30.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 107/20
Appell ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2015 mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-6 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-71/15, Kendrion vs L-Unjoni Ewropea
(Kawża C-71/15 P)
(2015/C 107/29)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Appellanti: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: A. V. Placco u E. Beysen, aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: Kendrion NV
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-479/15, Kendrion vs L-Unjoni Ewropea;
—
tilqa’ t-talbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“QĠUE”) imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali inkonformità mal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u għaldaqstant
—
prinċipalment, filwaqt li taqta’ definittivament it-tilwima, tiddikjara inammissibbli r-rikors għad-danni ppreżentat minn Kendrion NV minħabba li huwa ppreżentat kontra l-QĠUE (bħala rappreżentanti tal-Unjoni);
—
sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-fatt li r-rikors imsemmi huwa ppreżentat kontra l-QĠUE u mhux kontra l-Kummissjoni (bħala rappreżentantital-Unjoni) ma jaffettwax l-ammissibbiltà tiegħu iżda li l-Qorti Ġenerali, fid-deċiżjoni tagħha dwar il-kwistjoni proċedurali mqajma quddiemha mill-QĠUE, kien imissha ordnat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi ssostitwita bil-Kummissjoni bħala konvenuta, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar ir-rikors għad-danni ta’ Kendrion fid-dawl tal-evalwazzjoni legali tal-Qorti tal-Ġustizzja;
—
tikkundanna lil Kendrion NV għall-ispejjeż tal-proċedura tal-ewwel istanza u tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Jannar 2015, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħdet it-talba mressqa mill-QĠUE bis-saħħa tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-imsemmija Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-Kawża T-479/14, Kendrion vs Il-Qorti tal-Ġustizzja. It-talba ta’ din l-istituzzjoni kienet intiża, prinċipalment, sabiex jiġi ddikjarat inammissibbli r-rikors ta’ Kendrion NV li kien ġie nnotifikat lilha bħala konvenuta u li permezz tiegħu din il-kumpannija kienet qiegħda tinvoka r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni sabiex tikseb kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba li l-Qorti Ġenerali kienet naqset milli tosserva terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-Kawża T-54/06, Kendrion vs Il-Kummissjoni. Sussidjarjament, f’din it-talba l-QĠUE qajmet kwistjoni proċedurali li permezz tagħha talbet lill-Qorti Ġenerali tordna li tiġi ssostitwita bil-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni”) bħala konvenuta. F’dan il-kuntest, il-QĠUE sostniet li r-rikorrenti kien imissha ppreżentat ir-rikors tagħha kontra l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni u mhux mill-QĠUE. Fid-digriet iċċitat iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma qablitx mal-QĠUE dwar dan il-punt.
Il-QĠUE qiegħda preżentement tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja appell bis-saħħa tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-QĠUE intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet. Insostenn ta’ dan l-appell, il-QĠUE tinvoka n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar ir-rappreżentanza tal-Unjoni quddiem il-qrati tagħha u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
Fil-kuntest tal- ewwel aggravju, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar ir-rappreżentanza tal-Unjoni quddiem il-qrati tagħha , il-QĠUE tosserva li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita li torganizza r-rappreżentanza tal-Unjoni quddiem il-qrati tagħha fil-kuntest ta’ kawżi mressqa bis-saħħa tal-Artikolu 268 TFUE sabiex tiġi invokata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, ir-regoli dwar tali rappreżentanza għandhom jiġu dedotti minn prinċipji ġenerali li jirregolaw l-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja kif ukoll il-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qorti.
Dan l-ewwel aggravju tal-QĠUE huwa maqsum f’żewġ partijiet, jiġifieri n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti marbuta mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, minn naħa, u n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti marbuta mal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qorti, min-naħa l-oħra.
Fil-kuntest tal-ewwel parti, il-QĠUE tosserva li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li hija l-QĠUE li għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-kuntest tar-rikors għad-danni ċċitati iktar ’il fuq hija bbażata b’mod ċar fuq il-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza Werhahn Hansamühle et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (63/72 sa 69/72, EU:C:1973:121, iktar ’il quddiem is-“sentenza Werhahn et”). Is-soluzzjoni adottata f’din il-ġurisprudenza timplika li, meta r-responsabbiltà tal-Komunità, li saret l-Unjoni, tkun stabbilita minħabba fatt attribwibbli lil waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, hija għandha tkun irrappreżentata quddiem il-qorti tal-Unjoni mill-istituzzjoni jew istituzzjonijiet li lilha jew lilhom ikun attribwibbli l-fatt li jwassal għar-responsabbiltà. Il-QĠUE tosserva li din is-soluzzjoni ma tistax tapplika għall-kawża ineżami peress li twassal, minħabba diversi fatturi, għal sitwazzjoni li tirriżulta kuntrarja għall-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li, skont it-termini espliċiti tas-sentenza Werhahn et, hija r-raġuni li tiġġustifika l-imsemmija soluzzjoni. F’dan il-kuntest, il-QĠUE qiegħda tinvoka wkoll, inċidentalment, in-nuqqas ta’ osservanza tal-portata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE u tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 966/2012 (1), liema dispożizzjonijiet jipprovdu li l-Qorti Ġenerali kien imissha rrikonoxxiet il-prinċipju li kumpens bħal dak mitlub fil-kawża ineżami għandu jiġi imputat fil-parti tal-baġit li tikkonċerna lill-Kummissjoni.
Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-QĠUE, filwaqt li tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta’ Lulju 2008, Mihalkov vs Il-Bulgarija (Applikazzjoni Nru 67719/01), issostni li l-Qorti Ġenerali ma osservatx ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qorti meta qieset li l-QĠUE kellha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-kuntest tar-rikors għad-danni ppreżentat minn Kendrion. Fil-fatt, peress li, fil-kawża ineżami, minn naħa, il-fatt li jwassal għar-responsabbiltà allegata seħħ fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji ta’ kulleġġ ġudikanti u peress li, min-naħa l-oħra, il-kulleġġ ġudikanti mitlub jieħu konjizzjoni tal-kawża (i) jaqa’ taħt l-istess qorti (il-Qorti Ġenerali) bħall-kulleġġ ġudikanti li lilu huwa attribwibbli l-fatt li wassal għar-responsabbiltà u (ii) jagħmel parti integrali mill-konvenuta f’din il-kawża (il-QĠUE), li magħha l-Imħallfin tagħha huma professjonalment marbuta, ir-rekwiżiti ċċitati iktar ’il fuq huma kompromessi, u dan iktar u iktar jekk, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, kumpens bħal dak mitlub ikollu jiġi imputat fil-parti tal-baġit li tikkonċerna lill-QĠUE.
Fil-kuntest tat- tieni aggravju tagħha, il-QĠUE ssostni li d-digriet appellat kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba li ma jinkludix rifjut speċifiku tal-linja ta’ argumenti dwar il-portata tas-sentenza Kendrion vs Il-Kummissjoni (C-50/12 P, EU:C:2013:771), li l-QĠUE kienet żviluppat quddiem il-Qorti Ġenerali.
(1) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- 25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy