KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fil-11 ta’ Mejju 2017 ( 1 )
Kawża C-677/15 P
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
vs
European Dynamics Luxembourg SA,
Evropaïki Dynamiki -Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE,
European Dynamics Belgium SA
“Appell – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Provvista ta’ servizzi esterni dwar il-ġestjoni ta’ programmi u ta’ proġetti, kif ukoll ta’ pariri tekniċi fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni – Proċedura ta’ kaskata – Kunsiderazzjoni tas-sottokriterji fi ħdan il-kriterji tal-għoti – Prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza – żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Nuqqas ta’ motivazzjoni – Telf ta’ opportunità – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea”
I. Introduzzjoni
1.
F’dan l-appell, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Ottubru 2015, European Dynamics Luxembourg et vs UASI ( 3 ), (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li permezz tagħha din:
–
annullat id-deċiżjoni tal-EUIPO, adottata fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa ta’ sejħa għal offerti għall-provvista ta’ servizzi tal-informatika u kkomunikata lil European Dynamics Luxembourg SA permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Marzu 2011, li tikklassifika l-offerta tagħha fit-tielet post skont il-mekkaniżmu ta’ kaskata għall-għan tal-għoti ta’ kuntratt-kwadru kif ukoll li tikklassifika l-offerti tal-Consortium Unisys SLU u Charles Oakes & Co. Sàrl, minn naħa, u ta’ ETIQ Consortium (by everis u Trasys), min-naħa l-oħra, fl-ewwel u t-tieni post rispettivament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u
–
ikkundannat lill-Unjoni Ewropea għad-danni subiti minn European Dynamics Luxembourg abbażi tat-telf ta’ opportunità li tingħata l-kuntratt-kwadru bħala l-ewwel kontraenti f’kaskata.
II. Il-kuntest ġuridiku
2.
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002 ( 4 ), jistabbilixxi r-regoli bażiċi li jirregolaw l-intier tal-qasam baġitarju għall-materji bħalma huma l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.
3.
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) ta’ dan ir-regolament, “[l]-awtorità tal-kuntratti [awtorità kontraenti] għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-appaltaturi [offerenti] kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjoni, u lill-appaltaturi kollha li l-offerti tagħhom huma ammissibbli u li jagħmlu talba bil-miktub, bil-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-appaltatur b’suċċess [offerent magħżul] u l-isem ta’ l-appaltatur li lilu jingħata il-kuntratt”.
4.
L-Artikolu 149 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 ( 5 ), jistabbilixxi l-obbligi mposti fuq l-awtorità kontraenti dwar l-informazzjoni lill-kandidati u lill-offerenti skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju.
5.
Skont l-Artikolu 115(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 ( 6 ), “[l]-Uffiċju huwa organu tal-Komunità. Huwa għandu personalità ġuridika”.
6.
L-Artikolu 118(3) ta’ dan ir-Regolament jipprovdi li, “[f]’każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Uffiċċju għandu, skont il-prinċipji ġenerali komuni fil-liġijiet tal-Istati Membri, jagħmel tajjeb għal kull ħsara kaġunata mid-dipartimenti tiegħu jew mill-impjegati tiegħu waqt li dawn ikunu qegħdin jaqdu dmirhom”.
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
7.
Il-fatti tal-każ ġew esposti fil-punti 1 sa 28 tas-sentenza appellata.
8.
Fis-6 ta’ Ġunju 2011, European Dynamics Luxembourg, Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE u European Dynamics Belgium SA (iktar ’il quddiem “European Dynamics Luxembourg et” jew il-“konvenuti”) kienu ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Wara li rrinunzjaw għal waħda mit-talba tagħhom waqt is-seduta, huma talbu:
–
l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, li kklassifikat l-offerta ta’ European Dynamics Luxembourg fit-tielet post skont il-mekkaniżmu ta’ kaskati;
–
l-annullament tad-deċiżjonijiet l-oħra kollha konnessi tal-EUIPO, inklużi dawk li jattribwixxu l-kuntratt inkwistjoni lill-offerenti kklassifikati rispettivament l-ewwel u t-tieni fil-mekkaniżmu ta’ kaskata;
–
il-kundanna tal-EUIPO għal ħlas ta’ kumpens fl-ammont ta’ EUR 650000 għad-dannu subit mir-rikorrenti b’riżultat tal-telf ta’ opportunità u l-effett ħażin għar-reputazzjoni u għall-kredibbiltà tagħhom, u
–
il-kundanna lill-EUIPO sabiex iħallas l-ispejjeż.
9.
Insostenn tat-talba tagħhom għal annullament u wara li rrinunzjaw għal wieħed mill-motivi tagħhom waqt is-seduta, European Dynamics Luxembourg et kienu invokaw tliet motivi. Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw li l-EUIPO kiser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju u l-Artikolu 149 tar-Regolament Nru 2342/2002 kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, billi rrifjuta li jagħtihom spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni tal-għoti. It-tieni motiv kien ibbażat fuq “ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt”, billi, bi preġudizzju għalihom, l-EUIPO kien adotta kriterju ġdid ta’ għoti u kunsiderazzjoni ġdida ta’ sottokriterji ta’ għoti li ma jidhrux fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Skont it-tielet motiv, European Dynamics Luxembourg et jilmentaw li l-EUIPO wettaq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.
10.
Il-Qorti Ġenerali eżaminat, suċċessivament, it-tieni, it-tielet u l-ewwel motivi tar-rikors.
11.
L-ewwel nett, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kummenti negattivi tal-EUIPO fuq l-offerta ta’ European Dynamics Luxembourg li l-offerti li kienu akkwistaw punteġġ aħjar taħt l-ewwel kriterju ta’ għoti “kienu identifikaw il-ġestjoni tal-bidla u tal-komunikazzjoni bħala l-iktar żewġ kompiti essenzjali għas-suċċess tal-proġett”, juri li l-EUIPO kien wettaq evalwazzjoni tas-sottokriterji differenti fl-ewwel kriterju ta’ għoti. Fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, billi din l-evalwazzjoni la kienet prevista mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u lanqas ikkomunikata minn qabel lill-offerenti, l-EUIPO kien kiser, għad-detriment ta’ European Dynamics Luxembourg et, il-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza. Għaldaqstant, fil-punt 55 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet laqgħet parzjalment it-tieni motiv.
12.
Imbagħad, fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv, il-Qorti Ġenerali kienet, minn naħa, qieset li ċerti kummenti negattivi esposti mill-EUIPO f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-offerta inkwistjoni fir-rigward tal-ewwel u t-tieni kriterji ta’ għoti huma vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.
13.
L-ewwel nett, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li la darba l-kummenti negattivi ċċitati fil-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet huma vvizzjati minn ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza, din id-deċiżjoni hija neċessarjament ukoll ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.
14.
It-tieni nett, fil-punt 102 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kummenti negattivi dwar l-evalwazzjoni ta’ dik l-offerta fir-rigward tat-tieni kriterju ta’ għoti, li hija ma kienet ippreżentat “l-ebda eżempju x’tagħti”, isegwu minn żball manifest ta’ evalwazzjoni għaliex ma jsib l-ebda sostenn fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
15.
Min-naħa l-oħra, fil-punti 86, 89 u 95 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, li diversi kummenti oħra tal-EUIPO marbutin mal-evalwazzjoni tal-istess offerta fir-rigward tal-ewwel kriterju ta’ għoti huma vvizzjati minn nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju, anki jekk il-Qorti Ġenerali ma kinitx f’qagħda li tivverifika l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar dawn il-kummenti.
16.
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet motiv fir-rigward tal-ilmenti diretti kontra l-kummenti tal-EUIPO msemmija fil-punti 13 u 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u ċaħditu fil-kumplament.
17.
Fl-aħħarnett, wara l-eżami tal-ewwel motiv, u wara li, fil-punt 134 tas-sentenza appellata, irreferiet għall-evalwazzjonijiet li hija kkunsidrat mhux immotivati suffiċjentement fil-kuntest tat-trattament tat-tielet aggravju, fil-punt 135 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża fiha diversi nuqqasijiet fil-motivazzjoni.
18.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-punt 136 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha.
19.
Insostenn tat-talba tagħhom għad-danni, kif jirriżulta mill-punt 137 tal-istess sentenzi, European Dynamics Luxembourg et kienu talbu l-kumpens, minn naħa, għat-telf tal-opportunità li jikkonkludu l-kuntratt inkwistjoni bħala offerent ikklassifikat fl-ewwel post, u, min-naħa l-oħra, għad-dannu morali subit minħabba l-preġudizzju għar-reputazzjoni tagħhom u l-kredibbiltà tagħhom.
20.
Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.
21.
Qabel xejn, fil-punt 141 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, billi t-talba għall-ħlas tad-danni kienet ibbażata fuq l-istess illegalitajiet li kienu invokati insostenn tat-talba għall-annullament u billi l-Qorti Ġenerali stabbiliet uħud fosthom, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ imġiba illegali mill-istituzzjonijiet jew organi tal-Unjoni hija ssodisfatta.
22.
Imbagħad, fil-punt 143 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx possibbli li tiġi stabbilita rabta kawżali bejn in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni li hija kkonstatat u d-dannu invokat. Bil-kuntrarju, fil-punt 144 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-illegalitajiet fil-mertu li hija kienet ukoll ikkonstatat setgħu jaffettwaw l-opportunità ta’ European Dynamics Luxembourg li l-offerta tagħha tiġi kklassifikata fl-ewwel jew it-tieni post fil-mekkaniżmu ta’ kaskata.
23.
Fl-aħħarnett, il-Qorti Ġenerali eżaminat ir-realtà tad-dannu allegat. Minn naħa, fil-punti 144 sa 146 tas-sentenza appellata, hija kkonkludiet li t-telf ta’ opportunità subit minn dik il-kumpannija kien jikkostitwixxi preġudizzju reali u ċert. Madankollu, fil-punt 147 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dan l-istadju tal-proċedura, ma setgħetx tiddeċiedi dwar l-evalwazzjoni ta’ dan id-dannu. Min-naħa l-oħra, fil-punt 155 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ħasset li mhux neċessarju li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ preġudizzju għar-reputazzjoni u l-kredibbiltà ta’ European Dynamics Luxembourg et, billi l-annullament tad-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni huwa suffiċjenti fil-prinċipju sabiex jikkumpensa d-dannu kkawżat minn dan il-ksur.
24.
Konsegwentement, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment it-talba għall-ħlas tad-danni. Fil-punt 157 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jiftiehmu fuq l-ammont li għandu jiġi kkumpensat minħabba t-telf ta’ opportunità, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 149 sa 154 ta’ dik is-sentenza, u li jippreżentaw il-ftehim tagħhom. Fin-nuqqas ta’ tali ftehim, il-partijiet kienu mitluba jressqu t-talbiet iddettaljati tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali.
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
25.
Permezz tal-appell tiegħu, l-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
–
prinċipalment, li tannulla s-sentenza appellata u tiċħad it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll it-talba għall-ħlas tad-danni ppreżentati fl-ewwel istanza;
–
sussidjarjament, li tannulla dik is-sentenza u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
–
sussidjarjament, li tannulla dik is-sentenza sa fejn hija tikkundanna lill-Unjoni għall-ħlas tad-danni mġarrba minn European Dynamics Luxembourg u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u
–
li tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.
26.
European Dynamics Luxembourg et jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
V. Analiżi
A. Kunsiderazzjonijiet preliminari
27.
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża minħabba l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza (punt 53 ta’ dik is-sentenza), ta’ żewġ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (punti 91 u 102 ta’ dik is-sentenza), kif ukoll ta’ diversi nuqqasijiet ta’ motivazzjoni (punti 86, 89, 95 u 135 tal-istess sentenza) li jivvizzjaw l-evalwazzjoni mill-EUIPO tal-offerta ta’ European Dynamics Luxembourg.
28.
Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO jinvoka erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni li wettqet il-Qorti Ġenerali meta kkonkludiet li d-deċiżjoni kontenzjuża tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza. Permezz tat-tieni aggravju, l-EUIPO jallega li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali annullat dik id-deċiżjoni minħabba żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta kkonstatat diversi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jivvizzjaw dik id-deċiżjoni u konsegwentement annullatha. Skont ir-raba aggravju, l-EUIPO jqajjem l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni fejn dik is-sentenza laqgħet it-talba għad-danni mressqa minn European Dynamics Luxembourg et.
29.
Għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, inqis li, fil-kuntest tal-eżami tat-talba għall-annullament, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta kkonstatat ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza (punt 53 tas-sentenza appellata) u żball manifest ta’ evalwazzjoni (punt 91 ta’ dik is-sentenza) li vvizzjaw l-evalwazzjoni tal-offerta inkwistjoni fir-rigward tal-ewwel kriterju ta’ għoti ( 7 ). Bil-kuntrarju, fil-fehma tiegħi, l-aggravji tal-appell ma jistabbilixxux li l-Qorti Ġenerali ikkonstatat illegalment in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni (punti 86, 89, 95 u 135 ta’ dik is-sentenza) u l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni (punt 102 tal-istess sentenza) li jivvizzjaw l-evalwazzjoni ta’ dik l-offerta fir-rigward, rispettivament, tal-ewwel u t-tieni kriterji ta’ għoti ( 8 ).
30.
Kif sejjer nispjega wkoll iktar ’il quddiem, l-żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw il-punti 53 u 91 tas-sentenza appellata, fl-opinjoni tiegħi, iwasslu għall-annullament ta’ dik is-sentenza biss fejn hija tikkundanna lill-Unjoni għall-ħlas tad-danni mġarrba minn European Dynamics Luxembourg ( 9 ). Barra minn hekk, jidhirli li l-imsemmija sentenza hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti f’dan ir-rigward ( 10 ).
31.
Madankollu, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha elementi suffiċjenti sabiex tiddeċiedi l-kawża fil-mertu, kif jawtorizzaha l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”), dwar it-talba għad-danni mressaq fl-ewwel istanza. F’dan il-kuntest, fl-opinjoni tiegħi, hija għandha tiċħad dik it-talba ( 11 ).
B. Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn is-sentenza appellata tikkonstata ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza
32.
L-ewwel aggravju huwa dirett kontra l-punt 53 tas-sentenza appellata u jinkludi żewġ partijiet.
1. Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju
33.
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-EUIPO jargumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza għaliex l-evalwazzjoni tal-offerta inkwistjoni taħt l-ewwel kriterju ta’ għoti kienet twettqet fid-dawl tal-fatturi ta’ kunsiderazzjoni ta’ sottokriterji fi ħdan dan il-kriterju li ma jirriżultawx mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u ma kinux ġew ikkomunikati lill-offerenti.
34.
Skont ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni li saret fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li tistabbilixxi “rabta kawżali awtomatika” bejn l-introduzzjoni ta’ dawn il-fatturi ta’ kunsiderazzjoni u l-ksur ta’ dawn prinċipji, hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, barra minn hekk, ma hijiex immotivata suffiċjentement. L-EUIPO jinnota li jirriżulta mis-sentenza ATI EAC u Viaggi di Maio et ( 12 ) u minn żewġ sentenzi sussegwenti ( 13 ) li l-awtorità kontraenti tista’, mingħajr ma neċessarjament tinforma lill-offerenti, tagħti piż speċifiku lis-sottoelementi differenti ta’ kriterju ta’ għoti stabbiliti minn qabel suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, li, f’dan il-każ, huma sodisfatti.
35.
European Dynamics Luxembourg et jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, għall-motiv li dan jinkludi argumenti li l-EUIPO ma ġewx invokati fl-ebda stadju preċedenti tal-proċedura. Fuq il-mertu, il-konvenuti jargumentaw, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kkonformat ruħha ma’ dik il-ġurisprudenza billi, anki jekk hija ma ċċitathiex, hija kkonstatat li l-introduzzjoni mingħajr komunikazzjoni minn qabel ta’ dawn il-fatturi ta’ kunsiderazzjoni ppreġudikathom.
36.
Fil-fehma tiegħi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà avvanzata minn European Dynamics Luxembourg et għandha tiġi miċħuda. Irrispettivament mill-fatt li l-EUIPO, bħala konvenut fl-ewwel istanza, ma nvokax quddiem il-Qorti Ġenerali, l-argumenti mqajma minnu taħt l-ewwel aggravju huma intiżi sabiex jikkritikaw fid-dritt is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali għall-motivi u argumenti diskussi quddiemha ( 14 ). L-eżami ta’ din is-soluzzjoni jaqa’ fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 15 ).
37.
Fir-rigward tal-eżami fil-mertu tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, nenfasizza, preliminarjament, li l-partijiet ma jikkontestawx il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li l-EUIPO introduċa fatturi ta’ kunsiderazzjoni tas-sottokriterji fl-ewwel kriterju ta’ għoti ( 16 ). Ir-rikorrenti jikkritika, bil-kuntrarju, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-illegalità ta’ din l-introduzzjoni.
38.
Ladarba dan ġie speċifikat, jien nikkunsidra li fil-punt 53 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 48 tagħha, jiġifieri l-punt 38 tas-sentenza Lianakis et ( 17 ).
39.
Jirriżulta minn dan il-punt li l-awtorità kontraenti ma għandhiex tintroduċi, mingħajr ma tgħarraf lill-offerenti minn qabel, kemm sottokriterji ġodda, kif ukoll regoli ta’ kunsiderazzjoni tal-kriterji ta’ għoti.
40.
F’dan il-każ, madankollu, l-evalwazzjonijiet kontenzjużi jikkonċernaw l-introduzzjoni ta’ fatturi ta’ kunsiderazzjoni mhux ta’ kriterji ta’ għoti, imma ta’ sottokriterji fi ħdan wieħed minn dawn il-kriterji.
41.
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet iktar flessibbiltà lill-awtorità kontraenti għal dan l-għan. Kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ATI EAC u Viaggi di Maio et ( 18 ) u rrepetiet fis-sentenzi Lianakis et ( 19 ), Evropaïki Dynamiki vs EMSA ( 20 ) kif ukoll TNS Dimarso ( 21 ), fatturi ta’ kunsiderazzjoni ta’ sottokriterji fi ħdan kriterji ta’ għoti jistgħu jiġu introdotti wara li jiskadi t-terminu tal-preżentazzjoni tal-offerti sakemm jiġu sodisfatt tliet kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, din id-determinazzjoni ex post ma tistax timmodifika l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviżi ta’ kuntratt. Fit-tieni lok, hija ma tistax tinkludi elementi li, kieku kienu magħrufa waqt il-preparazzjoni tal-offerti, kienu jinfluwenzaw dik il-preparazzjoni. Fit-tielet lok, hija ma tistax tkun ġiet adottata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jistgħu jkollhom effett diskriminatorju kontra wieħed mill-offerenti.
42.
Fil-fehma tiegħi, hija din l-aħħar direzzjoni ta’ ġurisprudenza li l-Qorti Ġenerali kellha tapplika. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kellha d-dover li tivverifika jekk l-argumenti mressqa fil-petizzjoni kinux jistabbilixxu li l-EUIPO ma kienx osserva dawn il-kundizzjonijiet ( 22 ).
43.
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u b’hekk il-punt 53 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi. Għaldaqstant, din is-sentenza għandha tiġi annullata f’dan ir-rigward.
44.
Insegwitu għal dan l-annullament, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, jew tiddeċiedi hija stess definittivament meta hija tkun f’qagħda li tista’ tiddeċiedi.
45.
F’dan il-każ, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’qagħda li tiddetermina hija stess, fuq il-bażi tal-elementi tal-fajl tal-Qorti Ġenerali u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jekk huwiex fondat il-motiv tar-rikors fl-ewwel istanza bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza li jivvizzjaw id-deċiżjoni kontenzjuża.
46.
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jidhirlix li dan huwa l-każ: quddiem il-Qorti Ġenerali, European Dynamics Luxembourg et ma allegawx u a fortiori lanqas urew li f’dan il-każ ma kinux issodisfatti t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza ATI EAC u Viaggi di Maio et ( 23 ) u l-ġurisprudenza sussegwenti ( 24 ).
47.
Barra minn hekk, l-iżball ta’ liġi fir-rigward tal-punt 53 tas-sentenza appellata jaffettwa wkoll il-bażi li fuqha jistrieħ il-punt 91 ta’ dik is-sentenza, li fih il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni billi tieħu kont ta’ kunsiderazzjoni tas-sottokriterji tal-ewwel kriterju ta’ għoti mhux ikkomunikata minn qabel lill-offerenti ( 25 ). Fil-fatt, kif jirriżulta minn dan il-punt, il-konstatazzjoni ta’ dan l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni “tirriżulta neċessarjament” mill-konstatazzjoni tal-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza li jivvizzjaw dik id-deċiżjoni.
48.
Madankollu, ir-rikorrenti ma jikkontestax espressament – kemm fil-kuntest tal-ewwel aggravju kif ukoll f’xi aggravju ieħor tal-appell – il-konstatazzjoni li saret fil-punt 91 tas-sentenza appellata ( 26 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ minkejja dan tirrileva ex ufficio li dan il-punt huwa “kkontaminat” mill-iżball ta’ liġi li jivvizzja l-punt 53 ta’ dik is-sentenza?
49.
Fl-opinjoni tiegħi, din id-domanda titlob risposta affermattiva. F’dan ir-rigward nosserva li t-tħassir tal-konklużjoni li d-deċiżjoni kontenzjuża tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza jeskludi kull motivazzjoni għall-punt 91 ta’ dik is-sentenza. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li nuqqas ta’ motivazzjoni li tivvizzja sentenza tal-Qorti Ġenerali jaqa’ taħt ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u b’hekk jikkostitwixxi aggravju ta’ ordni pubbliku ( 27 ). F’dawn il-kundizzjonijiet, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li, meta, b’risposta għal aggravju tal-appell, hija tikkonstata l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi li jivvizzja konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, dan l-iżball jivvizzja wkoll konstatazzjoni oħra li l-motivazzjoni tagħha hija bbażata esklużivament fuq l-ewwel konstatazzjoni.
50.
Għalhekk, jien inqis li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata wkoll fejn tikkonstata żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l-evalwazzjoni tal-offerta inkwistjoni taħt l-ewwel kriterju ta’ għoti. Madankollu, ma huwiex neċessarju li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali jew li din tissejjaħ sabiex teżamina fil-mertu l-aggravji tar-rikors ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw dik l-evalwazzjoni. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali diġà kkonkludiet, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet nieqsa minn motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward, b’mod li hija ma kinitx f’pożizzjoni tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ tali żbalji (fosthom dak li hija nnutat fil-punt 91 ta’ dik is-sentenza). Issa, kif sejjer jirriżulta mill-eżami tiegħi tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li dik il-konklużjoni hija vvizzjata minn irregolarità ( 28 ).
51.
Sejjer neżamina il-kwistjoni dwar sa liema punt id-dispożittiv ta’ dik is-sentenza għandu jiġi annullat minħabba l-iżbalji ta’ liġi li jivvizzjaw il-punti 53 u 91 ta’ din tal-aħħar wara li nkun ittrattajt l-aggravji l-oħra tal-appell ( 29 ).
2. Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju
52.
It-tieni parti tal-ewwel aggravju hija bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Qorti Ġenerali taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 36, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut. L-EUIPO jsostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret dan l-obbligu meta, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, ikkonstatat ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza bi preġudizzju tal-konvenuti mingħajr ma vverifikat jekk kinux issodisfatti t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza ATI EAC u Viaggi di Maio et ( 30 ) jew, tal-inqas, esponiet ir-raġunijiet għaliex dawn ma kinux issodisfatti.
53.
Billi l-analiżi tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju diġà wasslet għall-konstatazzjoni ta’ żball ta’ liġi li jivvizzja l-punt 53 tas-sentenza appellata, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata fil-mertu t-tieni parti ta’ dan l-aggravju.
54.
Madankollu, sabiex inkun eżawrjenti, nenfasizza li skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Qorti Ġenerali jobbligaha li timmotiva s-sentenzi tagħha b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom l-argumenti tagħhom ma rnexxewx u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha quddiemha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 31 ).
55.
Issa, fl-opinjoni tiegħi, meta adottat ir-raġunament żviluppat fil-punti 48 sa 52 tas-sentenza appellata insostenn tal-konklużjoni esposta fil-punt 53 ta’ dik is-sentenza, u rreferiet għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, fl-opinjoni tiegħi, issodisfat dawn ir-rekwiżiti. Fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni li tidher fil-punt 53 tal-istess sentenza ma hijiex ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni għaliex il-Qorti Ġenerali ma spjegatx għaliex l-applikazzjoni tat-test legali applikabbli kienet tippermetti li jiġi stabbilit il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza, imma – kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju – iżda minn żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali applikat test legali ieħor li ma kienx rilevanti fiċ-ċirkustanzi tal-każ.
56.
Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju hija infondata.
C. Fuq it-tieni aggravju u t-tieni parti tat-tielet aggravju, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi sa fejn is-sentenza appellata annullat id-deċiżjoni kontenzjuża abbażi ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ta’ nuqqasijiet ta’ motivazzjoni
57.
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali kkommettiet meta, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma eżaminat jekk l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kkonstatati fil-punti 91, 95, 96, u 97 sa 103 ta’ dik is-sentenza kellhomx effett fuq ir-riżultat finali tal-proċedura ta’ għoti.
58.
Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, l-EUIPO jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli annullat dik id-deċiżjoni mingħajr ma vverifikat jekk in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni kkonstatati fil-punti 86, 89, 95 u 135 tal-imsemmija sentenza kinux suffiċjenti, fihom infushom jew flimkien mal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li hija nnutat ukoll, sabiex jibdlu dak ir-riżultat.
59.
Fil-kuntest tat-tieni aggravju u tat-tieni parti tat-tielet aggravju, ir-rikorrenti tinvoka żewġ sentenzi tal-Qorti Ġenerali.
60.
Minn naħa, hija tiċċita l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tistabbilixxi li meta l-Qorti Ġenerali tikkonstata insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li tivvizzja deċiżjoni ta’ għoti, din id-deċiżjoni tista’ tiġi annullata għal dan il-motiv biss jekk l-elementi l-oħra ta’ dik id-deċiżjoni, li ma jkunux ivvizzjati b’dik l-insuffiċjenza, ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġġustifikawha ( 32 ). Skont l-EUIPO, dik il-ġurisprudenza għandha tiġi applikata b’analoġija meta l-Qorti Ġenerali tikkonstata żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja deċiżjoni ta’ għoti.
61.
L-EUIPO jirreferi, min-naħa l-oħra, għal sentenza li fiha l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, meta l-punteġġ mogħti lil offerta taħt kriterju ta’ attribuzzjoni partikolari tkun ibbażata fuq diversi kummenti negattivi, li fosthom wieħed jew iktar huma vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, dik il-punteġġ u l-evalwazzjoni li ssostniha ma jkunux ivvizzjati minn tali żball jekk l-imsemmi punteġġ ikun ibbażat wkoll fuq kummenti eżenti minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni ( 33 ).
62.
Skont il-konvenuti, dawn il-preċedenti ma humiex applikabbli f’dan il-każ.
63.
Jien nipproponi li neżamina t-tieni aggravju u t-tieni parti tat-tielet aggravju flimkien.
64.
F’dan ir-rigward, ninnota l-ewwel nett li r-rikorrenti ma tallegax u a fortiori lanqas ma turi li l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u/jew in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni kkonstatati mill-Qorti Ġenerali ma setgħu ikollhom l-ebda effett fuq ir-riżultat tal-proċedura ta’ għoti u, għalhekk, ma jiġġustifikawx l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Hija sempliċiment tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma eżaminatx espliċitament jekk dawn l-irregolaritajiet kinux bidlu r-riżultat ta’ dik il-proċedura.
65.
Jidhirli li din il-kritika hija bbażata fuq interpretazzjoni ħażina tar-rekwiżiti imposti fuq il-Qorti Ġenerali.
66.
Huwa veru li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tannulla deċiżjoni ta’ għoti minħabba irregolaritajiet li jivvizzjaw dik id-deċiżjoni meta elementi oħra tagħha, mhux ivvizzjati minn irregolaritajiet, ikunu suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw ir-riżultat finali. F’sitwazzjoni bħal din, l-aggravji ibbażati fuq dawn l-irregolaritajiet ikunu ineffettivi, għaliex anki jekk ikunu fondati, ma jwasslux għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni ( 34 ). Dan jgħodd ukoll meta, anki fl-assenza tal-irregolaritajiet imsemmija f’dawn il-motivi, id-deċiżjoni ma setgħetx tkun iktar favorevoli għar-rikorrenti.
67.
Minn din il-perspettiva, il-Qorti Ġenerali – korrettament fil-fehma tiegħi – ripetutament tikkunsidra li l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li tivvizzja ċerti evalwazzjonijiet tal-awtorità kontraenti ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ offerta fil-każ li, anki jekk dik l-offerta tkun irċeviet il-massimu tal-punti disponibbli għall-kriterji jew is-sottokriterju ta’ għoti affettwati b’dik l-insuffiċjenza, hija ma kinitx ser tieħu l-punti minimi li jiftħulha l-aċċess għall-fażi finanzjarja jew għall-fażi ta’ għażla komparattiva tal-offerti ( 35 ).
68.
Din l-istess loġika teżiġi li fil-każ li, bħal f’dan il-każ, l-awtorità kontraenti tkun ikklassifikat offerta f’ordni utli f’mekkaniżmu ta’ kaskata imma mingħajr ma tkun ikklassifikatha fl-ewwel post, il-motivi tar-rikors għandhom ikunu ineffettivi jekk, anki kieku dik l-offerta kienet ħadet il-massimu tal-punti disponibbli taħt il-kriterji ta’ għoti kkonċernati mill-evalwazzjonijiet allegatament ivvizzjati minn irregolarità, hija kienet tirċievi punteġġ finali inqas minn dak tal-offerti fl-aħjar post fil-klassifika fil-mekkaniżmu ta’ kaskata.
69.
Madankollu, ma naħsibx li l-Qorti Ġenerali għandha tesponi espliċitament il-motivi li għalihom hija tikkunsidra li l-ilmenti tar-rikors huma ineffettivi. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali hija obbligata biss li ma tannullax deċiżjoni ta’ għoti meta dawn il-motivi jkunu effettivament ineffettivi – jiġifieri, kif jirriżulta minn dak li ntqal, meta l-irregolaritajiet imsemmija f’dawk il-motivi, meħuda lkoll flimkien, ma seta’ jkollhom l-ebda effett fuq ir-riżultat tal-proċedura ta’ għoti.
70.
Issa, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx, lanqas biss allegat, li anki fl-assenza tal-irregolaritajiet differenti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx ser tkun iktar favorevoli għal European Dynamics Luxembourg.
71.
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni aggravju u t-tieni parti tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.
D. Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn is-sentenza appellata tikkonstata li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata minn nuqqasijiet ta’ motivazzjoni li jiġġustifikaw l-annullament tagħha
72.
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, li jista’ jiġi diviż fi tliet partijiet, l-EUIPO jargumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punti 134 u 135 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata minn nuqqasijiet ta’ motivazzjoni u billi annullat dik id-deċiżjoni għal dan il-motiv.
1. Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju
73.
Fit-termini tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, ir-rikorrenti tallega li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jinkombi lill-awtorità kontraenti skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju. Billi eżaminat separatament kull wieħed mill-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni filwaqt li ttraskurat il-kuntest iktar wiesa’ tal-evalwazzjoni li huma jiffurmaw parti minnu, il-Qorti Ġenerali attribwiet kontenut iktar strett lil dan l-obbligu minn dak li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 129 tas-sentenza appellata ( 36 ). Skont dik il-ġurisprudenza, l-awtorità kontraenti ma hijiex obbligata li tipprovdi lill-offerent eskluż la sommarju ddettaljat tal-mod li fih kull parti mill-offerta tagħha kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni u lanqas analiżi komparattiv tal-offerta tiegħu u tal-offerta magħżula.
74.
Il-konvenuti jirrispondu li l-Qorti Ġenerali, korrettament, illimitat ruħha sabiex teżamina l-motivi mressqa fir-rikors, li kienu kkonċentrati fuq ċerti kummenti partikolari.
75.
Fl-opinjoni tiegħi, l-argumenti mressqa mill-EUIPO ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali kellha tapplika test iktar strett minn dak li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex fil-punti 86, 89, 95 u 135 tas-sentenza appellata tistabbilixxi l-eżistenza ta’ nuqqasijiet ta’ motivazzjoni li jivvizzjaw l-evalwazzjonijiet tal-EUIPO msemmija fil-punti 81, 87 u 90 ta’ dik is-sentenza ( 37 ).
76.
Kif jirriżulta mill-punti 85, 88, 93 u 94 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat dawn in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni abbażi, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ spjegazzjoni fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll tan-natura fil-qosor u vagi tad-deċiżjonijiet tal-kumitat tal-evalwazzjoni. Minn dan, hija kkonkludiet, li “la [European Dynamics Luxembourg et] lanqas il-Qorti Ġenerali ma huma f’qagħda li jifhmu l-mod li bih l-awtorità kontraenti attribwiet […] il-punti disponibbli taħt l-ewwel kriterju ta’ għoti u tas-sottokriterji differenti tiegħu”. Għaldaqstant, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita stħarriġ fil-mertu tal-evalwazzjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, fil-punt 134 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali enfasizzat dawn l-evalwazzjonijiet li jikkostitwixxu elementi ta’ motivazzjoni essenzjali neċessarji sabiex l-evalwazzjoni tal-offerti tiftiehem tajjeb.
77.
Għalhekk, filwaqt li evalwat separatament kull wieħed mill-kummenti kkontestati fit-talba, il-Qorti Ġenerali kienet ukoll qiegħdithom fil-kuntest globali tal-evalwazzjoni tal-offerta inkwistjoni fir-rigward tal-ewwel kriterju ta’ għoti u minn dan ikkonkludiet li dik l-evalwazzjoni ma kinitx immotivata suffiċjentement.
78.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma spjegatx kif, b’dan ir-raġunament, il-Qorti Ġenerali kienet eżiġiet mingħand l-awtorità kontraenti li hija tipprovdi sunt iddettaljat tal-mod li bih kull dettall ta’ dik l-offerta kien ittieħed inkunsiderazzjoni u analiżi komparattiv iddettaljat tagħha u tal-offerti li ġew ikklassifikati aħjar.
79.
Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet aggravju hija infondata.
2. Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju
80.
Kif jirriżulta mill-64 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li t-tieni parti tat-tielet aggravju hija infondata.
3. Fuq it-tielet parti tat-tielet aggravju
81.
Bit-tielet parti tat-tielet aggravju, l-EUIPO jargumenta, l-ewwel nett, li s-sentenza appellata fiha kontradizzjoni sa fejn, minn naħa, fil-kuntest tal-eżami tat-tielet aggravju tat-talba, fil-punti 112 sa 115 u 121 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatat l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni u lanqas nuqqas ta’ motivazzjoni li jivvizzjaw l-evalwazzjoni tal-offerta ta’ European Dynamics Luxembourg fir-rigward tar-raba kriterju ta’ għoti u, min-naħa l-oħra, fi tmiem l-eżami tal-ewwel aggravju tat-talba, fil-punti 134 u 135 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kinitx f’pożizzjoni li tistħarreġ il-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward ta’ dik l-evalwazzjoni u li dik id-deċiżjoni hija, għalhekk, ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.
82.
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, f’kull każ, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni sa fejn iddeċidiet li ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq tali stħarriġ, filwaqt li fil-punti 112 sa 115 tal-istess sentenza hija wettqet dan l-istħarriġ u minnu kkonkludiet favur l-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l-evalwazzjoni tal-offerta inkwistjoni taħt ir-raba kriterju ta’ għoti.
83.
Il-konvenuti jikkontestaw l-eżistenza ta’ din il-kontradizzjoni.
84.
Fil-fehma tiegħi, sa fejn l-EUIPO jallega, l-ewwel nett, li l-punt 135 tas-sentenza appellata, sa fejn dan jikkonstata żball manifest ta’ evalwazzjoni, jikkontradixxi punti oħra ta’ dik is-sentenza, dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ dik is-sentenza. Fil-punt 135 tagħha, il-Qorti Ġenerali ma nnotatx żball manifest ta’ evalwazzjoni, imma diversi nuqqasijiet ta’ motivazzjoni.
85.
Bil-kuntrarju, fl-opinjoni tiegħi, huwa korrett l-EUIPO meta jargumenta, it-tieni nett, li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni sa fejn hija “fakkret”, fil-punt 134 ta’ dik is-sentenza, li, fil-kuntest tal-eżami tat-tielet aggravju tat-talba, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tistħarreġ il-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-offerta inkwistjoni mill-perspettiva tar-raba kriterju ta’ għoti, meta dik il-konklużjoni imkien ma tirriżulta mill-eżami ta’ dan it-tielet aggravju. Bil-kuntrarju, fil-punti 112 sa 115 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet dan l-istħarriġ, u fi tmiemu ċaħdet l-ilment ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja dik l-evalwazzjoni ( 38 ).
86.
Fl-opinjoni tiegħi, dik il-kontradizzjoni tirriżulta minn sempliċi żball tal-pinna li ma kellu ebda effett fuq ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali u li ma kienx ta’ natura li jikkomprometti serjament il-komprensjoni tas-sentenza appellata u lanqas li jaffettwa d-drittijiet tad-difiża tal-EUIPO. Dan jixhdu l-fatt li, fl-aħħar tal-punt 134 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment biss għall-punti 81 sa 86, 87 sa 89 u 90 sa 95 tagħha – li jirrigwardaw l-eżami tal-ilmenti marbuta mal-ewwel kriterju ta’ għoti –, mingħajr ma ċċitat il-punti ta’ dik is-sentenza li jikkonċernaw it-trattament tal-parti dwar ir-raba kriterju ta’ għoti. Għalhekk, dak l-iżball tal-pinna ma jivvizzjax s-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni li jista’ jiġġustifika l-annullament tagħha fuq dan il-punt ( 39 ).
87.
F’kull każ, sa fejn id-difett ta’ motivazzjoni li jirriżulta minn dik il-kontradizzjoni ma kellux effett fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata ( 40 ), it-tielet parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva ( 41 ).
E. Fuq ir-raba aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn is-sentenza appellata laqgħet it-talba għad-danni
88.
Ir-raba aggravju huwa dirett kontra l-punti 141, 144, 146 u 150 tas-sentenza appellata kif ukoll kontra l-punt 2 tad-dispożittiv tagħha. Dan l-aggravju jista’ jiġi diviż fi tliet partijiet.
1. Fuq l-ewwel parti tar-raba’ aggravju
89.
Permezz tal-ewwel parti tar-raba aggravju, ir-rikorrenti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat li kienu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex titnissel ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.
90.
L-ewwel nett, fir-rigward tal-argumenti mqajma insostenn tal-ewwel sat-tielet aggravji tal-appell, il-konstatazzjoni li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata minn illegalitajiet hija bbażata fuq żbalji ta’ liġi.
91.
It-tieni nett, u sussidjarjament, l-EUIPO jallega li, fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tannullax is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla dik is-sentenza wkoll f’dak li jikkonċerna r-riżarċiment tad-danni mġarrba minn European Dynamics Luxembourg. Fil-fatt, minn naħa, kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 142 ta’ dik is-sentenza, ma teżistix rabta kawżali bejn in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni li hija kkonstatat u dawn id-danni. Min-naħa l-oħra, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-effett tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kkonstatati fil-punti 91 u 102 tal-istess sentenza fuq ir-riżultat finali tal-proċedura ta’ għoti, hija ma mmotivatx suffiċjentement il-konklużjoni, li tidher fil-punt 144 tas-sentenza appellata, li teżisti rabta kawżali bejn dawn l-iżbalji u l-imsemmija danni.
92.
Il-konvenuti jirrispondu li dik is-sentenza stabbilixxiet sal-grad rikjest mil-liġi li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita ir-responsabbiltà tal-Unjoni.
93.
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eżistenza ta’ mġiba illegali fi ħdan l-EUIPO, infakkar li fil-fehma tiegħi, l-ewwel sat-tielet aggravji tal-appell ma jistgħux jannullaw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar, minn naħa, l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l-evalwazzjoni tal-offerta inkwistjoni taħt it-tieni kriterju ta’ għoti (punt 102 ta’ dik is-sentenza), u, min-naħa l-oħra, in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni li jikkonċernaw l-evalwazzjoni ta’ dik l-offerta taħt l-ewwel kriterju ta’ għoti (punti 86, 89, 95 u 135 ta’ dik is-sentenza). Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat imġiba illegali fi ħdan l-awtorità kontraenti.
94.
Fit-tieni lok, dwar il-motivazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kkonstatati mill-Qorti Ġenerali u d-danni mġarrba minn European Dynamics Luxembourg, l-argumenti tal-EUIPO jittrattaw, essenzjalment, il-konsegwenzi li għandhom jiġu nferiti mill-aċċettazzjoni tal-ewwel aggravju. Sejjer neżaminahom fil-punti 107 sa 108 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Nispjega minn issa li fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti huma fondati.
2. Fuq it-tieni parti tar-raba aggravju
95.
Skont it-tieni parti tar-raba aggravju, l-EUIPO jsostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni għaliex tinkludi kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-motivi esposti fil-punti 144, 146 u 150 ta’ dik is-sentenza, u, min-naħa l-oħra, il-punt 2 tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza. Filwaqt li dawn il-motivi jidentifikaw id-danni mġarrba minn European Dynamics Luxembourg bħala t-telf ta’ opportunità li tiġi kklassifikata fl-ewwel jew fit-tieni post fil-mekkaniżmu ta’ kaskata, id-dispożittiv jikkundanna lill-Unjoni għall-ħlas tad-danni subiti minħabba t-telf ta’ opportunità li l-kuntratt-kwadru jiġi attribwit lilha bħala l-ewwel kontraent.
96.
Il-konvenuti jiċħdu l-eżistenza ta’ din il-kontradizzjoni u jsostnu li r-referenza fid-dispożittiv għat-telf ta’ opportunità li tikkonkludi l-kuntratt-kwadru bħala l-ewwel kontraent, tirrifletti l-portata kompleta tat-telf ta’ opportunità subit minn European Dynamics Luxembourg.
97.
Fl-opinjoni tiegħi, kien korrett ir-rikorrenti li jinnota l-eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-punti 144, 146 u 150 tal-motivi tas-sentenza appellata, u, min-naħa l-oħra, il-punt 2 tad-dispożittiv tagħha ( 42 ).
98.
Dan il-punt tad-dispożittiv jirrifletti l-estensjoni tat-talba għad-danni mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Kif jirriżulta mill-punt 137 ta’ dik is-sentenza, din kienet illimitata għall-kumpens, oltre d-dannu morali, tat-telf ta’ opportunità li tikkonkludi l-kuntratt inkwistjoni bħala offerent ikklassifikat fl-ewwel post.
99.
Bil-kuntrarju, il-punti 144, 146 u 150 ta’ dik is-sentenza jagħmlu riferiment bi żball għat-telf ta’ opportunità li tirbaħ il-kuntratt bħala l-ewwel jew it-tieni kontraent skont il-mekkaniżmu ta’ kaskata, meta dak it-telf ta’ opportunità jeċċedi l-parametri tad-danni li għalihom European Dynamics Luxembourg et jitolbu l-kumpens.
100.
Barra minn hekk, dik il-kontradizzjoni dwar id-definizzjoni tad-danni subiti għandha portata prattika billi, fost il-kunsiderazzjonijiet li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-estensjoni tal-kumpens, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali semmiet ir-rata ta’ probabbiltà għall-offerta inkwistjoni li tiġi kklassifikata, fl-assenza tal-illegalitajiet fil-mertu li hija kkonstatat, fl-ewwel jew fit-tieni post skont il-mekkaniżmu ta’ kaskata. Issa, il-probabbiltà li dik l-offerta tiġi kklassifikata fl-ewwel jew fit-tieni post hija ċertament iktar għolja minn dik li hija tiġi kklassifikata fl-ewwel post.
101.
Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba aggravju hija fondata ( 43 ).
3. Fuq it-tielet parti tar-raba’ aggravju
102.
It-tielet parti tar-raba aggravju, mressqa sussidjarjament, hija bbażata fuq żball materjali li jivvizzja l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, sa fejn hija ma tikkundannax lill-EUIPO, imma lill-Unjoni Ewropea għall-ħlas tad-danni mġarrba minn European Dynamics Luxembourg. Ir-rikorrenti tikkunsidra li, taħt l-Artikolu 115 u l-Artikolu 118(3) tar-Regolament Nru 207/2009, din il-kundanna kellha tkun fil-konfront tal-EUIPO.
103.
Skont il-konvenuti, ir-riferiment għall-Unjoni Ewropea ma hijiex żbaljata, għaliex din l-entità hija globalment responsabbli għall-imġiba illegali tal-istituzzjonijiet u l-organi tagħha. F’kull każ, anki kieku dak ir-riferiment kien jikkostitwixxi żball materjali, dan ma għandux iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.
104.
Jidhirli li din il-parti hija infondata. Fil-fatt, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jipprovdi li l-Unjoni Ewropea hija obbligata tikkumpensa d-danni kkaġunati mill-istituzzjonijiet jew l-aġenti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Din ir-responsabbiltà ma hijiex affettwata mill-fatt li l-Artikolu 118(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi wkoll li l-EUIPO huwa obbligat li jikkumpensa d-danni kkaġunati mid-dipartimenti jew l-aġenti tiegħu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tirrifletti l-fatt li l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Unjoni, bħalma huwa l-EUIPO, jirrappreżentaw lilha fil-qasam tal-kompetenzi rispettivi tagħhom ( 44 ). Barra minn hekk, kemm l-EUIPO kif ukoll l-Unjoni Ewropea, billi t-tnejn li huma għandhom personalità ġuridika ( 45 ), jistgħu, għalhekk, jiġu ddikjarati responsabbli għad-danni kkaġunati mill-EUIPO fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, tefgħet l-obbligu tal-kumpens għad-danni fuq l-Unjoni Ewropea.
105.
F’kull każ, anki jekk dan il-punt kien riżultat ta’ żball materjali, dan kien jikkostitwixxi żball tal-pinna li ma jistax jikkomprometti serjament il-komprensjoni tas-sentenza appellata u lanqas jaffettwa d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, b’mod li ma jistax iwassal għall-annullament ta’ dik is-sentenza ( 46 ).
106.
Għaldaqstant it-tielet parti tar-raba aggravju għandha tiġi miċħuda.
F. Fuq l-annullament tas-sentenza appellata u d-deċiżjoni tal-kawża fil-mertu
107.
Fi tmien l-eżami tiegħi tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, jien ikkonkludejt li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta, fil-kuntest tat-trattament tat-talba għall-annullament, iddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-offerta inkwistjoni fir-rigward tal-ewwel kriterju ta’ għoti kienet ivvizzjata minn ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza (punt 53 tas-sentenza appellata) u minn żball manifest ta’ evalwazzjoni (punt 91 ta’ dik is-sentenza) ( 47 ). Fi tmiem l-eżami tiegħi tat-tieni parti tar-raba aggravju, ikkonstatajt li, fil-kuntest tat-trattament tat-talba għad-danni, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni ( 48 ).
108.
Għandu, fl-ewwel lok, jiġi vverifikat jekk dawn l-irregolaritajiet iwasslux għall-annullament ta’ dik is-sentenza sa fejn annullat id-deċiżjoni kontenzjuża u/jew fejn laqgħet it-talba għad-danni. F’każ affermattiv, fit-tieni lok, ser tqum il-kwistjoni dwar jekk l-kawża hijiex fi stat li tista’ tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja jew jekk għandhiex tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali.
1. Is-sentenza appellata għandha tiġi annullata biss sa fejn hija kkundannat lill-Unjoni għall-ħlas tad-danni
109.
Fil-fehma tiegħi, l-iżbalji ta’ liġi li jivvizzjaw il-punti 53 u 91 tas-sentenza appellata ma jwasslux għall-annullament ta’ dik is-sentenza sa fejn din annullat id-deċiżjoni kontenzjuża (punt 1 tad-dispożittiv).
110.
Dan huwa hekk peress li jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jiksru d-dritt tal-Unjoni, imma d-dispożittiv tagħha jidher fondat minħabba motivi oħra adottati mill-Qorti Ġenerali, dak il-ksur ma jistax iwassal għall-annullament ta’ dik is-sentenza, b’mod li l-aggravju li jinvokah għandu jkun ineffettiv ( 49 ).
111.
F’dan il-każ, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġġustifikat l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża abbażi tat-totalità tal-irregolaritajiet li hija kkonstatat, li kienu jivvizzjaw l-evalwazzjoni tal-offerta inkwistjoni mill-perspettiva tal-ewwel u tat-tieni kriterji ta’ għoti. Issa, l-irregolaritajiet l-oħra barra dawk ikkonstatati fil-punti 53 u 91 ta’ dik is-sentenza, sa fejn dawn jikkonċernaw l-evalwazzjoni ta’ dik l-offerta fir-rigward kemm tal-ewwel (punti 86, 89, 95 u 135 tas-sentenza appellata) kif ukoll tat-tieni (punt 102 ta’ dik is-sentenza) kriterju ta’ għoti, huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.
112.
Għaldaqstant, il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata jibqa’ fondat minkejja l-iżbalji ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali.
113.
Bil-kuntrarju, jien inqis li din is-sentenza għandha tiġi annullata sa fejn tordna l-kumpens għad-danni mġarrba minn European Dynamics Luxembourg minħabba telf ta’ opportunità li takkwista l-kuntratt bħala offerent ikklassifikat fl-ewwel post fil-mekkaniżmu ta’ kaskata (punt 2 tad-dispożittiv). Konsegwentement, il-punti 4 u 5 tad-dispożittiv, li jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens, ser jispiċċaw mingħajr oġġett u ser ikollhom jiġu annullati wkoll.
114.
Dan huwa hekk, fl-ewwel lok, għar-raġuni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni sa fejn dik is-sentenza tinkludi kontradizzjoni bejn il-motivi u d-dispożittiv rigward id-definizzjoni tad-dannu li jista’ jiġi kkumpensat ( 50 ).
115.
Fit-tieni lok u f’kull każ, il-konklużjoni li l-punti 53 u 91 tas-sentenza appellata huma vvizzjati minn żbalji ta’ liġi għandha bħala effett, kif sostna ir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba aggravju ( 51 ), li tneħħi kull bażi lill-konstatazzjoni, li tidher fil-punt 144 ta’ dik is-sentenza, ta’ rabta kawżali bejn l-imġiba illegali imputata lill-EUIPO u t-telf ta’ opportunità invokata minn European Dynamics Luxembourg et.
116.
Infakkar, f’dan ir-rigward, li, fil-punt 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma tista’ tiġi stabbilita l-ebda rabta kawżali bejn in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni (ikkonstatati fil-punti 86, 89, 95 u 135 ta’ dik is-sentenza) u dak it-telf ta’ opportunità. Dik il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata fil-kuntest tal-appell. Bil-kuntrarju, fil-punt 144 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li teżisti din ir-rabta kawżali bejn l-illegalitajiet fil-mertu (ikkonstatati fil-punti 53, 91 u 102 tal-istess sentenza) u dan id-dannu. Madankollu, il-punti 53 u 91 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali nnotat illegalitajiet fil-mertu li jivvizzjaw l-evalwazzjoni tal-offerta inkwistjoni taħt l-ewwel kriterju ta’ għoti, huma, fil-fehma tiegħi, ivvizzjati minn żball ta’ liġi.
117.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tnissil tar-responsabbiltà tal-Unjoni jippresupponi l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-unika illegalità fil-mertu li tivvizzja l-evalwazzjoni ta’ dik l-offerta fir-rigward tat-tieni kriterju ta’ għoti (ikkonstata fil-punt 102 ta’ dik is-sentenza) u t-telf ta’ opportunità li tiġi kklassifikata fl-ewwel post fil-mekkaniżmu ta’ kaskata.
118.
Imma s-sentenza appellata imkien ma timmotiva l-eżistenza ta’ rabta kawżali bħal din.
119.
Fil-fatt, fil-punt 144 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex tikkonstata, l-ewwel nett, li l-offerta inkwistjoni akkwistat biss 22.81 minn total ta’ 40 punt fi tmiem l-evalwazzjoni komparattiva taħt l-ewwel kriterju ta’ għoti. Dik il-kunsiderazzjoni hija intiża biss sabiex tistabbilixxi rabta kawżali bejn l-illegalitajiet fil-mertu dwar l-evalwazzjoni ta’ dik l-offerta fir-rigward tal-ewwel kriterju ta’ għoti u t-telf ta’ opportunità invokata.
120.
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali qieset li “s-sempliċi fatt li [European Dynamics Luxembourg] ġiet ikklassifikata fit-tielet post fil-mekkaniżmu ta’ kaskata u li b’hekk ġiet aċċettata bħala kontraenti possibbli, ma tirrendix wisq [tirrendi ftit] kredibbli l-ipotesi li l-awtorità kontraenti setgħet titwassal sabiex ma tatihiex il-kuntratt inkwistjoni”. Fl-opinjoni tiegħi, dik il-kunsiderazzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex tippermetti lill-EUIPO li jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-illegalità fil-mertu li tivvizzja l-evalwazzjoni ta’ dik l-offerta fir-rigward tat-tieni kriterju ta’ għoti wasslet għal dak it-telf ta’ opportunità u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-kontroll tagħha fuq dan il-punt, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 52 ).
121.
Id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dik l-illegalità fil-mertu u t-telf ta’ opportunità subit minn European Dynamics Luxembourg, li jirrikjedi evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali, għandu għalhekk jitwettaq fil-kuntest ta’ eżami fil-mertu.
2. It-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda fi tmiem eżami fil-mertu
122.
Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha elementi suffiċjenti sabiex tiddeċiedi l-kawża fil-mertu, bl-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut, sabiex twettaq hija stess dan l-eżami.
123.
Fil-fatt, jista’ jiġi konkluż miċ-ċifri esposti fil-punti 12 u 20 tas-sentenza appellata li, anki kieku l-offerta ta’ European Dynamics Luxembourg kisbet il-punti kollha disponibbli (30) taħt it-tieni kriterju ta’ għoti, bl-affarijiet l-oħra jibqgħu l-istess, hija ma kinitx tiġi kklassifikata aħjar mill-offerti li jinsabu fl-ewwel u t-tieni post fil-mekkaniżmu ta’ kaskata skont id-deċiżjoni kontenzjuża.
124.
Nispeċifika, f’dan ir-rigward, li kieku dik l-offerta rċeviet it-30 punt disponibbli taħt dan il-kriterju, hija kienet tirċievi “Total punti (100)” (miktub fil-linja ta’ qabel tal-aħħar tat-tabella li tidher fil-punt 12 tas-sentenza appellata) ekwivalenti għal 72.81. Billi l-koeffiċjent applikat għat-“Total punti (100)” sabiex jiġi ottenut it-“Total punti tekniċi” (miktub fl-aħħar linja ta’ din it-tabella) tal-offerti aċċettati kien ta’ 1.09736, dik l-offerta kienet takkwista “Total punti tekniċi” ta’ 79.90.
125.
Barra minn hekk, l-offerta inkwistjoni akkwistat 83.69 punti finanzjarji (kif tindika l-aħħar kolonna tat-tabella li tidher fil-punt 20 ta’ dik is-sentenza). Hekk kif jirriżulta mill-punt 150 ta’ dik is-sentenza, it-total tal-punti tekniċi u t-total tal-punti finanzjarji jgħoddu għal 50 % kull wieħed fl-evalwazzjoni tal-offerti.
126.
Għaldaqstant, kieku dik l-offerta irċeviet 30 punti taħt it-tieni kriterju ta’ għoti, bl-affarijiet l-oħra jibqgħu l-istess, hija kienet tirċievi punteġġ finali ta’ 81.79/100. Dan il-punteġġ huwa inferjuri għall-punteġġi finali mogħtija lill-offerti kklassifikati fl-ewwel u t-tieni post, li kienu jitilgħu, rispettivament, għal 87.99/100 u 83.40/100.
127.
Konsegwentement, ma teżistix rabta kawżali bejn l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni kkonstatat fil-punt 102 ta’ dik is-sentenza u t-telf ta’ opportunità li l-offerta ta’ European Dynamics Luxembourg tiġi kklassifikata fl-ewwel post.
128.
Fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-kondizzjonijiet li għandhom jippreċedu t-tnissil tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ( 53 ), jiena nikkonkludi li t-talba għad-danni mressqa minn European Dynamics Luxembourg et għandha tiġi miċħuda ( 54 ).
G. Fuq l-ispejjeż
129.
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
130.
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawk ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. F’dan il-każ ir-rikorrenti talab li l-konvenuti jiġu kkundannati jħallsu l-ispejjeż u dawn talbu li r-rikorrenti jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż.
131.
L-Artikolu 138(3) tal-istess regoli jispeċifika li, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.
132.
F’dan il-każ, kull waħda mill-partijiet tilfet parzjalment fl-appell u fir-rikors tal-ewwel istanza. Madankollu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-EUIPO għandu jbati, barra l-ispejjeż tiegħu stess, żewġ terzi mill-ispejjeż ta’ European Dynamics Luxembourg et fiż-żewġ istanzi. Dawn tal-aħħar għandhom ibatu terz mill-ispejjeż tagħhom relatati maż-żewġ istanzi. Dan it-tqassim jidhirli ġust għaliex, skont il-proposta tiegħi, European Dynamics Luxembourg et irnexxew fit-talba tagħhom għall-annullament kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.
VI. Konklużjoni
133.
Għar-raġunijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
–
tannulla l-punti 2, 4 u 5 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Ottubru 2015, European Dynamics Luxembourg et vs UASI (T-299/11, EU:T:2015:757);
–
tiċħad it-talba għad-danni mressqa minn European Dynamics Luxembourg SA, Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE u European Dynamics Belgium SA;
–
tiċħad il-kumplament tal-appell, u
–
tikkundanna lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal żewġ terzi mill-ispejjeż ta’ dawn il-kumpanniji u li tikkundanna lil dawn tal-aħħar għal terz mill-ispejjeż tagħhom.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Qabel imsejjaħ Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), l-EUIPO iġorr dan l-isem b’effett mit-23 ta’ Marzu 2016, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (ĠU 2015 L 341, p. 21), li l-Artikolu 1(7) tiegħu pprovda għal din il-bidla fl-isem.
( 3 ) T-299/11, EU:T:2015:757.
( 4 ) Regolament tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) tal-Kunsill Nru 1995/2006, tat-13 ta’ Diċembru 2006, (ĠU 2006, L 390, p. 1). Dan ir-regolament kien ġie mħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1). Madankollu, il-fatti li wasslu għal din il-proċedura jibqgħu rregolati bir-Regolament Nru 1605/2002.
( 5 ) Regolament tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007, tat-23 ta’ April 2007 (ĠU L 56M, 29.2.2008, p. 337).
( 6 ) Regolament tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21).
( 7 ) Ara l-punti 38 sa 43 u 47 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 8 ) Ara l-punti 64 sa 71 u 75 sa 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 9 ) Ara l-punti 109 sa 121 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 10 ) Ara l-punti 97 sa 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 11 ) Ara l-punti 122 sa 128 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 12 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005 (C‑331/04, EU:C:2005:718, punt 32).
( 13 ) Sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et (C‑532/06, EU:C:2008:40, punt 43) u tal-21 ta’ Lulju 2011, Evropaïki Dynamiki vs EMSA (C‑252/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:512, punt 33).
( 14 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni (C‑176/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:730, punt 17).
( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u l-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) F’kull każ, din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq evalwazzjonijiet fattwali, esposti fil-punti 49 sa 52 ta’ dik is-sentenza, li, b’riżerva għal żnaturament tal-elementi tal-fajl (li ma ġiex invokat), ma jaqgħux fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell [ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Franza u Orange (C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata)].
( 17 ) Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2008 (C‑532/06, EU:C:2008:40). Skont il-punt 38 ta’ dik is-sentenza, “awtorità kontraenti ma tistax tapplika regoli ta’ tweżin jew sottokriterji għall-kriterji għall-għoti ta’ kuntratti li ma jkunux ġew mgħarrfa lill-offerenti preċedentement”.
( 18 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005 (C‑331/04, EU:C:2005:718, punt 32).
( 19 ) Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2008 (C‑532/06, EU:C:2008:40, punt 43).
( 20 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (C‑252/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:512, punt 33).
( 21 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016 (C‑6/15, EU:C:2016:555, punt 26).
( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Evropaïki Dynamiki vs EMSA (T‑70/05, EU:T:2010:55, punt 155), ikkonfermata bis-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Evropaïki Dynamiki vs EMSA (C‑252/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:512, punt 34).
( 23 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005 (C‑331/04, EU:C:2005:718, punt 32).
( 24 ) Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 25 ) Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tfakkar din il-konstatazzjoni fil-punti 95 u 96 tas-sentenza appellata.
( 26 ) B’mod partikolari, bit-tieni aggravju tagħha, ir-rikorrenti ma jikkritikax il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 91 u 102 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni litiġjuża hija vvizzjati minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, imma biss il-konsegwenzi li l-Qorti Ġenerali ġibdet minn dik il-konstatazzjoni (ara l-punti 57 u 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 27 ) Sentenza tal-11 ta’ April 2013, Mindo vs Il-Kummissjoni (C‑652/11 P, EU:C:2013:229, punti 30 u 31). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Scott (C‑290/07 P, EU:C:2010:78, punti 36 sa 45).
( 28 ) Ara l-punti 75 sa 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 29 ) Ara l-punti 107 sa 121 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 30 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005 (C‑331/04, EU:C:2005:718, punt 32).
( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑202/07 P, EU:C:2009:214, punt 29 u ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet tad-29 ta’ Novembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (C‑235/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:791, punt 30).
( 32 ) Sentenza tal-10 ta’ April 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (T‑340/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:208, punti 115 u 116).
( 33 ) Sentenza tas-26 ta’ Settembru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (T‑498/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:831, punti 196 u 197).
( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (T‑74/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:55, punti 69 u 81). Barra minn hekk, fis-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (T‑340/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:208, punt 115), il-Qorti Ġenerali tirreferi, b’analoġija, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kunċett ta’ aggravju ineffettiv fil-kuntest ta’ appell [sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1 (C‑302/99 P u C‑308/99 P, EU:C:2001:408, punti 26 sa 29)].
( 35 ) Sentenzi tal-10 ta’ April 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (T‑340/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:208, punt 116); tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (T‑387/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:377, punt 60), u tat-12 ta’ Lulju 2012, Evropaïki Dynamiki vs Frontex (T‑476/07, mhux ippubblikata, EU:T:2012:366, punt 72).
( 36 ) Ir-rikorrenti jiċċita s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (C‑629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617, punt 21).
( 37 ) Dan jirrigwarda l-kumment li amministratur prinċipali ta’ proġett u amministratur ta’ proġett ma kinux neċessarji għal kull proġett imsemmi fl-offerta inkwistjoni (punt 81 tas-sentenza appellata), l-kumment li “[dik] l-offerta [kollha] hija iktar operazzjonali milli strateġika u tiffoka fuq tip ta’ amministratur differenti minn dak intiż mill-[UUEPI]” (punt 87 ta’ dik is-sentenza), kif ukoll ir-risposta tal-UUEPI, fl-ittra tiegħu tat-2 ta’ Mejju 2011, dwar in-notazzjoni tiegħu u l-evalwazzjoni komparattiva tiegħu ta’ dik l-offerta pparagonata mal-offerti tal-offerenti l-oħra taħt l-ewwel kriterju ta’ attribuzzjoni (punt 90 ta’ dik is-sentenza).
( 38 ) Jien insostni li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi invokata fil-kuntestt ta’ appell [ara, b’mod partikolari, id-digriet tad-29 ta’ Novembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (C‑235/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:791, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata)].
( 39 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet tas-26 ta’ Jannar 2007, Righini vs Il-Kummissjoni (C‑57/06 P, EU:C:2007:65, punt 56).
( 40 ) Fil-fatt, fejn ikkonkludiet favur l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-sentenza appellata hija bbażata fuq it-totalità tal-irregolaritajiet li jivvizzjaw l-evalwazzjoni tal-offerta inkwistjoni (ara l-punti 111 u 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Id-difett ta’ motivazzjoni relattiv fil-punt 134 ta’ dik is-sentenza ma jaffettwax dik il-konklużjoni. Dan il-vizzju lanqas ma għandu jqiegħed indiskussjoni l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar it-talba għad-danni: minn naħa, il-konstatazzjoni ta’ mġiba illegali fi ħdan l-UUEPI hija bbażata fuq dik it-totalità ta’ irregolaritajiet; min-naħa l-oħra, ir-rabta ta’ kawżalità ġiet ikkonstata biss bejn id-dannu subit u l-illegalitajiet fil-mertu (u mhux in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni) li jivvizzjaw id-deċiżjoni kontenzjuża (ara l-punt 116 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivere et vs Il-Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 65 u 137).
( 42 ) Infakkar li n-natura kontradittorja tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tammonta għal kwistjoni ta’ dritt li tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 43 ) M’hemmx lok li tiġi kkunsidrata eventwali sostituzzjoni tal-motivi fuq dan il-punt, għaliex, għar-raġunijiet li sejjer nesponi fil-punti 113 sa 120 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-sentenza appellata għandha f’kull każ tiġi annullata fejn hija tikkundanna lill-Unjoni Ewropea li tikkumpensa d-danni subiti minn European Dynamics Luxembourg.
( 44 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 335 TFUE.
( 45 ) L-Artikolu 47 TUE u Artikolu 115(1) tar-Regolament Nru 207/2009.
( 46 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Presidenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2003, Marcuccio vs Il-Kummissjoni [C‑399/02 P(R), EU:C:2003:90, punt 17] kif ukoll id-digriet tat-8 ta’ Settembru 2016, Real Express vs UUEPI (C‑309/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:671, punt 81).
( 47 ) Ara l-punti 38 sa 43 u 47 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 48 ) Ara punt 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 49 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Alcon vsUASI (C‑412/05 P, EU:C:2007:252, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 50 ) Ara l-punti 97 sa 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 51 ) Ara l-punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 52 ) Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 53 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Nikolaou vs Il-Qorti tal-Awdituri (C‑220/13 P, EU:C:2014:2057, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 54 ) Bħala riżultat il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tgħaddi mingħajr ma teżamina t-tieni u t-tielet partijiet tar-raba’ aggravju, li jien xorta waħda wettaqt sabiex inkun eżawrjenti.
Full & Egal Universal Law Academy