4.5.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 146/13
Appell ippreżentat fl-4 ta’ Frar 2015 minn BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-4 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-595/13 – BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-43/15 P)
(2015/C 146/20)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH (rappreżentant: S. Biagosch, avukat)
Parti fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-4 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-595/13;
—
tannulla d-deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-5 ta’ Settembru 2013 u tat-3 ta’ Diċembru 2013 (Każ R 1176/2012-1);
sussidjarjament
—
tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż taż-żewġ proċeduri.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa ppreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiċħad ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-5 ta’ Settembru 2013 fil-Każ R 1176/2012-1.
L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq żewġ aggravji:
L-ewwel nett, l-appellanti tinvoka l-ksur tal-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (1), minħabba li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi li l-Bord tal-Appell ma setax ibiddel id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni b’dannu għar-rikorrenti peress li ma kien jeżisti ebda appell ammissibbli ppreżentat mill-parti l-oħra fil-proċedura u li l-Artikolu 8(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bordijiet tal-Appell ma jippevedix “appell inċidentali”.
It-tieni nett, l-appellanti tinvoka l-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 sa fejn f’każ li fih it-trade mark preċedenti tinkludi bidla faċilment rikonoxxibbli ta’ indikazzjoni deskrittiva u t-trade mark sussegwenti tinkludi hija stess l-indikazzjoni deskrittiva, anki l-eżistenza ta’ xebh sinjifikattiv bejn is-sinjali u l-identiċità tal-prodotti ma tistax tippermetti li jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, jekk ix-xebh tas-sinjali huwa limitat għall-indikazzjonijiet deskrittivi u jikkonċerna biss prodotti li huma deskritti mill-indikazzjoni.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy