 43 u 49), kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il-Kummissjoni (C-597/13 P, EU:C:2015:613, punt 38).
( 17 ) Sentenza tas-27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C-516/15 P, EU:C:2017:314, punt 56 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punti 72 u 73).
( 19 ) LGE tindika b’mod partikolari, fir-replika tagħha, li hija tilmenta mal-Kummissjoni mhux li wettqet irregolarità billi ma imputatx responsabbiltà fuq is-sussidjarja tagħha, iżda li hija kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ LGE billi ma bagħtitx id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-imsemmija sussidjarja.
( 20 ) Ara l-punti 68 sa 70 tas-sentenza LGE u l-punti 91 sa 93 tas-sentenza Philips.
( 21 ) Sentenza tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36, punt 9). Ara wkoll is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (C-534/07 P, EU:C:2009:505, punt 26 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (C‑511/06 P, EU:C:2009:433, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, qabel ma tieħu d-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur b’mod partikolari, il-Kummissjoni tagħti lill-persuni involuti fil-proċedura l-opportunità li juru l-perspettiva tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet li hija tkun sabet.
( 24 ) Sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni (C-322/07 P, C-327/07 P u C-338/07 P, EU:C:2009:500, punti 38 kif ukoll 39), u tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C-97/08 P, EU:C:2009:536, punt 57).
( 25 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C-97/08 P, EU:C:2009:536, punt 57). Dan ir-rekwiżit huwa wkoll spjegat fil-manwal tal‑proċeduri tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE [punt 5(1), p. 116], li għalih jirreferu l-appellanti: “While the subject of the competition rules is an “undertaking”, each legal entity that may be liable for the infringement within the undertakings must individually receive, as an addressee, [a Statement of Objections] […] It is therefore important to make sure that the [Statement of Objections] is addressed to all possible legal entities (parent companies and subsidiaries) that may be held jointly and severally liable for the infringement […] The final decision cannot be addressed to legal entities which, although they may be considered to be responsible for the infringements, were not an addressee of the [Statement of Objections]”.
( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 10), u tat‑3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni (C‑322/07 P, C-327/07 P u C-338/07 P, EU:C:2009:500, punt 36).
( 27 ) Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 28 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011 (C-109/10 P, EU:C:2011:686, punti 62 u 64 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Skont din il-ġurisprudenza, fil-każ tal-assenza ta’ żvelar ta’ dokument li jiskaġuna, ikun biżżejjed, sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tad‑difiża, li l-persuna kkonċernata tistabbilixxi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti li jiskaġunaw għad-difiża tagħha.
( 29 ) Is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C-109/10 P, EU:C:2011:686), kienet tikkonċerna d-dokumenti nieqsa tal-fajl tal-Kummissjoni, li għalihom Solvay ma kellhiex aċċess u li – kif il-Kummissjoni kienet hija stess irrikonoxxiet – seta’ kellu informazzjoni rilevanti għad-difiża.
( 30 ) Ara, f’dak li jirrigwarda l-eventwali provi li jiskaġunaw li jinsabu fir-risposti għad‑dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet lil partijiet oħra kkonċernati mill-istess proċedura, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (T-186/06, EU:T:2011:276, punt 225); tas-16 ta’ Ġunju 2011, Bavaria vs Il-Kummissjoni (T‑235/07, EU:T:2011:283, punti 119, 249 sa 251).
( 31 ) Rispettivament, l-Artikoli 18 sa 21 u 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003.
( 32 ) Ara l-punti 58 sa 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C-367/95 P, EU:C:1998:154, punt 47), u tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il‑Kunsill (C-93/02 P, EU:C:2003:517, punt 60).
Full & Egal Universal Law Academy