SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
14 ta’ Lulju 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttiva 2004/18/KE — Artikolu 53(2) — Kriterji ta’ għoti — Offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament — Metodu ta’ evalwazzjoni — Regoli ta’ evalwazzjoni — Obbligu tal-awtorità kontraenti li tippreċiża fis-sejħa għal offerti l-piż tal-kriterji ta’ għoti — Portata tal-obbligu”
Fil-Kawża C‑6/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Jannar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Jannar 2015, fil-proċedura
TNS Dimarso NV
vs
Vlaamse Gewest,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász (Relatur), C. Vajda u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Jannar 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għal TNS Dimarso NV, minn P. Flamey, G. Verhelst u A. Lippens, avukati,
—
għall-Gvern Belġjan, minn J.‑C. Halleux u N. Zimmer kif ukoll minn C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn R. Vander Hulst, D. D’Hooghe u N. Kiekens, avukati,
—
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u A. Tokár, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU L 134, p. 114), moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu.
2
Din it-talba kienet ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn TNS Dimarso NV (iktar ’il quddiem “Dimarso”) u Vlaams Gewest (reġjun ta’ Vlaanderen) dwar ir-regolarità tal-metodu ta’ evalwazzjoni tal-offerti tal-offerenti fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi organizzat minn din l-aħħar entità.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3
Il-premessa 46 tad-Direttiva 2004/18 tipprovdi li:
“Kuntratti għandhom jiġu assenjati fuq il-bażi ta’ kriterja oġġettiva li tassigura konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza, bla diskriminazzjoni u trattament ugwali u li tiggarantixxi illi l-offerti huma assessjati fuq il-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva. Bħala riżultat, huwa xieraq li [tiġi aċċettata] l-applikazzjoni ta’ [żewġ] kriterj[i] [ta’] l-għoti […] biss: ‘l-inqas prezz’ u ‘l-iktar offerta vantaġġjuża ekonomikament’.
Biex tassigura konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-għoti tal-kuntratti, huwa xieraq li tistipula obbligazzjoni – stabbilita b’każ legali [bil-ġurisprudenza] – biex tassigura t-trasparenza neċessarja sabiex tgħin lil dawk kollha li jitfgħu l-offerti biex ikunu infurmati tajjeb fuq il-kriterji u l-arranġamenti li se jkunu applikabbli biex tiġi identifikata l-aktar offerta vantaġġjuża ekonomikament. Għalhekk hija r-responsabbilità ta’ l-awtoritajiet kuntrattwali li jindikaw il-kriterja għall-għoti tal-kuntratt u l-importanza relevanti mgħotija lil kull kriterja f’ħin biżżejjed għal dawk li jitfgħu l-offerta ħalli jkunu konxju tagħhom meta jkunu qed jippreparaw l-offerti tagħhom. L-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jidderogaw milli jindikaw l-importanza għall-kriterja għall-assenjazzjoni f’każijiet ġustifikati li għalihom għandhom jagħtu r-raġunijiet, fejn l-importanza ma tistax tiġi stabbilita bil-quddiem, b’mod partikolari minħabba l-komplessità tal-kuntratt. F’każi bħal dawn, huma jridu jindikaw l-importanza tal-kriterja fl-ordni ta’ nżul.
Fejn l-awtoritajiet kuntrattwali jagħżlu li jassenjaw il-kuntratt għall-offerta l-aktar vantaġġjuża ekonomikament, huma għandhom jassessjaw l-offerti fl-ordni biex jiddeterminaw liema waħda toffri l-aħjar valur għall-flus. Sabiex isir dan, huma għandhom jiddeterminaw il-kriterji ekonomiċi u ta' kwalità li, jekk teħodha sħiħa, tista’ tkun possibli li tiġi determinata l-aktar offerta vantaġġjuża ekonomikament għall-awtorità kuntrattwali. Id-determinazzjoni ta’ dawn il-kriterji tiddependi fuq l-oġġett tal-kuntratt peress illi tħalli l-livell ta’ l-esekuzzjoni mgħoti minn kull offerta biex tiġi assessjata fid-dawl ta’ l-oġġett tal-kuntratt, kif definit fl-ispeċifikazzjonijiet Tekniċi, u l-valur tal-flus ta’ kull offerta tiġi mkejjla.
[…]”
4
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 jipprevedi:
“L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”
5
L-Artikolu 53 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kriterja għall-għoti tal-kuntratt”, jiddisponi:
“1. Mingħajr preġudizzju għal liġijiet nazzjonali, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw il-ħlas għal ċerti servizzi, il-kriterji li fuqhom l-awtoritajiet kontrattwanti għandhom jibbażaw l-għotja ta’ kuntratti pubbliċi għandhom ikunu jew:
(a)
meta l-għotja tingħata lil offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament skont l-opinjoni tal-awtoritajiet kontrattwanti, kriterji varji marbutin mal-kontenut suġġettiv tal-kuntratt pubbliku in kwistjoni, per eżempju, kwalità, prezz, mertu tekniku, karatteristiċiestetiċi u funzjonali, karattersitiċi ambjentali, spejjeż rikorrenti, effett ta’ spiża, servizz ta’ wara l-bejgħ u għajnunateknika, data tal-konsenja u perjodu ta’ konsenja jew perjodu ta’ tlestija, jew
(b)
l-aktar prezz baxx biss.
2 Mingħajr preġudizzju għall-disposizzjonijiet tat-tielet sub-paragrafu, fil-każ li sar riferiment għalih f'paragrafu 1(a) l-awtorità kontrattwanti għandha tispeċifika fl-avviż ta' kuntratt jew fid-dokumenti tal-kuntratt jew, fil-każ ta’ djalogu kompetittiv fid-dokument deskrittiv, il-piż relattiv li hi tagħti lil kull wieħed mill-kriterji magħżula biex tiġi determinata l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament.
Dawk il-piżijiet jistgħu jkunu espressi billi jiġi provdut rank b’firxa massima xierqa.
Meta, fl-opinjoni tal-awtorità kontraenti ma jkunx possibbli li jingħata piż għal raġunijiet li jistgħu jiġu pprovati, l-awtorità kontraenti għandha tindika fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew, fil-każ ta’ djalogu kompetittiv, fid-dokument deskrittiv, il-kriterji f’ordni għan-niżla ta’ importanza.”
Id-dritt Belġjan
6
L-Artikolu 16 tal-Liġi tal-24 ta’ Diċembru 1993, dwar il-kuntratti pubbliċi u ċerti kuntratti għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jiddisponi:
“F’sejħa għal offerti ġenerali jew limitata, il-kuntratt għandu jingħata lill-offerent li ssottometta l-offerta regolari l-iktar interessanti, fid-dawl tal-kriterji ta’ għoti li għandhom jissemmew fl-ispeċifikazzjonijiet speċifiċi tal-kuntratt jew, skont il-każ, fl-avviż tal-kuntratt. Il-kuntratt għandu jingħata lill-offerent li ppreżenta l-offerta regolari l-iktar vantuġġuża, fid-dawl tal-kriterji ta’ għoti li jissemmew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew, skont il-każ, fl-avviż tal-kuntratt. Il-kriterji ta’ għoti għandhom ikunu relatati mas-suġġett tal-kuntratt, pereżempju, il-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi, il-prezz, il-valur tekniku, in-natura estetika u funzjonali, il-karatteristiċi ambjentali, kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali u etika, l-ispiża għall-użu, il-profittabbiltà, is-servizzi pprovduti wara l-bejgħ u l-assitenza teknika, id-data tal-kunsinna jew l-eżekuzzjoni. […]”
7
Skont l-Artikolu 115 tad-Digriet Irjali tat-8 ta’ Jannar 1996 dwar kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi, u għall-konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża principali:
“L-awtorità kontraenti tagħżel l-offerta regolari li hija tqis l-iktar vantaġġuża skont il-kriterji varjabbli tal-kuntratt. […]
Bla ħsara għal-liġijiet, għar-regolamenti jew għad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar ir-remunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, l-awtorità kontraenti ssemmi fl-ispeċifikazzjonijiet speċifiċi tal-kuntratt u eventwalment fl-avviż ta’ kuntratt il-kriterji kollha ta’ għoti, fejn possibbli f’ordni għan-niżla ta’ importanza attribwit lilhom, dawk li l-ispeċifikazzjonijiet speċjali tal-kuntratt isemmi f’dan il-każ. Fin-nuqqas ta’ dan, il-kriterji ta’ għoti għandhom l-istess valur.
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8
Permezz ta’ sejħa għal offerti ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-31 ta’ Jannar 2012, ir-reġjun ta’ Vlaanderen ta bidu għal proċedura ta’ sejħa għal offerti sabiex jikkonkludi kuntratt pubbliku għal servizzi, intitolat, “Woonsurvey 2012: survey naar de woning en de woonconsument in Vlaanderen”, li kellu l-għan li jitwettaq studju fuq skala kbira fuq l-akkomodazzjoni u l-konsumaturi ta’ akkomodazzjoni fi Vlaanderen (il-Belġju). L-ispiża ta’ dan il-kuntratt kienet stmata li tlaħħaq EUR 1400000, taxxa fuq il-valur (VAT) inkluża.
9
Is-sejħa għal offerti ta’ dan il-kuntratt kienu jsemmu dawn iż-żewġ kriterji ta’ għoti li ġejjin:
“1 Kwalità tal-offerta (50/100)
Kwalità tal-preparazzjoni, tal-organizzazzjoni u tal-eżekuzzjoni tax-xogħol fuq is-sit, tal-kodifikazzjoni u tal-ewwel trattament tad-data. Is-servizzi proposti għandhom jiġu deskritti b’mod kemm jista’ jkun iddettaljat. Għandu jirriżulta ċar mill-offerta li l-offerent jista’ jassumi t-totalità tal-kuntratt (minimu ta’ 7000 unitajiet ta’ kampjuni/massimu ta’ 10000 unitajiet ta’ kampjuni) fit-terminu ta’ tnax-il xahar previst għall-eżekuzzjoni.
2 Prezz (50/100)
L-ispiża tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt għall-kampjuni bażi (7000 unitajiet ta’ kampjuni) u l-ispiża għal porzjoni ta’ 500 indirizzi supplementari mqegħda għad-dispożizzjoni (l-ammonti bil-VAT inkluż).”
10
Erba’ offerenti kienu ssottomettew offerti li, skont ir-rapport dwar l-għażla kwalitattiva, kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi fil-qasam ta’ kompetenza teknika. Il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-offerti kien ġie espost kif ġej fir-rapport ta’ għoti tat-23 ta’ Marzu 2012:
“Il-kumitat kien imbagħad għadda għall-evalwazzjoni tal-offerti.
L-erba’ offerti kienu ġew evalwati u pparagunati bejniethom fuq il-bażi tal-kriterji msemmija hawn fuq. L-offerti ġew qabel xejn eżaminati u evalwati fuq il-bażi tal-kriterju tal-‘kwalità’. Kull waħda mill-offerti ngħatat, bl-unanimità, punteġġ determinat (tajjeb ħafna – sodisfaċenti – livell baxx). Imbagħad ġie applikat il-kriterju tal-prezz.
Finalment ġiet stabbilita klassifika fuq il-bażi ta’ dan il-punteġġ.”
11
Jirriżulta mir-rapport ta’ għoti li, f’dak li jikkonċerna l-ewwel kriterju, jiġifieri l-kwalità tal-offerti, Dimarso u żewġ offerenti oħra kisbu n-nota “tajjeb ħafna” u r-raba’ offerent kiseb in-nota “livell baxx”. F’dak li jikkonċerna t-tieni kriterju, jiġifieri l-prezz, ir-rapport ta’ għoti jinkludi l-indikazzjonijiet li jmiss:
“Ħarsa ġenerali:
Il-ħarsa ġenerali li ġejja turi, minn naħa, il-prezz għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt bażi (7000 unitajiet ta’ kampjuni) u, min-naħa l-oħra, l-eżekuzzjoni tal-intervisti mwettqa fi gruppi ta’ 500 (prezz bil-VAT inkluż):OffertaKriterju 2(a) – Prezz (VAT inkluż) kampjun bażi (N=7 000)Kriterju 2(b) – Prezz (VAT inkluż) grupp ta’ 500 kampjun supplimentari[Dimarso]987 360.00 [EUR]69 575.00 [EUR]Ipsos Belgium NV913 570.00 [EUR]55 457.00 [EUR]New Information & Data NV842 607.70 [EUR]53 240.00 [EUR]Significant GfK NV975 520.15 [EUR]57 765.40 [EUR]”
12
Bl-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kriterji, il-klassifika finali tal-offerenti fir-rapport ta’ għoti kien li jmiss:
“Klassifikazzjoni
Offerta
Kriterju 1
Kriterju 2(a)
Kriterju 2(b)
1
Ipsos Belgium
tajjeb ħafna
913 570.00 [EUR]
55 457.00 [EUR]
2
Significant GfK
tajjeb ħafna
975 520.15 [EUR]
57 765.40 [EUR]
3
[Dimarso]
tajjeb ħafna
987 360.00 [EUR]
69 575.00 [EUR]
4
New Information & Data
livell baxx
842 607.70 [EUR]
53 240.00 [EUR]”
13
