11.5.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 155/11
Appell ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2015 minn Heli-Flight GmbH & Co. KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fil-11 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-102/13, Heli-Flight GmbH & Co. KG vs L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA)
(Kawża C-61/15 P)
(2015/C 155/12)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Heli-Flight GmbH & Co. KG (rappreżentant: T. Kittner, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA)
Talbiet
1.
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2014 fil-kawża Heli-Flight GmbH & Co. KG vs L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA), u tannulla d-deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2012 tal-appellata, innotifikata lill-appellanti, li tiċħad it-talba tagħha sabiex tikseb l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ titjir għal ħelikopter tat-tip Robinson R66 (Nru tas-serje 0034);
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2014 fil-kawża Heli-Flight GmbH & Co. KG vs L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA) u tordna li l-appellanti tingħata kumpens għad-dannu li l-EASA kkawżatilha meta adottat din id-deċiżjoni ta’ ċaħda;
2.
Sussidjarjament
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u d-deċiżjoni msemmija fil-punt 1 sa fejn id-deċiżjoni tal-appellata ġiet ikkonfermata;
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 1 sa fejn id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-appellata tas-17 ta’ Diċembru 2012, AP/01/2012, innotifikata lill-appellanti fis-27 ta’ Diċembru 2012, ġiet ikkonfermata;
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 1 u tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-appellata sa fejn:
—
id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-appellata ġiet ikkonfermata;
—
l-appellanti ġiet ikkundannata għall-ispejjeż,
u tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza mir-rikorrenti u mill-appellanti.
3.
Iktar sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 1 u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.
4.
Tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż tal-proċedura.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kklassifikat mill-ġdid ir-rikors għal annullament tal-appellanti u qieset li dan kien indirizzat biss kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, u b’hekk kisret l-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- 20 ta’ Frar 2008.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ eżami ex officio meta bbażat ruħha unikament fuq l-allegazzjonijiet tal-partijiet għal dak li jirrigwarda l-eżami tal-fatti. B’mod partikolari, hija ma indirizzatx il-kwistjoni dwar jekk il-ħelikopter tat-tip Robinson R66 setax jew le jtir mingħajr periklu.
Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi annullata wkoll peress li din tikser id-dritt sostantiv tal-Unjoni billi applikat bi żball il-prinċipji tal-istħarriġ tal-“evalwazzjoni ekonomika kumplessa” għas-sitwazzjoni legali ineżami f’din il-kawża. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt (b’mod partikolari s-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, T-201/04 (2), punti 87 et seq) ma għandhix tiġi applikata f’dan il-każ. Din il-kawża la tikkonċerna r-regoli tal-kompetizzjoni u lanqas id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Il-kwistjoni lanqas ma tirrigwarda “kwistjoni teknika kumplessa”, għaliex la l-appellata u lanqas il-Bord tal-Appell ma indirizzaw tali kwistjonijiet.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tqis li ma setgħetx tiġi stabbilita r-responsabbiltà għad-danni mingħajr ma jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens kif iddefinit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. L-iżbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet fir-rigward tar-rikors għal annullament komplew meta hija ċaħdet l-azzjoni għal kumpens. Peress li l-Qorti Ġenerali kellha tilqa’ finalment l-annullament kemm tad-deċiżjoni inizjali kif ukoll tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, hija kellha tilqa’ wkoll l-azzjoni għal kumpens.
(1) Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, p. 1).
(2) EU:T:2007:289.
Full & Egal Universal Law Academy