KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2017 ( 1 )
Kawża C-687/15
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Rikors għal annullament – Azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 218(9) TFUE – Stabbiliment tal-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim internazzjonali – Kompetenza esterna tal-Unjoni Ewropea – Forma ġuridika inadegwata tal-att li jistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni – Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni 2015 tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni”
I. Introduzzjoni
1.
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, adottati fis-26 ta’ Ottubru 2015, dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni 2015 (WRC‑15) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), minħabba li l-Kunsill kiser l-Artikolu 218(9) TFUE bl-istabbiliment tal-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni, skont l-imsemmija dispożizzjoni, fil-forma ta’ konklużjonijiet minflok deċiżjoni, bħalma kien ġie propost mill-Kummissjoni.
2.
F’dawn il-konklużjonijiet, jien se nispjega r-raġunijiet għaliex inqis li hemm lok li tintlaqa’ t-talba tal-Kummissjoni u li jiġu annullati l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2015.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt internazzjonali
3.
L-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ITU”) hija istituzzjoni speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti, responsabbli mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Huwa fil-kuntest tal-ITU li l-ispettru tar-radju u l-orbiti tas-satelliti huma attribwiti lill-iskala dinjija u li l-istandards tekniċi huma żviluppati sabiex tiġi żgurata l-interkonnessjoni tan-netwerks u tat-teknoloġiji ( 2 ).
4.
Skont il-Kostituzzjoni tagħha, l-ITU hija magħmula minn Stati Membri tal-ITU u membri minn setturi tal-ITU. Bħalissa, 193 Stat huma membri tal-ITU, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni. L-ITU għandha wkoll madwar 800 membru mis-setturi, prinċipalment entitajiet mis-settur privat jew minn stabbilimenti universitarji. L-Unjoni Ewropea hija membru ta’ settur tal-ITU. Mill-Artikolu 3(2) u (3) tal-Kostituzzjoni tal-ITU jirriżulta li, b’differenza mill-Istati Membri tal-ITU, il-membri tas-setturi tal-ITU b’mod partikolari ma għandhomx dritt għal vot fil-konferenzi dinjija tal-ITU ( 3 ).
5.
L-Artikolu 4 tal-Kostituzzjoni tal-ITU, intitolat “Strumenti tal-Unjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprevedi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:
“1. L-istrumenti tal-Unjoni huma:
–
din il-Kostituzzjoni tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni,
–
il-Ftehim tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni, u
–
ir-regolamenti amministrattivi.
[…]
3. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-kostituzzjoni u tal-Ftehim huma kkompletati ulterjorment b’dawk tar-regolamenti amministrattivi elenkati iktar ’il quddiem, li jirregolaw l-użu tat-telekomunikazzjoni u jorbtu lill-Istati Membri kollha:
[…]
—
ir-Regolament tar-Radju” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
6.
L-Artikolu 13 tal-Kostituzzjoni tal-ITU, intitolat “Konferenzi tar-Radjukomunikazzjoni u Assembleji tar-Radjukomunikazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jippreskrivi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:
“1. Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tista’ tgħaddi għal reviżjoni parzjali jew, b’mod eċċezzjonali, totali tar-Regolament tar-Radju u tittratta kwalunkwe kwistjoni oħra ta’ natura dinjija li taqa’ fil-kompetenza tagħha u li hija relatata mal-aġenda tagħha. Il-funzjonijiet l-oħra ta’ din il-konferenza huma ddikjarati fil-Ftehim.
2. Il-Konferenzi Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni normalment jissejħu kull tliet jew erba’ snin; madankollu, konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim, tali konferenza tista’ ma tissejjaħx, jew tista’ tissejjaħ konferenza addizzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
B. Id-dritt tal-Unjoni
7.
L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE ( 4 ), intitolat “Negozjati internazzjonali”, jippreskrivi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“1. F’negozjati internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet tal-ispettru, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:
(a)
jekk is-suġġett tan-negozjati internazzjonali jaqa’ fil-kompetenza tal-Unjoni, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita konformement mal-liġi tal-Unjoni;
(b)
jekk is-suġġett tan-negozjati internazzjonali jaqa’ parzjalment fil-kompetenza tal-Unjoni u parzjalment fil-kompetenza tal-Istati Membri, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovaw jistabbilixxu pożizzjoni komuni konformement mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera.
Għall-fini tal-applikazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw konformement mal-prinċipju ta’ unità fir-rappreżentazzjoni internazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.”
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża
8.
Il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni 2015 (iktar ’il quddiem id-“WRC‑15”) ġiet organizzata f’Genève mit-2 sas-27 ta’ Novembru 2015, bl-għan li jiġu riveduti r-Regolamenti tar-Radju ( 5 ).
9.
Aġenda preliminari tad-WRC‑15 kienet ġiet stabbilita fil-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni preċedenti, dik tas-sena 2012 (iktar ’il quddiem id-“WRC‑12”) ( 6 ), li b’segwitu għaliha l-Kunsill tal-ITU kien adotta l-aġenda definittiva tad-WRC‑15 ( 7 ).
10.
Fid-29 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, matul id-WRC‑15 ( 8 ). Il-proposta tal-Kummissjoni kienet tindika bħala bażi ġuridika l-Artikolu 114 TFUE b’rabta mal-Artikolu 218(9) TFUE.
11.
L-Artikolu 1 tal-proposta tal-Kummissjoni jipprevedi:
“L-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, għandhom jieħdu sehem fin-negozjati fil-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni 2015 tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni bil-ħsieb li jiġu riveduti r-Regolamenti tar-Radju.
Il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’negozjati u matul l-adozzjoni ta’ reviżjonijiet għar-Regolamenti [tar-]Radju huma stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Meta proposti ġodda dwar is-suġġett fl-Anness huma magħmula waqt il-konferenza li għad m’hemmx pożizzjoni tal-Unjoni dwarhom, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita permezz ta’ koordinazzjoni fuq il-post qabel il-Konferenza tissejjaħ biex tadotta reviżjonijiet għar-Regolamenti tar-Radju. F’każijiet bħal dawn, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun konsistenti mal-prinċipji stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.”
12.
Matul it-3419‑il laqgħa tiegħu, li ġiet organizzata fis-26 ta’ Ottubru 2015 fil-Lussemburgu, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin dwar id-WRC‑15 (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”) ( 9 ):
“IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
1.
WAQT LI JFAKKAR
a)
fid-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea;
b)
fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 8a(4) tagħha;
c)
fid-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju;
d)
fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-pożizzjonijiet Ewropej għall-Konferenzi Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tal-1992, l-1997, l-2000, l-2003, l-2007 u l-2012;
e)
fl-importanza tat-teknoloġiji wireless (bla fili) li jużaw l-ispettru biex jinkisbu l-objettivi tal-[Unjoni] taħt l-inizjattiva ewlenija tal-Istrateġija UE2020 ‘Aġenda Diġitali għall-Ewropa’ biex jitwassal internet bil-broadband veloċi u jinkisbu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli minn suq uniku diġitali;
f)
fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2010 dwar l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa;
2.
WAQT LI JINNOTA
•
l-Opinjoni tal-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG) ta’ Frar 2015 dwar ‘Objettivi ta’ Politika Komuni għad-WRC‑15’;
3.
JESPRIMI L-APPOĠĠ ĠENERALI TIEGĦU GĦALL-objettivi li ġejjin li għandhom jintlaħqu fid-WRC‑15 fid-dawl tal-implimentazzjoni b’suċċess tal-politiki rilevanti tal-Unjoni:
a)
Taħt il-punt 1.1 tal-aġenda:
i.
Biex tiġi identifikata l-medda ta’ frekwenza 1452-1492 MHz, u l-meded biswitha 1427-1452 MHz u 1492-1518 MHz għat-Telekomunikazzjoni Ċellulari Internazzjonali (IMT), filwaqt li jiġu protetti s-servizzi passivi ’l isfel minn 1427 MHz. Din l-identifikazzjoni ma tipprekludix l-użu ta’ dawn il-meded ta’ frekwenza minn xi applikazzjonijiet, inklużi tad-difiża, tas-servizzi li huma allokati għalihom, u lanqas ma tistabbilixxi prijorità fir-Regolamenti tar-Radju;
ii.
Biex tiġi allokata l-medda ta’ frekwenza 3400-3800 MHz fuq bażi koprimarja għas-servizz ċellulari u tiġi identifikata għall-IMT, b’kunsiderazzjoni li l-medda ta’ frekwenza għandha rwol importanti għall-komunikazzjoni satellitari;
iii.
Biex ma tkun appoġġata l-ebda bidla fl-allokazzjonijiet fil-medda ta’ frekwenza 470-694 MHz fl-Ewropa;
iv.
Biex la tiżdied l-allokazzjoni koprimarja lis-servizz ċellulari tal-meded ta’ frekwenza 5350-5470 MHz u 5725-5850 MHz u lanqas ma jiġu identifikati dawk il-meded kif ukoll il-medda 5850-5925 MHz għall-IMT, filwaqt li dawn it-tliet meded jiġu studjati iktar fil-fond bil-ħsieb li jitqies l-użu tagħhom għan-netwerks taż-żona lokali bir-radju u jiġi żgurat li l-użu primarju jiġi mħares f’kull każ.
b)
Taħt il-punt 1.2 tal-aġenda:
i.
Biex it-tarf il-baxx tal-medda jiġi ssettjat għal 694 MHz u jiġu appoġġati r-rakkomandazzjonijiet ITU‑R għal-livelli ta’ ħarsien għas-servizz tax-xandir taħt il-694 MHz skont ir-riżultati tal-istudji mwettqa mill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni;
ii.
Biex tiġi żgurata koeżistenza bbilanċjata bejn il-broadband bla fili u x-xandir, u ma jiżdidux restrizzjonijiet addizzjonali li jmorru lil hinn mill-ftehim GE‑0612 għall-ħarsien tax-xandir fil-medda ta’ frekwenza 694-790 MHz;
iii.
Biex jiġi żgurat aċċess ibbilanċjat bejn is-servizzi ċellulari u s-servizzi tar-radjunavigazzjoni ajrunawtika (ARNS) fil-fruntieri tal-Istati Membri tal-Lvant, sabiex ikun iffaċilitat l-użu tas-servizzi ċellulari fil-pajjiżi kollha tal-[Unjoni] permezz ta’ dispożizzjonijiet regolatorji xierqa tar-regolamenti tar-radju, filwaqt li tingħata preferenza lill-iżgħar distanzi ta’ separazzjoni effettivi bejn ARNS u IMT u li jiġu appoġġati d-drittijiet tal-Istati Membri tal-Lvant tal-UE f’dan ir-rigward;
c)
Taħt il-punt 1.18 tal-aġenda, biex il-medda 77.5-78 GHz tiġi allokata għas-servizz tar-radjulokazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ radars tal-vetturi mingħajr l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet eċċessivi, u biex ikun rikonoxxut li l-istazzjonijiet tar-radjuastronomija għandhom ikomplu jgawdu minn protezzjoni;
d)
Taħt il-punt 10 tal-aġenda, biex jiġi appoġġat punt fl-aġenda għall-WRC‑19 li jindirizza l-ħtiġijiet tal-ispettru għas-sistemi ċellulari 5G, b’enfasi ’l fuq minn 6 GHz għal allokazzjonijiet ġodda u approċċ komuni biex jitnedew studji ta’ kompatibbiltà relatati, qabel id-WRC‑19;
4.
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:
•
Isegwu l-objettivi stipulati fil-paragrafu 3 u jirrispettaw il-prinċipji stipulati fid-Deċiżjoni 243/2012/UE li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju meta jinnegozjaw kwalunkwe emenda rilevanti għar-Regolamenti tar-Radju tal-ITU fid-WRC‑15.
5.
JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:
•
Tibgħat rapport minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tad-WRC‑15 u dwar il-mezzi li jiżguraw li t-tħejjijiet Ewropej għall-konferenza li jmiss fl-2019 (WRC‑19) jappoġġaw bis-sħiħ il-politiki u l-prinċipji tal-Unjoni.”
13.
Mal-adozzjoni tal-att ikkontestat, il-Kummissjoni għamlet id-dikjarazzjoni li ġejja, irreġistrata fil-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill:
“Il-Kummissjoni tinnota b’dispjaċir li l-Kunsill adotta konklużjonijiet bi tħejjija għall-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni 2015, minflok deċiżjoni, kif previst fl-Artikolu 218(9) […] TFUE. Fil-fehma tal-Kummissjoni, din il-pożizzjoni tmur kontra t-Trattat u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni tirriżerva d-drittijiet kollha tagħha f’dan ir-rigward.”
IV. It-talbiet tal-partijiet
14.
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
–
tannulla l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni 2015 (WRC‑15) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), adottati fis-26 ta’ Ottubru 2015 fit-3419‑il laqgħa tiegħu fil-Lussemburgu;
–
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
15.
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
–
tiċħad ir-rikors fit-totalità tiegħu;
–
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
16.
Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ingħataw permess jintervjenu insostenn tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill.
V. Fuq ir-rikors
A. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
17.
B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li, fir-risposta tiegħu, il-Kunsill qajjem dubju dwar l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għal annullament, billi argumenta li kien jidher li mill-affermazzjonijiet li jinsabu fir-rikors tal-Kummissjoni jirriżulta li hija kienet tqis li l-att ikkontestat ma kienx maħsub biex jipproduċi effetti legali, pożizzjoni li tkun inkompatibbli, skont il-Kunsill, mal-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra l-imsemmi att skont l-Artikolu 263 TFUE.
18.
Madankollu, wara l-kjarifiki magħmula mill-Kummissjoni fir-replika tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-effetti legali tal-att ikkontestat, il-Kunsill indika, fil-kontroreplika tiegħu, li l-imsemmija kjarifiki kienu ċċaraw id-dubji li huwa kien esprima fil-bidu fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors.
19.
L-iskambju ta’ osservazzjonijiet bejn il-partijiet fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors iwassal għar-rimarki li ġejjin.
20.
Skont l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-legalità ta’ atti tal-istituzzjonijiet “maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi”. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi jipproduċi effetti legali vinkolanti ( 10 ).
21.
Ma hemm l-ebda dubju li deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni, konformement mal-Artikolu 218(9) TFUE, tikkostitwixxi att maħsub biex jipproduċi effetti legali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE ( 11 ). Tali deċiżjoni għalhekk tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar.
22.
F’dan il-każ, il-partijiet jaqblu dwar il-fatti, minn naħa, li l-att ikkontestat, għalkemm dan kien ġie adottat fil-forma ta’ “konklużjonijiet”, ġie adottat mill-Kunsill konformement, b’mod partikolari, mal-Artikolu 218(9) TFUE ( 12 ) u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi att huwa intiż li jipproduċi effetti legali, sa fejn dan huwa intiż li jistabbilixxi, skont din id-dispożizzjoni, il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni fil-kuntest tad-WRC‑15. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jinnota li l-att ikkontestat jikkostitwixxi “essenzjalment” deċiżjoni tal-Kunsill ( 13 ). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed mill-Istati Membri li intervjenew insostenn tal-konklużjonijiet tal-Kunsill ma jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.
23.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-att ikkontestat huwa maħsub biex jipproduċi effetti legali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE u li l-klassifikazzjoni ġuridika ta’ “konklużjonijiet” tista’ timplika biss li dan l-att jevita l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-imsemmija dispożizzjoni. Iktar minn hekk, inżid li, fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà qieset rikors kontra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, li kienu intiżi li jipproduċu effetti legali, bħala ammissibbli ( 14 ).
24.
Nikkonkludi, għalhekk, li r-rikors għall-annullament tal-att ikkontestat huwa ammissibbli u li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti, skont l-Artikolu 263 TFUE, sabiex teżamina l-legalità tal-imsemmi att.
25.
Għall-finijiet ta’ ċarezza, nixtieq nenfasizza li din il-konklużjoni bl-ebda mod ma timplika li l-atti tal-Kunsill adottati fil-forma ta’ “konklużjonijiet” jistgħu, bħala regola ġenerali, ikunu suġġetti għal rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.
B. Fuq il-mertu
1. Fuq is-suġġett tar-rikors
26.
Insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, il-Kummissjoni tqajjem motiv uniku li skontu, bl-adozzjoni tal-konklużjonijiet dwar id-WRC‑15 tal-ITU, minflok deċiżjoni kif ippropost mill-Kummissjoni, il-Kunsill kiser l-Artikolu 218(9) TFUE.
27.
Għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li l-Kummissjoni u l-Kunsill jaqblu sa fejn iqisu li, minn naħa, il-punti tal-aġenda tad-WRC‑15 li dwarhom l-att ikkontestat stabbilixxa l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni, jaqgħu taħt il-kompetenza esterna tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 114 TFUE kien jikkostitwixxi l-bażi materjali applikabbli u l-Artikolu 218(9) TFUE l-bażi proċedurali applikabbli għall-adozzjoni tal-imsemmi att. Dawn il-partijiet iqisu, barra minn hekk, li n-natura tal-kompetenza tal-Unjoni, jiġifieri li din tkun esklużiva jew kondiviża mal-Istati Membri, ma għandha l-ebda effett fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 218(9) TFUE. L-imsemmija partijiet madankollu ma jaqblux dwar jekk, bl-adozzjoni tal-att ikkontestat, il-Kunsill osservax ir-rekwiżiti proċedurali previsti f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar u, jekk le, x’se jkunu l-konsegwenzi dwar il-validità tal-imsemmi att.
28.
Min-naħa l-oħra, ċerti Stati Membri li intervjenew insostenn tal-konklużjonijiet tal-Kunsill jikkontestaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 218(9) TFUE, f’dan il-każ, billi jargumentaw, b’mod partikolari, li l-Unjoni ma kellhiex il-kompetenza esterna meħtieġa sabiex il-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni, konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, dwar il-punti tal-aġenda tad-WRC‑15 previsti mill-att ikkontestat.
29.
Għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, it-talbiet fir-rikors għal intervent jista’ jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 129(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li skont l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, parti li hija ammessa bħala intervenjenti f’kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tbiddel is-suġġett tal-kawża kif iċċirkoskritt mit-talbiet u mill-motivi tal-partijiet prinċipali. Minn dan jirriżulta li huma biss l-argumenti ta’ intervenjent li jaqgħu fl-ambitu ddefinit minn dawn it-talbiet u motivi li huma ammissibbli ( 15 ).
30.
Jien inqis li l-argumenti relatati man-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 218(9) TFUE u man-nuqqas ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni li huma invokati mill-Istati Membri li intervenjenew fil-kuntest ta’ dan ir-rikors huma speċifiċi sabiex ibiddlu s-suġġett tal-kawża, kif ċirkoskritt mit-talbiet u l-motivi tal-partijiet prinċipali. Fil-fatt, dawn it-talbiet u l-motivi jirrigwardaw biss il-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżiti proċedurali previsti fl-Artikolu 218(9) TFUE kinux osservati matul l-adozzjoni tal-att ikkontestat.
31.
Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-argumenti relatati man-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 218(9) TFUE u man-nuqqas ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni li huma invokati mill-Istati Membri intervenjenti, fil-prinċipju, għandhom jiġu mill-ewwel miċħuda bħala inammissibbli ( 16 ). F’dan ir-rigward, għandu jitqies il-fatt li l-ebda wieħed mill-Istati Membri intervenjenti ma għamel użu mill-possibbiltà li għandhom li jintroduċu rikors għal annullament, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-konfront tal-att ikkontestat, billi jsostnu li l-Kunsill kien eċċeda s-setgħat tiegħu.
32.
Għall-finijiet ta’ kompletezza u fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hemm lok li tivverifika ex officio l-applikabbiltà tal-Artikolu 218(9) TFUE u l-kompetenza esterna tal-Unjoni ( 17 ) f’dan il-każ, fit-taqsima li ġejja se nuri r-raġunijiet għaliex inqis li l-imsemmija dispożizzjoni għandha tapplika għall-adozzjoni tal-att ikkontestat u li l-Unjoni kellha l-kompetenza esterna meħtieġa sabiex il-Kunsill jadotta l-imsemmi att.
2. Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 218(9) TFUE u l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni
a) Fuq il-ħtieġa eventwali ta’ kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni
33.
Skont l-Artikolu 218(9) TFUE, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni jew tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u ta’ Politika ta’ Sigurtà għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.
34.
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE tapplika għall-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħha, permezz tal-vuċi tal-istituzzjonijiet tagħha jew, jekk ikun il-każ, permezz tal-Istati Membri li jaġixxu solidalment fl-interess tagħha, fl‑adozzjoni ta’ atti li jkollhom effetti legali fi ħdan is-sede internazzjonali kkonċernata ( 18 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, ikkonstatat li l-fatt li l-Unjoni ma hijiex parti għall-ftehim internazzjonali kkonċernat ma jipprekludihiex, bħala tali, milli tapplika l-Artikolu 218(9) TFUE ( 19 ).
35.
Skont il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, stabbilit fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE ( 20 ), l-adozzjoni mill-Kunsill tal-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni, konformement mal-Artikolu 218(9) TFUE, tippreżupponi l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni ( 21 ). Madankollu, jien ma nara l-ebda raġuni biex jitqies, bħalma jsostnu r-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Franċiża, li din il-kompetenza esterna għandha tkun neċessarjament ta’ natura esklużiva fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE.
36.
L-ewwel nett, il-formulazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE ma fiha l-ebda indikazzjoni li taqbel ma’ dan.
37.
Barra minn hekk, l-Artikolu 216 TFUE li jiddetermina l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni lanqas ma jagħmel distinzjoni skont jekk il-kompetenza esterna tal-Unjoni hijiex kondiviża jew esklużiva. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tkopri fl-istess ħin il-kompetenza esterna kondiviża u l-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni ( 22 ). Fl-assenza ta’ kull indikazzjoni kuntrarja, għandu jitqies li dan japplika wkoll għall-Artikolu 218 TFUE, fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ dispożizzjonijiet jidhru fl-istess Titolu V tal-Ħames Parti tat-Trattat FUE, intitolat “Ftehim Internazzjonali”.
38.
It-tieni nett, it-teżi li skontha l-applikabbiltà ta’ dan l-artikolu tiddependi mill-eżistenza ta’ kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni ma hijiex appoġġata minn interpretazzjoni teleoloġika tal-imsemmija dispożizzjoni.
39.
Fir-rigward tal-kuntest u tal-għan tal-Artikolu 218(9) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi, b’deroga mill-proċedura ordinarja deskritta fl-Artikolu 218(1) sa (8) TFUE għan-negozjar u għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni, proċedura ssemplifikata għall-finijiet ta’ definizzjoni tal-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem din tal-aħħar fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħha fl-adozzjoni, fi ħdan is-sede deċiżjonali mwaqqfa mill-ftehim internazzjonali kkonċernata, ta’ atti li jaqgħu taħt l-applikazzjoni jew l-implementazzjoni ta’ dan tal-aħħar ( 23 ). Fi kliem ieħor, il-proċedura prevista fl-Artikolu 218(9) TFUE hija intiża biex tħaffef u, għaldaqstant, tagħmel iktar effettiva, il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-applikazzjoni jew l-implementazzjoni ta’ ftehim internazzjonali eżistenti. Ma nara l-ebda raġuni għaliex din il-proċedura ssemplifikata ma għandhiex tapplika fil-każ ta’ kompetenza esterna kondiviża ( 24 ).
40.
Barra minn hekk, indipendentement min-natura tal-kompetenza li għandha l-Unjoni, l-istabbiliment tal-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE jista’ jikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-unità fir-rappreżentazzjoni internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri ( 25 ) kif ukoll l-osservanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri unilaterali li fin-natura tagħhom jistgħu jipperikolaw li jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni ( 26 ). Dan japplika b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, l-Unjoni ma tkunx membru sħiħ tal-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata, jiġifieri l-ITU, u, għaldaqstant, ikollha taġixxi, fi ħdan il-korpi ta’ din l-organizzazzjoni, permezz tal-Istati Membri tagħha ( 27 ). Infakkar, f’dan ir-rigward, li att li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 218(9) TFUE, huwa ta’ natura vinkolanti għall-Istati Membri sa fejn dan jimponi fuqhom l-obbligu li jiddefendu l-imsemmija pożizzjoni ( 28 ).
41.
It-tielet nett, it-teżi difiża mir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Franċiża twassal biex ikun iktar diffiċli li jiġu protetti l-interessi tal-Unjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ ftehim internazzjonali, u dan ikun diffiċli li jiġi rrikonċiljat mal-għan imfittex mit-Trattati, li huwa, fil-fehma tiegħi, dak li jiġi ggarantit grad ogħla ta’ parteċipazzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali ( 29 ).
42.
Ir-raba’ nett, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha qatt ma kellha l-okkażjoni tiddeċiedi b’mod espliċitu dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 218(9) TFUE fil-każ ta’ kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, inqis li dan għamlitu b’mod impliċitu fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑399/12) ( 30 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja approvat, fil-punt 66 ta’ dik is-sentenza, il-fatt li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-Artikolu 218(9) TFUE sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li kienet ikkonstatat, fil-punt 51 tas-sentenza, li l-kawża kienet tikkonċerna l-qasam tal-politika agrikola komuni. Infakkar, skont l-Artikolu 4(2)(d) TFUE, li l-qasam tal-agrikoltura jaqa’ taħt il-kompetenza kondiviża tal-Unjoni u tal-Istati Membri ( 31 ).
43.
Biex nikkonkludi, inqis, bħall-Kummissjoni u l-Kunsill ( 32 ), li n-natura tal-kompetenza tal-Unjoni ma għandha l-ebda effett fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 218(9) TFUE.
b) Fuq l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni
44.
Skont l-Artikolu 216(1) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esterna, b’mod partikolari meta l-konklużjoni ta’ ftehim x’aktarx tolqot regoli komuni jew tbiddel il-portata tagħhom.
45.
Jien inqis li ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jippreżumi li l-Unjoni ma kellhiex, f’dan il-każ, il-kompetenza esterna meħtieġa sabiex il-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni, konformement mal-Artikolu 218(9) TFUE, bħalma ġew espressi fl-att ikkontestat.
46.
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-pożizzjonijiet stabbiliti fl-att ikkontestat jikkonċernaw il-qasam tal-ġestjoni tal-ispettru tar-radju u tal-użu tal-frekwenzi tar-radju, li huma rregolati b’mod wiesa’ mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont il-kompetenza tiegħu bbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE ( 33 ). Ċerti atti tal-Unjoni f’dan il-qasam jagħmlu riferiment espliċitu għax-xogħlijiet fuq il-ġestjoni tal-ispettru tar-radju mwettqa mill-ITU u għar-Regolamenti tar-Radju ( 34 ). Barra minn hekk, abbażi tad-Deċiżjoni Nru 676/2002 (Deċiżjoni dwar “l-Ispettri tar-radju”) ( 35 ), il-Kummissjoni adottat diversi miżuri tekniċi li jipprevedu l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet relatati mad-disponibbiltà u l-użu effettiv tal-ispettru tar-radju, li wħud minnhom jikkonċernaw il-meded tal-frekwenzi previsti mill-att ikkontestat ( 36 ).
47.
Fir-rigward tal-punti tal-aġenda tad-WRC‑15 li għalihom l-att ikkontestat stabbilixxa l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni wriet, fil-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2015, ir-raġunijiet għaliex hija tqis li kull wieħed minnhom seta’ jkollu effett dirett fuq ir-regoli tal-Unjoni jew ibiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom u li dawn għalhekk kienu koperti mill-kompetenza esterna tal-Unjoni, skont l-Artikolu 216(1) TFUE ( 37 ).
48.
L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Istati Membri intervenjenti ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, iqajmu dubju dwar l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni sabiex il-Kunsill jistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 218(9) TFUE, il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni, bħalma ġew iddikjarati fl-att ikkontestat.
49.
L-ewwel nett, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li tippreżumi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni ma tiddependix mill-adozzjoni ta’ atti ta’ dritt tal-Unjoni li jkopru b’mod sħiħ il-meded ta’ frekwenzi previsti mill-att ikkontestat. Fil-fatt, skont il-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 216(1) TFUE jirrikjedi biss li l-konklużjoni tal-ftehim ikkonċernat tkun “x’aktarx tolqot regoli komuni jew […] tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”.
50.
Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tal-formulazzjoni identika li tinsab fl-Artikolu 3(2) TFUE ( 38 ), li jkun hemm riskju li regoli komuni tal-Unjoni jiġu ppreġudikati minn impenji internazzjonali meħuda mill-Istati Membri jew li tinbidel il-portata ta’ dawn il-regoli, b’tali mod li tkun iġġustifikata kompetenza esterna esklużiva tagħha, meta dawn l-impenji jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija regoli. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-konstatazzjoni ta’ tali riskju ma tippreżupponix konkordanza kompleta bejn il-qasam kopert mill-impenji internazzjonali u dak kopert mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u li, b’mod partikolari, tali impenji internazzjonali jistgħu jolqtu xi regoli tal-Unjoni jew ibiddlu l-portata tagħhom meta dawn tal-aħħar jaqgħu f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu jkun diġà kopert minn tali regoli ( 39 ). Jien inqis li dan ir-raġunament jista’ jiġi ttraspost bis-sħiħ għall-evalwazzjoni intiża biex jiġi ddeterminat jekk il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tistax tolqot regoli komuni jew tbiddel il-portata tagħhom fis-sens tal-Artikolu 216(1) TFUE. Bħalma jirriżulta mill-premess, il-qasam tal-ġestjoni tal-ispettru tar-radju u tal-użu tal-frekwenzi tar-radju huwa kopert fil-parti l-kbira minn regoli komuni tal-Unjoni ( 40 ).
51.
It-tieni nett, fir-rigward tal-argumenti invokati mir-Repubblika Franċiża dwar l-użu tal-ispettru tar-radju għal finijiet ta’ difiża nazzjonali u ta’ sigurtà pubblika, għandu jiġi nnotat li, għalkemm l-atti tal-Unjoni relatati mal-ġestjoni u mal-użu tal-ispettru tar-radju ma jiksrux id-dritt tal-Istati Membri sabiex jorganizzaw u jużaw l-ispettru tagħhom għal finijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ difiża ( 41 ), il-fatt li l-ispettru tar-radju jista’ jkollu, mill-perspettiva ġenerali, effetti fuq il-funzjonament tad-difiża nazzjonali u fuq is-sigurtà pubblika ma jistax waħdu jeskludi l-kompetenza esterna tal-Unjoni.
52.
Jien inqis li ma ntweriex, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li r-reviżjonijiet tar-Regolamenti tar-Radju previsti fil-punti tal-aġenda tad-WRC‑15 indikati fl-att ikkontestat għandhom, fir-rigward tad-difiża nazzjonali jew tas-sigurtà pubblika tal-Istati Membri, effetti konkreti ta’ natura li teskludi l-kompetenza tal-Unjoni.
53.
It-tielet nett, fir-rigward tal-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 243/2012, invokat mir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża, jien ma nara l-ebda inkompatibbiltà bejn din id-dispożizzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE f’dan il-każ. Fil-fatt, mill-Artikolu 10(1)(a) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012 jirriżulta li, f’negozjati internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet tal-ispettru, jekk is-suġġett tan-negozjati internazzjonali jaqa’ fil-kompetenza tal-Unjoni, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita konformement mad-dritt tal-Unjoni ( 42 ). Madankollu, din kienet eżattament is-sitwazzjoni f’dan il-każ. Ninnota li l-imsemmija dispożizzjoni mkien ma ssemmi n-natura tal-kompetenza tal-Unjoni.
54.
Għall-kuntrarju ta’ dak li jaffermaw ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Franċiża, jien inqis li l-Artikolu 10(1)(b) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012 ma kienx japplika għall-adozzjoni tal-att ikkontestat. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda, skont il-formulazzjoni tagħha, is-sitwazzjoni fejn is-suġġett tan-negozjati internazzjonali “jaqa’ parzjalment fil-kompetenza tal-Unjoni u parzjalment fil-kompetenza tal-Istati Membri”. Jien inqis li din il-formulazzjoni hija r-riflessjoni diretta tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mas-sitwazzjonijiet fejn is-suġġett tan-negozjati internazzjonali jaqa’ parzjalment fil-kompetenza tal-Unjoni u parzjalment fil-kompetenza tal-Istati Membri, li għaliha sar riferiment ukoll fil-premessa 34 tad-Deċiżjoni Nru 243/2012 ( 43 ). Għalhekk inqis li l-Artikolu 10(1)(b) ma jipprevedix il-każ ta’ kompetenza kondiviża, iżda pjuttost dik fejn ċerti elementi ta’ ftehim internazzjonali ma jkunux koperti mill-kompetenza tal-Unjoni. Madankollu, din ma kinitx is-sitwazzjoni f’dan il-każ.
55.
Biex nikkonkludi, inqis li l-Unjoni kellha, f’dan il-każ, il-kompetenza esterna meħtieġa.
56.
L-ebda waħda mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestat li l-kundizzjonijiet l-oħra tal-applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE huma ssodisfatti f’dan il-każ, jiġifieri, l-ewwel nett, li d-WRC‑15 tista’ titqies bħala “sede stabbilita fi ftehim” ( 44 ), it-tieni nett, li r-reviżjonijiet tar-Regolamenti tar-Radju previsti fl-aġenda tad-WRC‑15 jistgħu jiġu kklassifikati bħala “atti li jkollhom effetti legali” ( 45 ) u, it-tielet nett, li dawn ir-reviżjonijiet ma jikkostitwixxux “atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”. Jien inqis ukoll li l-kundizzjonijiet kollha tal-applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE huma ssodisfatti.
57.
Minn dan isegwi li l-Kunsill kien, fil-fehma tiegħi, awtorizzat li jistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni, konformement mal-Artikolu 218(9) TFUE, bħalma huma esposti fl-att ikkontestat ( 46 ).
58.
Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill osservax ir-rekwiżiti proċedurali li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, matul l-adozzjoni tal-att ikkontestat.
3. Fuq il-motiv uniku
59.
Permezz tal-motiv uniku tagħha, il-Kummissjoni ssostni li bl-adozzjoni tal-att ikkontestat fil-forma ta’ konklużjonijiet, minflok deċiżjoni kif kienet qiegħda tipproponi, il-Kunsill kiser l-Artikolu 218(9) TFUE.
60.
Min-naħa tiegħu, il-Kunsill isostni li huwa osserva l-imsemmija dispożizzjoni, matul l-adozzjoni tal-att ikkontestat, u jafferma li l-fatt li l-pożizzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tad-WRC‑15 kienu ġew stabbiliti fil-forma ta’ konklużjonijiet ma jikkostitwixxix ksur tal-forom proċedurali sostanzjali li jista’ jwassal għall-annullament tagħhom. Fil-fehma tiegħu, il-Kummissjoni lanqas ma wriet li l-imsemmija pożizzjonijiet setgħu jkunu sostanzjalment differenti li kieku dawn ġew adottati fil-forma ta’ deċiżjoni.
61.
Għar-raġunijiet spjegati iktar ’il quddiem, inqis li hemm lok li tintlaqa’ t-talba tal-Kummissjoni u li jiġi annullat l-att ikkontestat minħabba ksur tal-Artikolu 218(9) TFUE.
62.
L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 218(9) TFUE, il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jiġu adottati mill-Kunsill fil-forma ta’ “deċiżjoni”. Bl-adozzjoni tal-att ikkontestat fil-forma ta’ konklużjonijiet, il-Kunsill għalhekk għamel użu minn forma ġuridika differenti minn dik prevista mit-Trattat.
63.
Bħall-Kummissjoni, inqis li din iċ-ċirkustanza ma tistax titqies bħala sempliċi formalità. Fil-fatt, bħalma se nuri iktar ’il quddiem, l-għażla tal-forma ġuridika ta’ att tal-Unjoni tiddetermina, minn naħa, in-natura u l-effetti legali tal-att ( 47 ), u, min-naħa l-oħra, il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni tal-imsemmi att ( 48 ).
64.
It-tieni nett, inqis li ċ-ċirkustanza li skontha l-approċċ segwit mill-Kunsill, f’dan il-każ, biex jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-WRC‑15 jikkorrispondi għal dak li kien ġie segwit matul Konferenzi Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni preċedenti ( 49 ) ma hijiex rilevanti għall-analiżi li għandha ssir fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, bħalma kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, sempliċi prattika tal-Kunsill ma tistax tidderoga mir-regoli stabbiliti mit-Trattat u din ma tistax, konsegwentement, toħloq preċedent li jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 50 ). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-prattika preċedenti invokata mill-Kunsill kienet tikkonċerna, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li introduċa l-Artikolu 218(9) TFUE kif jinsab redatt illum ( 51 ).
65.
It-tielet nett, fir-rigward tas-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni ( 52 ), invokata mill-Kunsill, għandu jiġi nnotat li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament ikkonstatat, fl-imsemmija sentenza, li l-forma li fiha jittieħdu atti jew deċiżjonijiet, fil-prinċipju, hija irrilevanti fir-rigward tal-possibbiltà li dawn jiġu kkontestati minn rikors għal annullament, ma jistax jiġi dedott li l-forma ta’ att tal-Unjoni ma għandhiex importanza fir-rigward tal-legalità tal-att ikkonċernat.
66.
F’dan ir-rigward, inqis li l-fatt, għal istituzzjoni tal-Unjoni, li tidderoga mill-forma ġuridika prevista mit-Trattati huwa ta’ natura li jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali li jista’ jwassal għal annullament tal-att, b’mod partikolari meta din id-deroga tista’ toħloq inċertezzi fir-rigward tan-natura tal-imsemmi att jew tal-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni tiegħu. Fil-fatt, f’tali każ, iċ-ċertezza legali tkun kompromessa u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun imxekkla fl-eżerċizzju sħiħ tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tal-legalità tal-att ikkonċernat ( 53 ).
67.
Jien inqis li tali inċertezzi effettivament huma preżenti f’dan il-każ. B’mod partikolari, inqis, għar-raġunijiet espressi iktar ’il quddiem, li l-għażla tal-Kunsill li tadotta l-att ikkontestat fil-forma ta’ konklużjonijiet, minflok deċiżjoni, ħolqot inċertezzi kunsiderevoli, minn naħa, fir-rigward tan-natura tal-imsemmi att u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-proċedura li kellha tiġi segwita għall-adozzjoni tiegħu.
a) Fuq l-inċertezzi fir-rigward tan-natura tal-att ikkontestat
68.
L-Artikolu 288 TFUE jiddistingwi bejn tipi differenti ta’ atti ġuridiċi tal-Unjoni, billi jagħti lil kull wieħed karatteristiċi rispettivi fir-rigward tal-portata tiegħu, l-applikabbiltà tiegħu u l-effetti legali tiegħu. Għalhekk, huwa indispensabbli li n-natura ta’ att tal-Unjoni tkun tista’ tiġi stabbilita b’mod ċar.
69.
Madankollu, f’dan il-każ, l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Istati Membri intervenjenti jixhdu, fil-fehma tiegħi, l-eżistenza ta’ inċertezza kunsiderevoli fir-rigward tan-natura tal-att ikkontestat.
70.
Għalhekk, filwaqt li l-Kunsill isostni li l-att ikkontestat jikkostitwixxi “essenzjalment” deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni konformement mal-Artikolu 218(9) TFUE, din l-affermazzjoni hija kkontestata mir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fil-fatt, l-ewwel żewġ Stati jqisu li l-imsemmi att jikkostitwixxi pożizzjoni komuni tal-Unjoni u tal-Istati Membri stabbilita konformement mal-Artikolu 10(1)(b) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012, filwaqt li l-aħħar wieħed iqis li dawn huma konklużjonijiet tal-Kunsill. Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li l-att ikkontestat huwa ta’ natura vinkolanti, filwaqt li r-Repubblika Ċeka hija tal-opinjoni li l-imsemmi att huwa legalment vinkolanti biss għal ċerti partijiet, billi jkopri aspetti li jirriżultaw, skont din il-parti intervenjenti, fil-kompetenza tal-Unjoni. Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-att ikkontestat jikkostitwixxi konklużjonijiet mhux vinkolanti ( 54 ).
71.
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li hemm nuqqas ta’ qbil kbir bejn il-Kunsill u l-Istati Membri intervenjenti, kemm fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-att ikkontestat jikkostitwixxix att tal-Unjoni jew att “ibridu” adottat b’mod konġunt mill-Unjoni u l-Istati Membri kif ukoll fir-rigward tal-effett vinkolanti tal-imsemmi att.
72.
Għalkemm jien ma għandi l-ebda dubju li l-att ikkontestat jikkostitwixxi att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri tal-Kunsill, bħalma jirriżulta mit-titolu stess tal-imsemmi att, u li huwa maħsub biex jipproduċi effetti legali ( 55 ), għad hemm inċertezzi, fil-fehma tiegħi, fir-rigward tan-natura preċiża tiegħu. Dawn l-inċertezzi huma b’mod speċjali ikbar peress li l-Kunsill iddeċieda, sabiex jadotta l-att ikkontestat, li jidderoga mill-forma ġuridika pproposta mill-Kummissjoni ( 56 ), jiġifieri dik li hija prevista b’mod espliċitu fl-Artikolu 218(9) TFUE ( 57 ). Barra minn hekk, għandu jitqies il-fatt li, filwaqt li n-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tirriżulta direttament mill-Artikolu 288 TFUE ( 58 ), it-Trattati jibqgħu siekta dwar l-effetti li għandhom jiġu attribwiti lill-konklużjonijiet tal-Kunsill. Fil-fatt, bħalma indikat il-Kummissjoni, bl-adozzjoni tal-att ikkontestat fil-forma ta’ konklużjonijiet, il-Kunsill għażel forma ġuridika li ma hijiex prevista mit-Trattati, għażla li hija ġeneralment irriżervata għall-atti ta’ natura mhux vinkolanti ( 59 ).
73.
L-inċertezzi kkonstatati fir-rigward tan-natura tal-att ikkontestat, fil-fehma tiegħi, ma jistgħux jiġu ċċarati minn analiżi tal-kontenut tal-imsemmi att.
74.
Fl-ewwel lok, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni, għall-kuntrarju tal-proposta tagħha tad-29 ta’ Mejju 2015, li kienet tirreferi għall-Artikolu 218(9) TFUE ( 60 ), il-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fis-26 ta’ Ottubru 2015 ma jinkludu l-ebda indikazzjoni dwar il-bażi legali materjali jew proċedurali tagħhom ( 61 ).
75.
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu li tiġi indikata l-bażi legali f’att joħroġ mill-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, li huwa intiż biex jiżgura, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u, min-naħa l-oħra, li kemm l-Istati Membri kif ukoll il-partijiet terzi interessati jkunu jafu l-kundizzjonijiet li fihom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni japplikaw it-Trattat ( 62 ).
76.
Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li r-rekwiżit taċ-ċertezza legali jirrikjedi li kull att li jkun intiż li joħloq effetti legali jislet l-effett vinkolanti tiegħu minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi espressament indikata bħala bażi legali u li tistabbilixxi l-forma ġuridika li għandu jkollu l-att ( 63 ). Għalkemm huwa veru li l-ommissjoni ta’ riferiment għal dispożizzjoni speċifika tat-Trattat ma tistax tikkostitwixxi vizzju sostanzjali meta l-bażi legali ta’ att tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ elementi oħra tiegħu, tali riferiment espliċitu huwa madankollu indispensabbli meta, fin-nuqqas tiegħu, il-persuni kkonċernati u l-Qorti tal-Ġustizzja jitħallew fl-inċertezza fir-rigward tal-bażi legali speċifika ( 64 ).
77.
Madankollu, din il-kawża taqa’, fil-fehma tiegħi, preċiżament f’dan ix-xenarju tal-aħħar. Fil-fatt, l-osservazzjonijiet tal-Istati Membri intervenjenti juru biċ-ċar li l-partijiet interessati tħallew fl-inċertezza fir-rigward tal-bażi legali preċiża tal-att ikkontestat u, għaldaqstant, in-natura tal-imsemmi att.
78.
Fit-tieni lok, it-terminoloġija użata fl-att ikkontestat issaħħaħ, fil-fehma tiegħi, l-inċertezza fir-rigward tan-natura tiegħu. Fil-fatt, bħalma jirriżulta b’mod ċar mit-titolu u mill-Artikolu 1 tal-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Mejju 2015 li din tikkonċerna l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni fid-WRC‑15 ( 65 ), il-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fis-26 ta’ Ottubru 2015 jillimitaw ruħhom, bħalma ssostni l-Kummissjoni, biex “jesprim[u] l-appoġġ ġenerali [tagħhom]” għall-objettivi ddefiniti fl-imsemmija konklużjonijiet u biex “[jistiednu] lill-Istati Membri biex isegwu [dawn] l-objettivi […] u jirrispettaw il-prinċipji stipulati fid-Deċiżjoni Nru [243/2012] meta jinnegozjaw kwalunkwe emenda rilevanti għar-Regolamenti tar-Radju tal-ITU fid-WRC‑15” ( 66 ).
79.
Jien inqis li, fid-dawl tal-għażla tal-Kunsill li jadotta l-att ikkontestat f’forma ġuridika differenti minn dik prevista fl-Artikolu 218(9) TFUE u fl-assenza ta’ indikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni bħala bażi ġuridika ta’ dan l-att, il-formoli “immitigati” użati fl-att ikkontestat, b’mod partikolari meta mqabbla ma’ dawk użati fil-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni, jistgħu jsaħħu l-inċertezzi fir-rigward tan-natura tal-imsemmi att u, għaldaqstant, fir-rigward tal-portata tal-obbligu li għandhom l-Istati Membri, skont id-dritt tal-Unjoni, biex jiddefendu l-pożizzjonijiet stabbiliti mill-att ikkontestat ( 67 ).
b) Fuq l-inċertezzi fir-rigward tal-proċedura li kellha tiġi segwita għall-adozzjoni tal-att ikkontestat
80.
L-għażla tal-Kunsill li jadotta l-att ikkontestat fil-forma ta’ konklużjonijiet, minflok deċiżjoni, ħolqot ukoll inċertezzi fir-rigward tal-proċedura li kellha tiġi segwita għall-adozzjoni tiegħu.
81.
Konformement mal-Artikolu 218(9) TFUE, id-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni huma adottati mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni jew tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u ta’ Politika ta’ Sigurtà. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 16(3) TUE, il-Kunsill jadotta tali deċiżjonijiet skont il-proċedura ta’ votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata ( 68 ).
82.
Min-naħa l-oħra, it-Trattati jibqgħu siekta fir-rigward tal-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġu adottati l-konklużjonijiet tal-Kunsill, peress li din hija forma ġuridika li ma hijiex prevista mit-Trattati ( 69 ).
83.
Madankollu, f’din il-kawża, il-Kunsill isostni li, minkejja li l-att ikkontestat kien ġie adottat fil-forma ta’ konklużjonijiet, il-proċedura prevista fl-Artikolu 218(9) TFUE kienet applikabbli għall-adozzjoni tal-imsemmi att u fil-fatt ġiet segwita.
84.
Jien inqis li dan l-argument ma jistax jirnexxi.
85.
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-Trattati stabbilixxew sistema ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni, li tagħti lil kull waħda l-missjoni rispettiva tagħha fl-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni u fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom. Għalhekk, l-Artikolu 13(2) TUE jistipula li kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-għanijiet previsti minnhom. Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, li timplika li kull istituzzjoni għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha filwaqt li tosserva dawk tal-oħrajn ( 70 ).
86.
Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, f’diversi okkażjonijiet, li r-regoli dwar il-formazzjoni tar-rieda tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiġu stabbiliti mit-Trattati u la huma għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess ( 71 ). Jien inqis li dan ir-raġunament huwa validu wkoll għar-regoli tat-Trattati li jippreskrivu l-forma ġuridika li għandu jkollu att tal-Unjoni ( 72 ).
87.
Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma humiex liberi jagħżlu ċerti elementi ta’ proċeduri previsti mit-Trattati li jaqblilhom, filwaqt li jinjoraw oħrajn. Din il-kawża turi sew ir-raġunijiet għaliex tali approċċ “à la carte” ma huwiex sostenibbli. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-Kunsill dderoga mill-forma ġuridika prevista fl-Artikolu 218(9) TFUE tqajjem dubji fir-rigward tal-proċedura li kellha tiġi segwita biex jiġi adottat l-att ikkontestat, b’mod partikolari fir-rigward tar-rwol tal-Kummissjoni u l-modalitajiet tal-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill.
88.
Fir-rigward, l-ewwel nett, tar-rwol tal-Kummissjoni, tqum, qabelxejn, il-kwistjoni dwar jekk l-att ikkontestat jistax effettivament jitqies bħala li ġie adottat “fuq proposta tal-Kummissjoni”, bħalma jipprevedi l-Artikolu 218(9) TFUE, peress li l-imsemmi att għandu forma ġuridika differenti minn dik tal-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni ( 73 ). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet obbligata tippreżenta proposta għal konklużjonijiet tal-Kunsill jew tali proposta kellha pjuttost tkun imfassla u ppreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill, bħalma hija ġeneralment il-prassi għall-konklużjonijiet tal-Kunsill? Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kellha d-dritt timmodifika l-proposta tagħha, konformement mal-Artikolu 293(2) TFUE, jew tirtiraha, ladarba l-Kunsill kien immodifika l-forma ġuridika tal-att?
89.
Bħalma juru dawn il-mistoqsijiet, l-approċċ segwit mill-Kunsill qajjem dubju dwar ir-rwol tal-Kummissjoni fl-adozzjoni tal-att ikkontestat, u, għaldaqstant, ikkomprometta l-ekwilibriju istituzzjonali stabbilit mit-Trattati.
90.
Fir-rigward, it-tieni nett, tal-modalitajiet tal-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill, dan tal-aħħar jirrikonoxxi, minn naħa, li l-maġġoranza kkwalifikata kienet “fil-prinċipju” applikabbli għall-adozzjoni tal-att ikkontestat. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill effettivament għażel, bħalma affermat il-Kummissjoni, forma ġuridika li ġeneralment hija rriżervata għall-atti adottati mill-Kunsill permezz ta’ “kunsens”. Barra minn hekk, il-Kunsill jinnota li l-grad għoli ta’ konverġenza li kien jeżisti bejn l-Istati Membri, fir-rigward tal-għanijiet li l-Unjoni kellha ssegwi fid-WRC‑15, ippermetta li jinkiseb ftehim unanimu, ladarba r-riżervi ta’ ċerti Stati Membri tneħħew fi ħdan il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper). Fl-aħħar nett, il-Kunsill iżid li, peress li l-Kummissjoni, matul id-dibattiti li wasslu għall-adozzjoni tal-att ikkontestat, ma mmodifikatx il-proposta tagħha biex tqis il-modifiki li kien se jintlaħaq ftehim dwarhom fi ħdan il-Kunsill, mill-Artikolu 293(1) TFUE jirriżulta li l-Kunsill kellu jiddeċiedi b’mod unanimu ( 74 ).
91.
L-argumenti tal-Kunsill ma jistgħux jiġu aċċettati.
92.
Ċertament, it-Trattati ma jipprekludux li att li għandu jiġi adottat skont il-proċedura tal-votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata jiġi, jekk ikun il-każ, adottat bl-appoġġ tal-Istati Membri kollha ( 75 ). Barra minn dan, jien konxju mill-ħtieġa tal-Presidenza tal-Kunsill, fi spirtu ta’ kooperazzjoni tajba, li tqies u tilqa’, sa fejn possibbli, matul in-negozjati mwettqa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata, it-talbiet tad-delegazzjonijiet tal-Istati Membri li ma għandhomx id-dritt, skont it-Trattati, jimblokkaw l-adozzjoni tal-att ikkonċernat.
93.
Madankollu jibqa’ l-fatt li ma huwiex permess lill-Kunsill, bil-klassifikazzjoni ta’ att bħala “konklużjonijiet”, li joħloq inċertezzi għall-Istati Membri dwar il-possibbiltà, għalihom, li jimblokkaw l-adozzjoni tal-imsemmi att. Fil-fatt, tali approċċ jirriskja li jkollu l-effett li jevita jew li jrendi inoperattiva l-proċedura tal-votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata u, għaldaqstant, li jikkomprometti l-effettività tal-proċedura tal-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill ( 76 ). Jien inqis li dan ir-riskju huwa partikolarment preżenti, meta, bħal f’dan il-każ, il-Kunsill jidderoga mill-forma ġuridika espressament prevista mit-Trattati, bl-adozzjoni ta’ att fil-forma ta’ konklużjonijiet, minflok deċiżjoni.
94.
F’dan il-kuntest, nixtieq nenfasizza li l-għażla bejn il-proċedura ta’ votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata u dik ta’ votazzjoni b’mod unanimu jew b’kunsens għandha importanza kbira, minħabba li din l-għażla jista’ jkollha konsegwenzi fuq id-determinazzjoni tal-kontenut tal-att ikkonċernat ( 77 ). Kif ġustament irrilevat l-Avukat Ġenerali Sharpston, “[d]eċiżjoni li dwarha kulħadd jista’ jaqbel jew li ħadd ma jopponiha ma hijiex neċessarjament l-istess bħal deċiżjoni li maġġoranza kkwalifikata tista’ taqbel dwarha. Pereżempju, il-kontenut ta’ deċiżjoni li tikseb maġġoranza kkwalifikata jista’ jeħtieġlu jkun immitigat biex ikun approvat unanimament jew mingħajr ebda oppożizzjoni” ( 78 ).
95.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, bid-deroga mill-forma ġuridika prevista mit-Trattati, il-Kunsill ħoloq inċertezzi fir-rigward tan-natura tal-att ikkontestat u fir-rigward tal-proċedura li kellha tiġi segwita għall-adozzjoni tiegħu, b’tali mod li din id-deroga tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 218(9) TFUE li jista’ jwassal għall-annullament tal-att.
96.
Għalhekk, nikkonkludi li l-motiv uniku invokat mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’ u li hemm lok li jiġu annullati l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2015.
VI. Fuq l-ispejjeż
97.
Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-proposta tiegħi, huwa l-Kunsill li jitlef u din il-parti għalhekk għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, peress li l-Kummissjoni għamlet talba f’dan is-sens. Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
VII. Konklużjoni
98.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
–
tannulla l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, adottati fis-26 ta’ Ottubru 2015, dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni 2015 (WRC‑15) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU);
–
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż, u
–
tiddikjara li r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Ara, fir-rigward tas-suġġett tal-ITU, l-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni tagħha, adottata mill-Konferenza Plenipotenzjarja Addizzjonali f’Genève (Svizzera) fl-1992, bl-emendi adottati mill-Konferenzi Plenipotenzjarji fi Kyoto (Ġappun) fl-1994, f’Minneapolis fl-1998, f’Marrakech (Marokk) fl-2002, f’Antalya (Turkija) fl-2006 u fi Guadalajara (Messiku) fl-2010 (iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni tal-ITU”).
( 3 ) Skont il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(2) tal-Kostituzzjoni tal-ITU, b’differenza mill-adeżjoni sħiħa, il-parteċipazzjoni bħala membru tas-settur ma tippermettix lill-Unjoni Ewropea tippreżenta pożizzjonijiet matul il-konferenzi u l-laqgħat tal-ITU, inkluż matul il-konferenzi fejn jiġu nnegozjati atti legalment vinkolanti.
( 4 ) Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Marzu 2012, li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU 2012, L 81, p. 7).
( 5 ) Ara, fir-rigward tar-Regolamenti tar-Radju, il-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 6 ) Ara r-Riżoluzzjoni 807 (WRC‑12), adottata mid-WRC‑12 f’Genève fl-2012, intitolata “Aġenda tal-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni 2015”.
( 7 ) Ara r-Riżoluzzjoni 1343 (C12) tal-Kunsill tal-ITU, intitolata “Il-post, id-dati u l-aġenda tal-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni (WRC‑15)”.
( 8 ) Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill, tad-29 ta’ Mejju 2015, dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni 2015 (WRC‑15) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) [COM(2015) 234 final].
( 9 ) Konklużjonijiet tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2015, dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni 2015 (WRC‑15) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU) (ST 13460 2015 INIT) [2015/0119 (NLE)] (hawnhekk iċċitati mingħajr in-noti ta’ qiegħ il-paġna).
( 10 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑63/12, EU:C:2013:752, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 9), fejn jirriżulta li l-forma li fiha jiġu adottati l-atti jew id-deċiżjonijiet hija, fil-prinċipju, irrilevanti fir-rigward tal-possibbiltà li dawn jiġu kkontestati permezz ta’ rikors għal annullament.
( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 44), fejn jirriżulta li tali deċiżjoni tipproduċi effetti legali vinkolanti, inkwantu tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tas-sede kkonċernata, u li din hija ta’ natura vinkolanti, minn naħa, għall-Kunsill u l-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, għall-Istati Membri, inkwantu timponi fuqhom l-obbligu li jiddefendu l-imsemmija pożizzjoni.
( 12 ) Skont il-partijiet, l-Artikolu 114 TFUE jikkostitwixxi l-bażi materjali u l-Artikolu 218(9) TFUE l-bażi proċedurali tal-att ikkontestat. Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 13 ) Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 14 ) Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑27/04, EU:C:2004:436, punti 44 sa 51).
( 15 ) Sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑399/12, EU:C:2014:2258, punt 27).
( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑399/12, EU:C:2014:2258, punti 25 sa 28).
( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C‑210/98 P, EU:C:2000:397, punti 55 sa 57), invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fir-rigward tal-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tidentifika ex officio n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ notifika tal-għajnuna, fir-rigward tal-konstatazzjoni li tolqot il-kompetenza tal-Kummissjoni biex tawtorizza l-għajnuna korrispondenti. Ara, barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑122/16 P, EU:C:2017:406, punt 100 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 54).
( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C‑73/14, EU:C:2015:663, punt 63).
( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑399/12, EU:C:2014:2258, punt 55).
( 20 ) L-osservanza tal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi tapplika kemm għall-azzjoni interna kif ukoll għall-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni. Ara l-Opinjoni 2/94 (Adeżjoni tal-Komunità għall-KEDB [Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali]), tat-28 ta’ Marzu 1996 (EU:C:1996:140, punt 24).
( 21 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:296, punt 60).
( 22 ) Ara, dwar id-distinzjoni bejn, minn naħa, l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni, iddeterminata mill-Artikolu 216(1) TFUE, u, min-naħa l-oħra, in-natura eventwalment esklużiva ta’ din il-kompetenza, iddeterminata mill-Artikolu 3(2) TFUE, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fl-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor, EU:C:2016:992, punt 64) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:296, punt 80). Ara, ukoll, għalkemm inqas espliċita, l-Opinjoni 2/15, tas-16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punti 171 u 172), l-Opinjoni 1/13 (L-adeżjoni ta’ Stati Terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punti 67 sa 74) u l-Opinjoni 2/91 (Ftehim Nru 170 tal-ILO), tad-19 ta’ Marzu 1993 (EU:C:1993:106, punt 7).
( 23 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C‑73/14, EU:C:2015:663, punti 64 u 65). Ara, ukoll, Rosas, A., “Recent Case Law of the European Court of Justice Relating to Article 218 TFEU”, The EU as a Global Actor Bridging Legal Theory and Practice – Liber Amicorum in Honour of Ricardo Gosalbo Bono, editjat minn Czuczai, J., u Naert, F., Brill vs Nijhoff, 2017, p. 370 u 371. Ara, fir-rigward tal-oriġini tal-Artikolu 218(9) TFUE, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑399/12, EU:C:2014:289, punti 39 sa 52), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C‑73/14, EU:C:2015:490, punti 69 sa 74).
( 24 ) Skont l-Artikolu 2(2) TFUE, meta t-Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza kondiviża mal-Istati Membri f’qasam speċifiku, l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f’dak il-qasam. L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sal-punt fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat tagħha. Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1976, Kramer et (3/76, 4/76 u 6/76, EU:C:1976:114, punti 39 u 40).
( 25 ) Ara, dwar il-ħtieġa ta’ unità fir-rappreżentazzjoni internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri, meta jkun jidher li s-suġġett ta’ ftehim internazzjonali jkun jaqa’ parzjalment taħt il-kompetenza tal-Unjoni u parzjalment taħt dik tal-Istati Membri, l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà), tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata), u s-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑246/07, EU:C:2010:203, punt 73). Ara, b’mod iktar ġenerali, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑28/12, EU:C:2015:43, punti 58 sa 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, it-tielet paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li skontha l-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’perikolu l-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni. Ara, barra minn hekk, is-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑246/07, EU:C:2010:203, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-dmir ta’ kooperazzjoni leali huwa ta’ applikazzjoni ġenerali u la jiddependi min-natura esklużiva jew mhux esklużiva tal-kompetenza tal-Unjoni u lanqas mid-dritt, għall-Istati Membri, li jkollhom obbligi fir-rigward ta’ Stati terzi.
( 27 ) Ara l-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, barra minn hekk, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑45/07, EU:C:2009:81, punt 31), fejn jirriżulta li n-nuqqas ta’ status bħala membru ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-Unjoni ma jipprekludix li l-kompetenza esterna ta’ din tal-aħħar ma tkunx tista’ tiġi effettivament eżerċitata, b’mod partikolari permezz tal-Istati Membri li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 44), u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 29 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 21 TUE. Ara, ukoll, l-Artikolu 220 TFUE.
( 30 ) Sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑399/12, EU:C:2014:2258).
( 31 ) Il-Kunsill kien sostna fl-imsemmija kawża, li l-Unjoni, skont l-Artikolu 3(2) TFUE, kellha kompetenza esterna esklużiva fl-oqsma koperti mid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istati Membri intervenjenti kienu qiesu li l-kompetenza tal-Unjoni kienet ta’ natura kondiviża. Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑399/12, EU:C:2014:2258, punti 34 u 43).
( 32 ) Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 33 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 8a sa 9b tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), hekk kif emendata mid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/21”); l-Artikoli 5 sa 8 u 10 sa 14 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), hekk kif emendata mid-Direttiva 2009/140; id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-radju) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 317), u d-Deċiżjoni Nru 243/2012. Ara, barra minn hekk, id-Direttiva tal-Kunsill 91/287/KEE, tat-3 ta’ Ġunju 1991, dwar il-firxa ta’ frekwenza li għandha tkun allokata għall-introduzzjoni kkordinata ta’ telekomunikazzjonijiet diġitali Ewropej mingħajr fili (DECT) fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 276), u d-Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE, tal-25 ta’ Ġunju 1987, dwar il-firxiet ta’ frekwenza li għandhom jiġu rriżervati għall-introduzzjoni kordinata ta’ komunikazzjonijiet mobbli terrestri pubbliċi ċellulari diġitali pan-Ewropej fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 8, p. 289), hekk kif emendata mid-Direttiva 2009/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 274, p. 25).
( 34 ) Ara, b’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1), kif ukoll il-paragrafu 4 u l-premessa 30 tad-Direttiva 2002/21; l-Artikolu 1(3) kif ukoll il-premessi 18 u 19 tad-Deċiżjoni Nru 676/2002; il-premessa 22 tad-Deċiżjoni Nru 243/2001; is-seba’ premessa tad-Direttiva 87/372. Ara, barra minn hekk, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/20, li jirreferi, b’mod iktar ġenerali, għall-“ftehim internazzjonali”. Ara, fir-rigward tar-Regolamenti tar-Radju, il-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 35 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 36 ) Ara, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/545/KE, tat-8 ta’ Lulju 2004, dwar l-armonizzazzjoni ta’ spektrum tar-radju fil-medda ta’ 79 GHz għall-użu ta’ tagħmir awtomotiv tar-Radar ta’ Medda Qasira fil-Komunità (ĠU 2005, L 267M, p. 34), li jarmonizza l-medda ta’ frekwenzi inkluża bejn 77 u 81 GHz; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/513/KE, tal-11 ta’ Lulju 2005, dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenza ta’ 5 GHz għall-implimentazzjoni ta’ Sistemi ta’ Aċċess bla Wajers inklużi n-Netwerks tar-Radju għaż-Żona Lokali (WAS/RLANs) (ĠU 2008, L 322M, p. 72 u r-rettifika ĠU 2005, L 238, p. 26), hekk kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/90/KE, tat-12 ta’ Frar 2007 (ĠU 2007, L 41, p. 10), li tarmonizza l-meded ta’ frekwenzi 5 150‑5 350 MHz u 5 470‑5 725 MHz; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/411/KE, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar l-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenzi bejn it-3 400 u t-3 800 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità (ĠU 2008, L 144, p. 77), hekk kif emendata mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/276/UE, tat-2 ta’ Mejju 2014 (ĠU 2014, L 139, p. 18); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/671/KE, tal-5 ta’ Awwissu 2008, dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenzi 5875‑5905 MHz għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) (ĠU 2008, L 220, p. 24), u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/750, tat-8 ta’ Mejju 2015, dwar l-armonizzazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 1452‑1492 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni (ĠU 2015, L 119, p. 27). Ara, fir-rigward tal-meded ta’ frekwenzi koperti mill-att ikkontestat, il-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 37 ) Ara l-punt 3 tal-memorandun ta’ spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Mejju 2015 (iċċitata iktar ’il fuq). Fl-imsemmija proposta, il-Kummissjoni, barra minn hekk, għamlet riferiment għall-opinjoni mogħtija mill-Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG) fid-19 ta’ Frar 2015, “RSPG Opinion on Common Policy Objectives for WRC‑15” (RSPG15‑593 final).
( 38 ) L-Artikolu 3(2) TFUE jipprevedi li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali, sal-punt li din il-konklużjoni tista’ tolqot regoli komuni jew tbiddel il-portata tagħhom.
( 39 ) Ara l-Opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx dwar l-aċċess għax-xogħlijiet ippubblikati), tal-14 ta’ Frar 2017 (EU:C:2017:114, punti 105 sa 107) u, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/15, tas-16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punti 180 u 181). Ara, f’dan il-kuntest, il-premessa 10 tad-Deċiżjoni Nru 243/2012, li skontha “[f]ilwaqt li l-ġestjoni tal-ispettru għadha fil-parti l-kbira kompetenza nazzjonali, din għandha tkun eżerċitata konformement mal-leġislazzjoni tal-Unjoni eżistenti u għandha tagħti lok għal azzjoni sabiex tkun segwita l-politika tal-Unjoni”. Ara, barra minn hekk, il-premessa 28 tad-Direttiva 2009/140 li skontha “[g]ħalkemm il-ġestjoni tal-ispettru tibqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, l-ippjanar strateġiku, il-koordinazzjoni u, fejn xieraq, l-armonizzazzjoni f’livell Komunitarju jistgħu jgħinu jiżguraw li l-utenti tal-ispettru jiksbu l-benefiċċji sħaħ tas-suq intern u li l-interessi tal-UE jkunu jistgħu jiġu difiżi globalment b’mod effettiv […]”.
( 40 ) Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 41 ) Ara l-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002 u t-tieni subpargrafu tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-premessa 7 tad-Direttiva 2002/21. Ara barra minn hekk, f’dan il-kuntest, l-Artikolu 4(2) TUE li skontu l-Unjoni għandha tosserva l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jiżguraw l-integrità territorjali tal-Istat, iż-żamma tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, b’din tal-aħħar tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru, u l-Artikolu 346(1)(a) TFUE, li skontu l-ebda Stat Membru ma jkun obbligat li jagħti tagħrif li l-kxif tiegħu jkun jikkunsidrah li jmur kontra l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu.
( 42 ) Ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 43 ) Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 2/91 (Ftehim Nru 170 tal-ILO), tad-19 ta’ Marzu 1993 (EU:C:1993:106, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata) u s-sentenza tat-28 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 54).
( 44 ) Ara, fir-rigward tal-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni, l-Artikolu 13(1) u (2) tal-Kostituzzjoni tal-ITU, riprodott fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tal-ITU, adottata mill-Konferenza Plenipotenzjarja Addizzjonali f’Genève (Svizzera) fl-1992, bl-emendi adottati mill-Konferenzi Plenipotenzjarji fi Kyoto (Ġappun) fl-1994, f’Minneapolis (Stati Uniti) fl-1998, f’Marrakech (Marokk) fl-2002, f’Antalya (Turkija) fl-2006 u fi Guadalajara (Messiku) fl-2010.
( 45 ) Ara, fir-rigward tat-termini “atti li jkollhom effetti legali”, fis-sens tal-Artikolu 218(9) TFUE, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑399/12, EU:C:2014:2258, punt 56 et seq). Ara, fir-rigward tan-natura vinkolanti tar-Regolamenti tar-Radju u r-reviżjonijiet tiegħu, l-Artikolu 4(3) tal-Kostituzzjoni tal-ITU, riprodott fil-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u l-Artikolu 54 tal-Kostituzzjoni tal-ITU. Ara barra minn hekk, fir-rigward tar-riferiment magħmul, fl-atti tal-Unjoni, fl-ITU u fir-Regolamenti tar-Radju, il-punt 46 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 46 ) Jien inqis li huwa inutli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, dwar jekk il-Kunsill kienx, barra minn dan, obbligat li jirrikorri għall-Artikolu 218(9) TFUE. Fil-fatt, din il-kwistjoni ma tqumx f’dan il-każ, peress li l-Kunsill jafferma li effettivament irrikorra għall-imsemmija dispożizzjoni matul l-adozzjoni tal-att ikkontestat.
( 47 ) Ara l-punti 68 u 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 48 ) Ara l-punti 81 u 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 49 ) Ara, b’mod partikolari, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pożizzjonijiet Ewropej għall-Konferenzi Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni (WRC‑2000) (Dok. 7788/00), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tal-ITU 2007 (WRC‑07)” (Dok. 11991/07) u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni 2012 (WRC‑12) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU) (Dok. 10301/11).
( 50 ) Ara, f’sens analogu, fir-rigward tal-indikazzjoni tal-bażi ġuridika ta’ att tal-Unjoni, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, fir-rigward tal-għażla tal-bażi ġuridika korretta, l-Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jimmodifikaw l-Iskedi ta’ Rabtiet Speċifiċi skont il-GATS [GATS – Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ tas-Servizzi]), tat-30 ta’ Novembru 2009 (EU:C:2009:739, punt 172 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, barra minn hekk, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2008, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 60).
( 51 ) Ara, fir-rigward tal-bidu tal-Artikolu 218(9) TFUE, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 52 ) Sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 9). Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 53 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 75 u 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 54 ) Ir-Renju Unit ma semmiex in-natura jew l-effetti legali tal-att ikkontestat.
( 55 ) Ara l-punti 17 sa 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 56 ) Ara l-punti 10 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, fir-rigward tal-prattika segwita mill-Kunsill matul il-Konferenzi Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni preċedenti, il-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 57 ) Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 58 ) Skont l-Artikolu 288 TFUE, deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha.
( 59 ) Fil-fatt, il-forma ta’ “konklużjonijiet” ma hijiex prevista fit-Trattati ħlief għal ċerti atti tal-Kunsill Ewropew. Ara l-Artikolu 148 TFUE.
( 60 ) Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 61 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 62 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590, punti 37 u 38).
( 63 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs McBride et (C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 64 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs McBride et (C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 65 ) Ara l-punti 10 u 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 66 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 67 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 68 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 66), u, b’mod iktar espliċitu, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2114, punt 98).
( 69 ) Ara l-punt 72 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 70 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C‑660/13, EU:C:2016:616, punti 31 u 32, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 71 ) Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill (C-643/15 u C-647/15, EU:C:2017:631, punt 149) u tat-28 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑27/04, EU:C:2004:436, punt 81).
( 72 ) Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, fejn it-Trattati ma jispeċifikawx it-tip ta’ att li għandu jiġi adottat, l-istituzzjonijiet għandhom jiddeċiedu każ b’każ, skont il-proċeduri applikabbli, u skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
( 73 ) Ara l-punti 10 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 74 ) Skont id-dispożizzjoni msemmija, ħlief f’ċerti każijiet li huma elenkati, meta, skont it-Trattati, il-Kunsill jiddeċiedi dwar proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jemenda l-proposta biss billi jiddeċiedi b’mod unanimu.
( 75 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:224, punt 189).
( 76 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill (C-643/15 u C-647/15, EU:C:2017:631, punt 148), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali jipprekludi lill-Kunsill Ewropew milli jemenda regola ta’ votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikatata, prevista mit-Trattati, billi jimponi fuq il-Kunsill, permezz ta’ linji gwida stabbiliti konformement mal-Artikolu 68 TFUE, regola ta’ votazzjoni bl-unanimità.
( 77 ) Ara, f’sens analogu, fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (45/86, EU:C:1987:163, punt 12) u tat-23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (68/86, EU:C:1988:85, punt 6).
( 78 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:224, punt 189). Ara, ukoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑28/12, EU:C:2015:43, punt 81).
Full & Egal Universal Law Academy