Permezz tad-deċiżjoni tar-reġjun ta’ Vlaanderen tal-11 ta’ April 2012, il-kuntratt ġie mogħti, mill-ministru ta’ Vlaanderen għall-enerġija, għas-settur tal-abitazzjoni, għall-ibliet u għall-ekonomija soċjali, lil Ipsos Belgium. Ir-rikors ta’ Dimarso, ippreżentat fl-14 ta’ Ġunju 2012, huwa intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tidher li eżaminat l-offerti fuq il-bażi tal-kunsiderazzjoni “tajjeb ħafna – sodisfaċenti – livell baxx” li ma humiex imsemmija fis-sejħa għal offerti fir-rigward tal-kriterju tal-kwalità tal-offerti, u fuq il-bażi tal-komponenti “prezz” indikati f’dak li jikkonċerna l-kriterju tal-prezz, mingħajr eżami, paragun u evalwazzjoni finali adegwata tal-offerti billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji ta’ għoti kif inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet, inkluż il-kunsiderazzjoni ta’ “50/100” għal kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti kif ippreċiżati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
14
Ir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Belġju) jirrileva li kemm fil-premessa 46 kif ukoll fl-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 2004/18, jissemmew biss il-“kriterji” u l-“piż relattiv” ta’ dawn il-kriterji, peress illi l-metodu ta’ evalwazzjoni u r-regoli ta’ evalwazzjoni mkien ma jissemmew espressament. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-għażla ta’ metodu ta’ evalwazzjoni ma huwiex newtru, imma għall-kuntrarju jista’ jkun determinanti għar-riżultat tal-evalwazzjoni tal-offerti fuq il-bażi tal-kriterji ta’ għoti. F’dan ir-rigward hija tagħti bħala eżempju l-kriterju ta’ għoti tal-prezz, li fil-qafas tiegħu l-awtorità kontraenti tista’ tagħżel jew l-applikazzjoni tar-regola ta’ proporzjonalità, jew l-għoti tal-punteġġ massimu għall-offerta l-iktar baxxa jew li ma tagħti l-ebda punti lill-ogħla offerta u l-applikazzjoni ta’ interpolazzjoni lineari għall-offerti intermedji, jew tiffavorixxi sal-massimu l-offerta korrispondenti għall-prezz medju.
15
Fis-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et (C‑532/06, EU:C:2008:40, punti 38, 44 kif ukoll 45), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322), dispożizzjoni essenzjalment simili għall-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 2004/18, jipprekludi lill-awtorità kontraenti milli tiffissa, wara l-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew tal-avviż ta’ kuntratt, koeffiċjenti jew regoli ta’ evalwazzjoni kif ukoll subkriterji għall-kriterji ta’ għoti msemmija f’dokument wieħed jew ieħor, meta dawn ir-regoli u dawn il-koeffiċjenti ta’ kunsiderazzjoni kif ukoll dawn is-subkriterji ma kinux ġew mgħarrfa minn qabel lill-offerenti. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li huwa l-iffissar ex post mhux biss tal-“koeffiċjenti ta’ evalwazzjoni” iżda wkoll tas-“subkriterji”, li huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.
16
Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kwistjoni f’din il-kawża hija jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ din ir-referenza supplimentari għas-“subkriterji”, kinitx ukoll qed tinkludi l-mod kif saret il-klassifikazzjoni tal-kriterji ta’ għoti, li jixbhu regoli ta’ evalwazzjoni. Konsegwentement, ma huwiex faċli li tiċħad l-argument li l-Qorti tal-Ġustizzja, bl-użu tal-kunċett ta’ “subkriterji”, kienet qed tinkludi wkoll il-metodu ta’ evalwazzjoni. Madankollu, ma huwiex iktar ċar minn dak li jirriżulta mis-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et (C‑532/06, EU:C:2008:40), li l-metodu ta’ evalwazzjoni nnifsu għandu wkoll jiġi kkomunikat lill-offerenti, u wisq inqas li dan il-metodu għandu dejjem jiġi stabbilit minn qabel. Fi kwalunkwe każ, ikun possibbli li jiġi konkluż li l-kwistjoni mqajma fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma kinitx tikkonċerna speċifikament l-iffissar a posteriori ta’ metodu ta’ evalwazzjoni u li għaldaqstant ma kellhiex l-istess portata bħad-domanda magħmula f’din il-kawża.
17
Skont il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma indirizzat espliċitament dan il-punt fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Lulju 2011, Evropaïki Dynamiki vs EMSA (C‑252/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:512), fejn, b’riferiment għas-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et (C‑532/06, EU:C:2008:40), hija tinsisti fuq il-fatt li l-legalità tal-użu ta’ subkriterji u l-ikkunsidrar rispettiv tagħhom għandu dejjem jiġi kkunsidrat fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu. Għalhekk, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, dawn is-sentenzi ma jipprovdux risposta, jew għall-inqas l-ebda risposta deċiżiva għall-kwistjoni li tqum fil-kawża prinċipali, li hija l-kwistjoni dwar jekk il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-offerti, jiġifieri l-metodu konkret li l-awtorità kontraenti tuża sabiex tevalwa dawn l-offerti, għandux jiġu wkoll ikkomunikat minn qabel lill-offerenti.
18
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 2004/18[…],meħud waħdu u moqri flimkien mal-portata tal-prinċipji tad-dritt Ewropew ta’ ugwaljanza u ta’ trasparenza fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk il-kuntratt jingħata lill-offerent li l-offerta tiegħu hija, fil-fehma tal-awtorità kontraenti, l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża, l-awtorità kontraenti hija dejjem meħtieġa tistabbilixxi minn qabel u tinkludi fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt il-metodu ta’ evalwazzjoni jew ir-regoli ta’ ponderazzjoni, irrispettivament mill-prevedibbiltà tagħhom, min-natura abitwali tagħhom jew mill-portata tagħhom, li fuq il-bażi tagħhom l-offerti huma evalwati skont il-kriterji u s-subkriterji tal-għoti,
jew,
jekk ma hemmx obbligu ġenerali simili, fis-sens li hemm ċirkustanzi, bħal b’mod partikolari l-portata, in-nuqqas ta’ prevedibbiltà jew in-natura inabitwali ta’ dawn ir-regoli ta’ ponderazzjoni, fejn tali obbligu huwa applikabbli?”
Fuq id-domanda preliminari
19
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 2004/18, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu, għandux jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi li għandu jingħata skont il-kriterju tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti, din tal-aħħar hijiex dejjem meħtieġa li tgħarraf lill-offerenti potenzjali, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt relatati mal-kuntratt inkwistjoni, il-metodu ta’ evalwazzjoni jew tar-regoli ta’ evalwazzjoni li fuq il-bażi tagħhom l-offerti ser jiġu evalwati skont il-kriterji ta’ għoti ppubblikati f’dawn id-dokumenti jew, fin-nuqqas ta’ tali obbligu ġenerali, jekk iċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-suq inkwistjoni jistgħux jimponu tali obbligu.
20
Sabiex tagħti risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li, meta l-awtorità kontraenti tagħżel li tagħti kuntratt lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, konformement mal-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 2004/18, hija għandha tippreċiża fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-kunsiderazzjoni li tagħti lil kull wieħed mill-kriterji ta’ għażla sabiex tiddetermina l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Dawk il-piżijiet jistgħu jkunu espressi billi tiġi pprovduta klassifika fejn id-differenza massima tkun waħda xierqa. Meta, fl-opinjoni tal-awtorità kontraenti ma jkunx possibbli li jingħata piż għal raġunijiet li jistgħu jiġu pprovati, l-awtorità kontraenti għandha tindika fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew, fil-każ ta’ djalogu kompetittiv, fid-dokument deskrittiv, il-kriterji f’ordni għan-niżla ta’ importanza.
21
Dawn ir-rekwiżiti, hekk kif ippreċiżat fil-premessa 46 tad-Direttiva 2004/18, jiżguraw lil kull offerent li jkunu mgħarrfa raġonevolment bil-kriterji u l-modalitajiet li sejrin jiġu applikati biex jidentifikaw l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Barra minn hekk, huma jimplementaw id-dmir tal-awtoritajiet kontraenti previst fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li dawn għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi b’ugwaljanza, b’mod nondiskriminatorju u li dawn għandhom jaġixxu bi trasparenza.
22
Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza jfissru, b’mod partikolari, li l-offerenti għandhom ikunu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza kemm meta jkunu qegħdin jippreparaw l-offerti tagħhom kif ukoll meta dawn jiġu evalwati mill-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2005, ATI EAC u Viaggi di Maio et, C‑331/04, EU:C:2005:718, punt 22, kif ukoll tal-24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin, C‑396/14, EU:C:2016:347, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan u l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi għandhom ikunu ddeterminati b’mod ċar mill-bidu tal-proċedura għall-għoti ta’ dawn il-kuntratti (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑368/10, EU:C:2012:284, punt 56) u li awtorità kontraenti ma tistax tapplika, għall-kriterji ta’ għoti, subkriterji li ma jkunux ġew mgħarrfa minn qabel lill-offerenti (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Evropaïki Dynamiki vs EMSA, C‑252/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:512, punt 31). Bl-istess mod, l-awtorità kontraenti għandha tagħmel użu mill-istess interpretazzjoni tal-kriterji ta’ għoti matul il-proċedura kollha (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C‑19/00, EU:C:2001:553, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24
Dawn ir-rekwiżiti japplikaw, bħala prinċipju, mutatis mutandis għall-obbligu tal-awtoritajiet kontraenti li jindikaw, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-“piż relattiv” ta’ kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li awtorità kontraenti ma tistax tapplika, bħala prinċipju, regoli ta’ evalwazzjoni, li ma jkunux ġew mgħarrfa minn qabel lill-offerenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et, C‑532/06, EU:C:2008:40, punti 38 u 42).
25
B’mod partikolari, il-piż relattiv ta’ kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti għandu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 2004/18, jiġi stabbilit b’mod ċar mill-bidu tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, li għalhekk jippermetti lill-offerenti jiddeterminaw b’mod oġġettiv l-importanza konkreta ta’ kriterju ta’ għoti fir-rigward ta’ ieħor matul l-evalwazzjoni sussegwenti tagħhom mill-awtorità kontraenti. Bl-istess mod, il-piż relattiv ta’ kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti ma jistax jinbidel matul il-proċedura kollha.
26
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li huwa possibbli għal awtorità kontraenti li tiddetermina, wara l-iskadenza tat-terminu tas-sottomissjoni tal-offerti, il-koeffiċjenti ta’ evalwazzjoni għas-subkriterji li jikkorrispondu essenzjalment għall-kriterji li bihom kienu ġew informati minn qabel l-offerenti, taħt tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li din id-determinazzjoni ex post, l-ewwel nett, ma tbiddilx il-kriterji ta’ għoti ddefiniti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż tal-kuntratt, it-tieni nett, ma tinkludix elementi li, kieku ġew magħrufa fil-preparazzjoni tal-offerti, setgħu jaffettwaw din il-preparazzjoni, u t-tielet nett, ma ġietx adottata fuq il-bażi ta’ elementi li seta’ jkollhom effett diskriminatorju fuq wieħed mill-offerenti (ara sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Evropaïki Dynamiki vs EMSA, C‑252/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:512, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27
Madankollu, la l-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 2004/18 u lanqas l-ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ma jistabbilixxu obbligu għall-awtorità kontraenti li tinforma lill-offerenti potenzjali, permezz ta’ pubblikazzjoni fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, bil-metodu ta’ evalwazzjoni applikat mill-awtorità kontraenti sabiex tevalwa u tikklassifika l-offerti konkretament fid-dawl tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt u tal-piż relattiv tagħhom stabbilit minn qabel fid-dokumentazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni.
28
Tali obbligu ġenerali ma jirriżultax mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
29
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kumitat ta’ evalwazzjoni għandu jkollu ċerta libertà fil-qadi ta’ dmirijietu u, għaldaqstant, jista’, mingħajr ma jibdel il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż tal-kuntratt, jistruttura l-ħidma tiegħu stess f’dak li jirrigwarda l-eżami u l-analiżi tal-offerti ssottomessi (ara sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Evropaïki Dynamiki vs EMSA, C‑252/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:512, punt 35).
30
Din il-libertà hija ġġustifikata wkoll permezz ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura prattika. L-awtorità kontraenti għandha tkun tista’ tadatta l-metodu ta’ evalwazzjoni li ser tapplika sabiex tevalwa u tikklassifika l-offerti fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża.
31
Konformement mal-prinċipji li jirregolaw il-proċedura għall-għoti tal-kuntratti previst mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, u sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ favoritiżmu, il-metodu ta’ evalwazzjoni applikat mill-awtorità kontraenti sabiex tevalwa u tikklassifika l-offerti konkretament, bħala prinċipju, jiġi biss iddeterminat wara l-ftuħ tal-offerti mill-awtorità kontraenti. Madankollu, fil-każ li d-determinazzjoni ta’ dan il-metodu ma jkunx possibbli għal raġunijiet li jistgħu jiġu pprovati qabel dan il-ftuħ, hekk kif irrilevat mill-Gvern Belġjan, ma jistax jiġi kkritikat lill-awtorità kontraenti li tkun biss iffissathom wara dan, jew li l-kumitat ta’ evalwazzjoni sar jaf bil-kontenut tal-offerti.
32
Fi kwalunkwe każ, konformement mal-prinċipji li jirregolaw l-għoti tal-kuntratti u dak li ġie kkonstatat fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza, l-istabbiliment mill-awtorità kontraenti tal-metodu ta’ evalwazzjoni wara l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt jew tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jistax ikollu l-effett li jbiddel il-kriterji ta’ għoti u l-piż relattiv tagħhom.
33
F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-proċedura ta’ għoti inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax l-obbligi li jiiriżultaw mill-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 2004/18, sakemm, minn naħa, l-awtorità kontraenti tkun indikat biss fis-sejħa għal offerti, żewġ kriterji ta’ għoti, jiġifieri l-kwalità u l-prezz, kull wieħed minnhom bl-indikazzjoni “(50/100)” u li, min-naħa l-oħra, il-kumitat ta’ evalwazzjoni uża skala li tmur minn “tajjeb ħafna” għal “livell baxx” u bejnietthom “sodisfaċenti”, għall-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-kwalità tal-offerti mingħajr ma tkun ġiet użata skala għall-kriterju ta’ għoti fir-rigward tal-prezz.
34
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ż-żewġ indikazzjonijiet “(50/100)” ifissru, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li ż-żewġ kriterji ta’ għoti għandhom l-istess importanza.
35
Madankollu, jidher li dan il-proċess ma jippermettix li jirrifletti, fl-ikklassifikar tal-offerenti sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar ekonomikament vantaġġuża, differenzi fil-kwalità tal-offerti tagħhom meta mqabbla mal-prezz ta’ dawn fl-osservanza tal-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti previst mill-indikazzjoni “(50/100)”. B’mod partikolari, jidher li din il-proċedura tista’ taffettwa l-kriterju tal-prezz billi tagħti lil dan piż deċiżiv fir-rigward tal-offerti kklassifikati fl-iskala ta’ kwalità msemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-piż relattiv ta’ kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti ppubblikat fl-avviż tal-kuntratt ġiex effettivament osservat mill-awtorità kontraenti matul l-evalwazzjoni tal-offerti.
36
Jekk huwa possibbli għall-awtorità kontraenti li tuża skala għall-evalwazzjoni ta’ wieħed mill-kriterji ta’ għoti mingħajr ma dan ikun ippubblikat fis-sejħa għal offerti jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, dan madankollu ma jistax ikollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, effett li jibdel il-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti ppubblikati f’din id-dokumentazzjoni.
37
Konsegwentement, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 2004/18, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu, għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi li għandu jingħata skont il-kriterju tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti, din tal-aħħar ma hijiex meħtieġa li tgħarraf lill-offerenti potenzjali, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt relatati mal-kuntratt inkwistjoni, il-metodu ta’ evalwazzjoni applikat mill-awtorità kontraenti sabiex tevalwa u tikklassifika konkretament l-offerti. Min-naħa l-oħra, dan il-metodu ma għandux l-effett li jbiddel il-kriterji ta’ għoti u l-piż relattiv tagħhom.
Fuq l-ispejjeż
38
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu, għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi li għandu jingħata skont il-kriterju tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti, din tal-aħħar ma hijiex meħtieġa li tgħarraf lill-offerenti potenzjali, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt relatati mal-kuntratt inkwistjoni, il-metodu ta’ evalwazzjoni applikat mill-awtorità kontraenti sabiex tevalwa u tikklassifika konkretament l-offerti. Min-naħa l-oħra, dan il-metodu ma għandux l-effett li jbiddel il-kriterji ta’ għoti u l-piż relattiv tagħhom.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy