SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
6 ta’ April 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2011/64/UE — Artikolu 2(1)(c) — Artikolu 5(1)(a) — Kunċetti ta’ ‘tabakk għat-tipjip’, ta’ ‘tabakk li ġie mqatta’ jew maqsum’ u ta’ ‘ipproċessar industrijali’”
Fil-Kawża C-638/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura
Eko-Tabak s. r. o.
vs
Generální ředitelství cel,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għall-Gvern Ċek, minn T. Müller, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,
—
għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas, bħala aġent,
—
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Tomat u Z. Malůšková, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE, tal-21 ta’ Ġunju 2011, dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (ĠU 2011 L 176, p. 24).
2
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Eko-Tabak s. r. o. u Generální ředitelství cel (direttorat ġenerali tad-dazji doganali, ir-Repubblika Ċeka), fir-rigward tal-ikkonfiskar ta’ prodotti meqjusa bħala tabakk immanifatturat suġġett għad-dazju tas-sisa.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3
Il-premessi 2, 3, 8 u 9 tad-Direttiva 2011/64 jiddikjaraw:
“(2)
Jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni dwar il-prodotti tat-tabakk tiżgura t-tħaddim tajjeb tas-suq intern u, fl-istess ħin, livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa, kif rikjest mill-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, meta jitqies li l-prodotti tat-tabakk jistgħu jikkawżaw dannu serju għas-saħħa u li l-Unjoni hija Parti fil-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC). Għandu jittieħed kont tal-qagħda prevalenti għal kull wieħed mit-tipi varji ta’ tabakk manifatturat.
(3)
Wieħed mill-għanijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huwa li jimmantjeni unjoni ekonomika, li l-karatteristiċi tagħha huma simili għal dawk ta’ suq domestiku, fejn hemm kompetizzjoni attiva. Fejn jidħol tabakk manifatturat, l-intenzjoni wara dan il-għan hija biex l-applikazzjoni fl-Istati Membri tat-taxxi li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti f’dan is-settur ma toħloqx distorsjoni fil-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni u ma tfixkilx il-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni.
[…]
(8)
Fl-interess ta’ tassazzjoni uniformi u ġusta, definizzjoni ta’ sigaretti, sigarri u sigarri żgħar u ta’ tabakk ieħor għat-tipjip għandha tkun stabbilita sabiex, rispettivament, rombli tat-tabakk li skont it-tul tagħhom jistgħu jiġu kkunsidrati żewġ sigaretti jew aktar jiġu ttrattati bħala żewġ sigaretti jew aktar għall-finijiet ta’ sisa, tip ta’ sigarru li huwa simili f’ħafna modi għas-sigarett jiġi ttrattat bħala sigarett għall-finijiet ta’ sisa, tabakk għat-tipjip li huwa simili f’ħafna modi għat-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti jiġi ttrattat bħala tabakk imqatta’ fin għall-finijiet ta’ sisa, u l-iskart tat-tabakk ikun definit b’mod ċar. […]
(9)
Sa fejn dazji tas-sisa huma kkonċernati, l-armonizzazzjoni tal-istrutturi għandha, b’mod partikolari, tirriżulta f’kompetizzjoni fid-diversikategoriji ta’ tabakk manifatturat li jiffurmaw parti mill-istess grupp li ma ġġarrabx distorsjoni bl-effetti tal-imposizzjoni tat-taxxa u, konsegwentement, fil-ftuħ tas-swieq nazzjonali tal-Istati Membri.”
4
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi prinċipji ġenerali għall-armonizzazzjoni tal-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa li l-Istati Membri jimponu fuq it-tabakk manifatturat.”
5
l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva tabakk manifatturat għandu jfisser:
a)
sigaretti;
b)
sigarri u sigarillos;
c)
tabakk għat-tipjip:
i)
tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti;
ii)
tabakk ieħor għat-tipjip.”
6
L-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:
“1. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva tabakk għat-tipjip ifisser:
a)
tabakk li gie mqatta’ jew maqsum [mod ieħor], mdawwar jew ippressat f’forma ta’ kaxxi u jista’ jintuża għat-tipjip mingħajr ipproċessar industrijali ulterjuri;
b)
skart tat-tabakk impoġġi għall-bejgħ bl-imnut li ma jaqax taħt l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4 u li jista’ jiġi mpejjep. Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, skart tat-tabakk għandu jiġi kkunsidrat bħala fdal mill-weraq tat-tabakk u prodotti sekondarji miksuba mill-ipproċessar tat-tabakk jew mill-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk.
2. Tabakk għat-tipjip fejn aktar minn 25 % tal-piż tal-biċċiet żgħar tat-tabakk għandhom wisgħa maqsum ta’ anqas minn [1.5] millimetru għandu jiġi meqjus bħala tabakk imqatta’ fin għall-brim tas-sigaretti.
[…]”
Id-dritt Ċek
7
L-Artikolu 101 taż-zákon č. 353/2003 Sb., o spotřebních daních (Liġi Nru 353/2003 dwar id-dazji tas-sisa), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-dazji tas-sisa”), intitolat “[i]t-tabakk immanifatturat suġġett għat-taxxa”, jipprovdi:
1) It-tabakk immanifatturat għandu jkun suġġett għat-taxxa.
2) Għall-finijiet ta’ din il-liġi, tabakk immanifatturat ifisser sigaretti, sigarri, sigarillos u tabakk għat-tipjip.
3) Għall-finijiet ta’ din il-liġi
[…]
c)
tabakk għat-tipjip ifisser
1.
tabakk imqatta’ jew maqsum mod ieħor, mibrum jew ippressat fi blokki u li jista’ jitpejjep mingħajr ipproċessar industrijali ulterjuri;
2.
skart tat-tabakk ipproċessat għall-bejgħ lill-konsumatur finali li ma jaqax taħt is-subparagrafi (a) jew (b) u li jista’ jitpejjep;
3.
tabakk għat-tipjip fejn iktar minn 25 % tal-piż tal-biċċiet żgħar tat-tabakk għandhom wisgħa maqsum ta’ inqas minn 1.5 millimetru; dan huwa tabakk imqatta’ fin għall-brim tas-sigaretti.
[…]
6) Għall-finijiet ta’ din il-liġi, tabakk għat-tipjip ifisser ukoll il-prodotti komposti għalkollox jew parzjalment minn sustanzi oħra minbarra t-tabakk u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra ddikjarati fis-subparagrafu 3(c), bl-eċċezzjoni tal-prodotti msemmija fis-subparagrafu 8, jew kull prodott mhux imsemmi fis-subparagrafu 3(c) li, mingħajr ma jkun intiż għat-tipjip, jista’ xorta waħda jkun u huwa pproċessat biex jinbiegħ lill-konsumatur finali.
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8
Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2013, ikkonfermata fid-29 ta’ Mejju 2014, is-Celní úřad pro Jihočeský kraj (uffiċċju doganali reġjonali ta’ Jihočeský kraj, ir-Repubblika Ċeka) ordnat il-konfiska ta’ ċertu numru ta’ prodotti fil-pussess ta’ Eko-Tabak, minħabba li dawn kienu jikkostitwixxu tabakk għat-tipjip fis-sens tal-Artikolu 101(6) tal-Liġi dwar id-dazji tas-sisa u, sussegwentement, kienu suġġetti għad-dazju tas-sisa. Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dawn il-prodotti huma weraq tat-tabakk imnixxfin, iċċattjati, b’parti irregolari li z-zokk tagħhom tneħħa parzjalment, li għaddew minn proċess ta’ tnixxif primarju u ta’ umidifikazzjoni kkontrollata ulterjuri, li jinkludu gliċerina li tippermetti li tinżamm l-umdità u l-elastiċità tal-weraq bil-għan li jiġi evitat li dawn jinqasmu matul il-manipolazzjoni u li, mingħajr ma jkunu intiżi għat-tipjip, jistgħu jkunu wara li jkun sar ipproċessar elementari li jikkonsisti, pereżempju, fid-dħin jew fit-tqattigħ tagħhom bl-idejn. Dawn il-prodotti kienu, kollettivament, intiżi għall-bejgħ lill-konsumatur finali.
9
Eko-Tabak ippreżentat azzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Krajský soud v Českých Budějovicích (qorti reġjonali ta’ České Budějovice, ir-Repubblika Ċeka), fejn sostniet li d-definizzjoni tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 101(6), tal-Liġi dwar id-dazji tas-sisa kienet twessa’ b’mod inaċċettabbli l-lista tat-tabakk immanifatturat imsemmi fid-Direttiva 2011/64.
10
Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2015, din il-qorti ċaħdet l-appell ta’ Eko-Tabak billi qieset li d-definizzjoni prevista fl-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 101(6) tal-Liġi dwar id-dazji tas-sisa ma teċċedix il-limiti tad-Direttiva 2011/64, inkwantu l-ispirtu u l-għan ta’ din tal-aħħar huma intiżi li jissuġġettaw għad-dazju tas-sisa l-prodotti li, mingħajr ma jkunu intiżi għat-tipjip, jistgħu xorta waħda jkunu kif ukoll li l-leġiżlazzjoni fiskali jew id-dritt tal-Unjoni ma jiġux evitati.
11
Eko-Tabak ippreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem in-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema, ir-Repubblika Ċeka). Din il-kumpannija ssostni b’mod partikolari li d-Direttiva 2011/64 ma tinkludi ebda kategorija ta’ tabakk immanifatturat li jikkorrispondi għal dak previst fl-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 101(6) tal-Liġi dwar id-dazji tas-sisa u li l-kundizzjoni li l-prodott ikkonċernat jista’ jitpejjep għandu jiġi sodisfatt mill-mument li dan il-prodott jinħażen fil-ħanut bil-għan li jinbiegħ. Barra minn hekk, ma jkunx biżżejjed li prodott tat-tabakk jista’ jiġi mpejjep biex ikun jista’ jitqies bħala tabakk immanifatturat, fis-sens ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, il-kundizzjoni li skontha l-prodott ikkonċernat jista’ jiġi mpejjep huwa biss wieħed mill-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti minn prodott tat-tabakk sabiex dan ikun jista’ jiġi kkwalifikat bħala “tabakk għat-tipjip” fis-sens tal-imsemmija direttiva.
12
Filwaqt li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 101 tal-Liġi dwar id-dazji tas-sisa għandu bħala għan li jittrasponi fl-ordinament ġuridiku Ċek l‑Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva 2011/64, in-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema) tesprimi dubji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux tabakk immanifatturat li għalih għandha tapplika din id-direttiva. Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda, hija tixtieq issir taf jekk l-Artikoli 2 u 5 tal-imsemmija direttiva jipprekludux li Stat Membru jissuġġetta tali prodotti għad-dazju tas-sisa.
13
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni la dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(c)(ii) u lanqas dwar dik tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/64, fir-rigward tal-kunċett ta’ “tabakk għat-tipjip”.
14
Il-qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li t-tabakk immanifatturat, fis-sens tad-Direttiva 2011/64, huwa kkaratterizzat prinċipalment mill-fatt li jista’ jiġi mpejjep. Din il-karatteristika tippermetti wkoll li jiġu ddefiniti l-gruppi jew tipi differenti ta’ tabakk immanifatturat.
15
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1)
Weraq tat-tabakk imnixxfin, iċċattjati, b’parti irregolari, li z-zokk tagħhom tneħħa parzjalment, li għaddew minn proċess ta’ tnixxif primarju u ta’ umidifikazzjoni kkontrollata ulterjuri, li [jinkludu l-gliċerina] u li jistgħu jitpejpu wara trasformazzjoni elementari (li tikkonsisti fid-dħin jew it-tqattiegħ tagħhom bl-idejn), jistgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu, totalment jew parzjalment, tabakk immanifatturat fis-sens tal-Artikolu 2(1)(c)(ii) jew tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva [2011/64]?
(2)
F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 5, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2011/64], jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta wkoll għad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk immanifatturat, tabakk li mhux imsemmi fl-Artikoli 2 u 5 [tal-istess direttiva], li, mingħajr ma jkun intiż għat-tipjip, jista’ madankollu jitpejjep (huwa ta’ natura jew tajjeb għat-titjip) u li huwa ttrasformat biex jinbiegħ lill-konsumatur finali?”
Fuq id-domandi preliminari
16
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(c) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/64 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li weraq tat-tabakk imnixxfin, iċċattjati, b’parti irregolari, li z-zokk tagħhom tneħħa parzjalment, li għaddew minn proċess ta’ tnixxif primarju u ta’ umidifikazzjoni kkontrollata ulterjuri, li jinkludu l-gliċerina u li jistgħu jitpejpu wara pproċessar elementari li tikkonsisti fid-dħin jew it-tqattigħ tagħhom bl-idejn, jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “tabakk għat-tipjip”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
17
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2011/64 għandha bħala għan li tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tal-armonizzazzjoni tal-istrutturi u tar-rati ta’ dazju tas-sisa li għalih l-Istati Membri jissuġġettaw it-tabakk immanifatturat. Għaldaqstant din id-direttiva taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni applikabbli għall-prodotti tat-tabakk, leġiżlazzjoni li, skont il-premessa 2 tal-imsemmija direttiva, għandha bħala għan li tiżgura l-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern, u fl-istess waqt, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa.
18
Barra minn hekk, mill-premessa 3 tad-Direttiva 2011/64, jirriżulta wkoll li din għalhekk tfittex li tiżgura li l-applikazzjoni, fi ħdan l-Istati Membri, tat-taxxi li jaffettwaw il-konsum tal-prodotti tas-settur tat-tabakk immanifatturat ma toħloqx distorsjoni fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u ma tfixkilx il-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti fi ħdan l-Unjoni. B’mod partikolari, huwa essenzjalment indikat fil-premessa 8 ta’ din id-direttiva li l-prodotti li minn numru ta’ aspetti jixbħu l-prodotti li jaqgħu taħt l-imsemmija direttiva għandhom jiġu ttrattati bħalhom, filwaqt li l-premessa 9 ta’ din l-istess direttiva tiddikjara li l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa għandu jkollha bħala effett li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni tal-kategoriji differenti ta’ tabakk immanifatturat li jappartjeni għall-istess grupp minħabba l-effetti tat-tassazzjoni u li, permezz tagħha jseħħ il-ftuħ tas-swieq nazzjonali tal-Istati Membri.
19
L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/64 jikklassifika fi tliet kategoriji t-tabakk immanifatturat suġġett għall-armonizzazzjoni msemmija minn din id-direttiva, fejn l-ewwel waħda tirrigwarda s-sigaretti, it-tieni waħda s-sigarri u s-sigarillos, it-tielet waħda t-tabakk għat-tipjip.
20
B’mod iktar partikolari, fir-rigward tat-tabakk għat-tipjip, mill-kliem tal-Artikolu 2(1)(c)(i) u (ii) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din il-kategorija tinqasam f’żewġ sottokategoriji, intitolati, rispettivament “tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti” u “tabakk ieħor għat-tipjip”.
21
Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 2011/64 jiddefinixxi l-kunċetti, rispettivament, ta’ “tabakk għat-tipjip” u ta’ “tabakk imqatta’ fin għall-brim tas-sigaretti”. B’hekk, l-ewwel wieħed minn dawn il-kunċetti jinkludi kemm it-“tabakk li gie mqatta’ jew maqsum [mod ieħor], mdawwar jew ippressat f’forma ta’ kaxxi u jista’ jintuża għat-tipjip mingħajr ipproċessar industrijali ulterjuri” kif ukoll l-“[i]skart tat-tabakk impoġġi għall-bejgħ bl-imnut li ma jaqax taħt [id-definizzjoni ta’ sigaretti jew taħt dik ta’ sigarri jew sigarillos], u li jista’ jiġi mpejjep”.
22
F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-prodotti tat-tabakk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħu la taħt il-kunċett ta’ “tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(c)(i) u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/64, u lanqas taħt dak ta’ “skart tat-tabakk”, fis-sens tal-Artikol 5(1)(b) ta’ din id-direttiva.
23
Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-prodotti jaqgħux taħt is-sottokategorija “tabakk ieħor għat-tipjip”, imsemmi fl-Artikolu 2(1)(c)(ii) tad-Direttiva 2011/64, jeħtieġ li jiġu eżaminati jekk dawn jikkostitwixxux “tabakk għat-tipjip”, fid-dawl tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 5(1)(a) ta’ din id-direttiva.
24
Fid-dawl tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva mfakkra fil-punti 17 u 18 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “tabakk għat-tipjip” ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv.
25
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) ta’ din l-istess direttiva jirriżulta li dan jirrikjedi l-osservanza ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li t-tabakk jiġi mqatta’ jew maqsum mod ieħor, imdawwar jew ippressat f’forma ta’ kaxxi u, min-naħa l-oħra, li jista’ jintuża għat-tipjip mingħajr ipproċessar industrijali ulterjuri.
26
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li t-tabakk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkun imdawwar jew ippressat f’forma ta’ kaxxi.
27
Għalhekk, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk dan jistax jitqies bħala mqatta’ jew maqsum mod ieħor, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/64.
28
F’dan ir-rigward, u fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kliem “imqatta’ u “maqsum” f’din id-direttiva, hemm lok li jsir riferiment, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tagħhom, għas-sens ġenerali u komunement aċċettat tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Sommer Antriebs- und Funktechnik, C‑369/14, EU:C:2015:491, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan il-kliem, li s-sens komuni abitwali tiegħu huwa partikolarment wiesa’, jindika, b’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel, ir-riżultat tal-operazzjoni li tikkonsisti f’li titneħħa parti jew biċċa minn ħaġa bi strument li jaqta’ u, fir-rigward tat-tieni, ir-riżultat ta’ operazzjoni li tikkonsisti f’li ħaġa tiġi żmembrata jew diviża.
29
Konsegwentement, sa fejn il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonsistu, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, f’weraq tat-tabakk li z-zokk tagħhom tneħħa parzjalment, dawn il-prodotti għandhom jitqiesu bħala tabakk imqatta’ jew maqsum mod ieħor, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/64.
30
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ipproċessar industrijali”, użat fl-imsemmi Artikolu 5(1)(a), dan il-kunċett jirrigwarda komunement l-ipproċessar, abitwalment fuq skala kbira, skont proċess standardizzat, ta’ materja prima u beni materjali.
31
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, essenzjalment, li ma jikkostitwixxux “ipproċessar industrijali” manipolazzjonijiet ħfief, intiżi li jrendu prodott tat-tabakk mhux ipproċessat f’pożizzjoni li jiġi mpejjep, bħal dawk li jikkonsistu sempliċement f’li jiddaħħal roll tat-tabakk f’tubu ta’ sigarett (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-24 ta’ Settembru 1998, Brinkman, C‑319/96, EU:C:1998:429, punti 18 u 20, kif ukoll tal-10 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑197/04, EU:C:2005:672, punti 31 u 32).
32
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tabakk immanifatturat li huwa f’pożizzjoni jew li jista’ faċilment isir f’pożizzjoni, permezz ta’ mezzi mhux industrijali, li jiġi mpejjep, għandu jitqies li jista’ jiġi mpejjep mingħajr “ipproċessar industrijali” ulterjuri, “fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/64.
33
F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu suġġetti għal proċess ta’ tnixxif primarju u ta’ umidifikazzjoni kkontrollata ulterjuri, jinkludu l-gliċerina u jistgħu jiġu mpejpa wara pproċessar elementari li jikkonsisti f’li jiġu midħuna jew imqatta’ bl-idejn. Suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher għalhekk li dawn il-prodotti jissodisfaw ukoll it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza u, għaldaqstant, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “tabakk għat-tipjip”, kif iddefinit fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/64.
34
F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ma jikkostitwixxux tabakk imqatta’ fin għat-trembil tas-sigaretti, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(c)(i) ta’ din id-direttiva, tali prodotti għandhom għalhekk jitqiesu li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “tabakk ieħor għat-tipjip”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(c)(ii) tal-imsemmija direttiva.
35
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 2(1)(c), u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li weraq tat-tabakk imnixxfin, iċċattjati, b’parti irregolari li z-zokk tagħhom tneħħa parzjalment, li għaddew minn proċess ta’ tnixxif primarju u ta’ umidifikazzjoni kkontrollata ulterjuri, li jinkludu l-gliċerina li jistgħu jiġu mpejpa wara li jkun sar ipproċessar elementari li jikkonsisti fid-dħin jew fit-tqattigħ tagħhom bl-idejn, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “tabakk għat-tipjip”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
36
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
37
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 2(1)(c), u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE, tal-21 ta’ Ġunju 2011, dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, għandhom jiġu interpretati fis-sens li weraq tat-tabakk imnixxfin, iċċattjati, b’parti irregolari li z-zokk tagħhom tneħħa parzjalment, li għaddew minn proċess ta’ tnixxif primarju u ta’ umidifikazzjoni kkontrollata ulterjuri, li jinkludu l-gliċerina li jistgħu jiġu mpejpa wara li jkun sar ipproċessar elementari li jikkonsisti fid-dħin jew fit-tqattigħ tagħhom bl-idejn, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “tabakk għat-tipjip”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.
Full & Egal Universal Law Academy