16.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 89/13
Appell ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2015 mir-Renju ta’ Spanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-13 ta’ Novembru 2014 fil-Kawża T-481/11, Spanja vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-26/15 P)
(2015/C 089/14)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellant: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: A. Rubio González, aġent)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellant
—
tilqa’ dan l-appell u tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Novembru 2014, fil-Kawża T-481/11, Spanja vs Il-Kummissjoni;
—
tannulla l-ħames inċiż tal-punt VI D tal-parti 2 tal-Anness I, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (1), tas-7 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat;
—
li l-intimata tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni. L-argumenti li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali ma humiex kompatibbli mal-ħtieġa ta’ ċarezza u ta’ nuqqas ta’ ambigwità li għandu jkollha l-motivazzjoni ta’ regolament sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali mliet lakuni fil-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat u ssotitwixxiet l-motivazzjoni tal-att ikkontestat b’dik tagħha stess.
Żball ta’ liġi fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-argumenti magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq din il-kwistjoni ma humiex ibbażati fuq kriterji xierqa sabiex isir paragun. Il-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fuq fatt allegatament magħruf, li ma għandu l-ebda bażi fattwali u xjentifika, bħad-distinzjoni bejn il-frott tal-ġilda ħoxna u dak tal-ġilda rqiqa u l-inklużjoni tal-frott taċ-ċitru fl-ewwel kategorija.
Żball ta’ liġi fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali li jikkonċerna l-proporzjonalità ta’ restrizzjoni fuq il-kummerċ ta’ oġġetti imposta minn istituzzjoni għandu jsir fid-dawl tad-diskrezzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha skont il-ġurisprudenza Tetra Laval (2). Minn naħa, ma stħarrġitx adegwatament ir-rilevanza u l-adegwatezza tal-provi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda dwar il-motivi li jiġġustifikaw raġunijiet għar-restrizzjoni. Min-naħa l-oħra, ma eżaminatx korrettement il-konklużjonijiet li jinsiltu minn tali data, b’tali mod li r-restrizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jitlaħaq l-għan segwit.
(1) ĠU L 157, p. 1.
(2) Sentenza tal-15 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, (C-12/03 P, EU:C:2005:87), punt 39.
Full & Egal Universal Law Academy