4.5.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 146/14
Appell ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2015 minn DTL Corporación, S.L. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-176/13, DTL Corporación vs UASI
(Kawża C-62/15 P)
(2015/C 146/22)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: DTL Corporación, S.L. (rappreżentant: A. Zuazo Araluze, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet
—
tannulla parzjalment, fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha fil-klassijiet 9 u 37, id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-24 ta’ Jannar 2013 fil-Każ R 661/2012-4, li tiċħad l-appell mir-rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 8830821 “Generia”;
—
tikkundanna lill-UASI u lill-partijiet l-oħra li jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ dan tal-aħħar f’dan l-appell għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali: ir-Raba’ Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni tiegħu tal-24 ta’ Jannar 2013 fil-Każ R 661/2012-4, bidel il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li ċaħdet l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 8830821 “Generia” għall-klassijiet 9 u 37. Fil-fatt, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet ibbażat din iċ-ċaħda fuq ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi fil-klassijiet 9 u 37 u l-prodott tal-opponenti fil-klassi 7. Il-Bord tal-Appell min-naħa tiegħu kkonferma ċ-ċaħda, iżda abbażi tax-xebh bejn dawn il-prodotti u servizzi fil-klassijiet 9 u 37 u s-servizzi tal-opponenti fil-klassi 40 tat-trade mark tal-opponenti. B’dan il-mod, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell kisret l-Artikolu 64(1) tar-Regolament tal-Kunsill (1) (KE) Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, peress li s-servizzi tat-trade mark tal-opponenti fil-klassi 40 qatt ma ġew invokati bħala oppożizzjoni għall-prodotti u għas-servizzi fil-klassijiet 9 u 37 tat-trade mark li għaliha saret oppożizzjoni (minkejja li ġew invokati kontra servizzi ta’ klassijiet oħra). Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni kisret l-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, peress li l-parti li issa hija l-appellanti ma ġietx mistiedna tippreżenta osservazzjonijiet dwar dan il-bdil ta’ motivazzjoni. Fis-sentenza appellata tqies li l-proċedura segwita kienet skont id-dritt, u dan jippreżupponi ksur tad-dritt tal-Unjoni (Artikoli 64(1) u 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 fuq it-trade mark Komunitarja).
(1) ĠU L 78, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy