27.4.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 138/29
Appell ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2015 minn Simba Toys GmbH & Co. KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fil-25 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-450/09 – Simba Toys GmbH & Co. KG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-30/15 P)
(2015/C 138/41)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Simba Toys GmbH & Co. KG (rappreżentant: O. Ruhl, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Seven Towns Limited
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza Simba Toys vs UASI – Seven Towns mogħtija fil-25 ta’ Novembru 2014 fil-Kawża T-450/09;
—
tannulla d-deċiżjoni mogħtija mit-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) fl-1 ta’ Settembru 2009 (Każ 1526/2008 – 2);
—
tikkundanna lill-UASI u lil Seven Towns Limited għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u tal-proċedura tal-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka sitt aggravji: l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 (1). It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94. Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (2).
L-ewwel aggravju huwa diviż fi ħdax-il parti: rekwiżit żbaljat ta’ “teħid inkunsiderazzjoni b’mod preċiż”; nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-prodotti li diġà jeżistu fis-suq; konklużjonijiet dwar l-iżvelar tar-rappreżentazzjoni tat-trademark ibbażati fuq distorzjoni tal-fatti u tal-provi; interpretazzjoni ristrettiva wisq tal-kriterju ta’ “funzjoni teknika”; nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-assenza ta’ karatteristiċi essenzjali arbitrarji; kunsiderazzjonijiet żbaljati marbuta mal-interess ġenerali; evalwazzjoni legali żbaljata tar-rilevanza tal-assenza ta’ forom alternattivi; konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ forom alternattivi bbażati fuq distorzjoni tal-fatti u tal-provi; kriterji legali żbaljati fir-rigward tal-kawżalità u r-riżultat tal-funzjoni teknika; nuqqas ta’ rilevanza tal-possibbiltà ta’ kubi li ma jinkludux linji viżibbli; konklużjoni żbaljata li testendi l-allegata natura mhux funzjonali ta’ sub-kategorija ta’ prodotti għall-prodotti l-oħra kollha li għalihom ġiet irreġistrata trademark.
It-tieni aggravju huwa kompost minn parti waħda biss: nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-elementi essenzjali huma funzjonali.
It-tielet aggravju huwa kompost minn parti waħda biss: nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-elementi essenzjali jagħtu valur sostanzjali lill-prodott.
Ir-raba’ aggravju huwa diviż fi ħdax-il parti: evalwazzjoni legali żbaljata tal-oneru tal-prova; analiżi żbaljata tal-elementi individwali tat-trademark ikkontestata; nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tan-natura teknika tal-elementi individwali; invokazzjoni skorretta tar-regoli tas-settur ikkonċernat biss; kriterju “spontanjament” żbaljat; konklużjoni żbaljata li testendi l-allegata natura mhux funzjonali ta’ sub-kategorija ta’ prodotti għall-prodotti l-oħra kollha li għalihom ġiet irreġistrata trademark; applikazzjoni skorretta tal-kriterju tal-“forma inqas probabbli”; rifjut ta’ kubu maġiku bħala forma l-iktar probabbli bbażat fuq distorzjoni tal-fatti u tal-provi; evalwazzjoni żbaljata tal-karattru distintiv unikament mill-perspettiva tal-konsumatur; rifjut żbaljat li jittieħdu inkunsiderazzjoni prodotti speċifiċi li effettivament huma fis-suq; kriterji legali żbaljati sabiex tiġi evalwata r-rilevanza tal-prodotti li huwa diġà fis-suq.
Il-ħames aggravju huwa diviż fi tmien partijiet: rekwiżit “mingħajr ambigwità” żbaljat; rekwiżit “spontanjament” żbaljat; interpretazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ “rabta suffiċjentement diretta u konkreta”; analiżi żbaljata tal-karattru deskrittiv fir-rigward biss tal-formulazzjoni ġenerali tal-prodotti; definizzjoni żbaljata tal-pubbliku rilevanti; evalwazzjoni żbaljata tal-konoxxenza tal-pubbliku; nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-iżviluppi futuri; evalwazzjoni żbaljata tal-interess ġenerali permezz ta’ riferiment żbaljat għal forom alternattivi.
Is-sitt aggravju huwa kompost minn parti waħda biss: konstatazzjonijiet fattwali żbaljati mingħajr provi.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas- 26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy