27.4.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 138/40
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Markkinaoikeus (il-Finlandja) fid-19 ta’ Frar 2015 – Viiniverla Oy vs Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto
(Kawża C-75/15)
(2015/C 138/54)
Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż
Qorti tar-rinviju
Markkinaoikeus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Viiniverla Oy
Konvenuta: Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto
Domandi preliminari
1)
Fl-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk hemmx evokazzjoni fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (1), għandu jsir riferiment għall-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat?
2)
Fl-evalwazzjoni tal-projbizzjoni li tintuża d-denominazzjoni “Verlados” għall-ispirtu tas-sîdru kkummerċjalizzat taħt dan l-isem fit-territorju nazzjonali, sabiex tiġi protetta l-indikazzjoni ġeografika Calvados, liema importanza għandha tingħata lill-fatti msemmija hawn taħt fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 u tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament:
a.
il-bidu tad-denominazzjoni “Verlados” jikkorrispondi għall-isem tal-villaġġ Finlandiż ta’ Verla, u dan l-isem jista’ jiġi rrikonoxxut mill-konsumatur Finlandiż;
b.
l-element “Verla”, li bih tibda d-denominazzjoni “Verlados”, jirreferi għall-impriża Viiniverla Oy, li timmanifattura l-prodott “Verlados”;
c.
il-Verlados huwa prodott lokali mmanifatturat fil-villaġġ ta’ Verla, u minnu jinbiegħ medja ta’ mijiet ta’ litri fis-sena fir-ristorant tal-proprjetà, u li jista’, barra minn hekk, jinkiseb minnu fuq ordni, f’miżura limitata, mal-impriża tal-Istat ta’ distribuzzjoni ta’ xorb alkoħoliku prevista mil-liġi dwar l-alkoħol;
d.
it-termini “Verlados” u “Calvados” għandhom biss sillaba waħda, minn tlieta, komuni (dos) iżda, min-naħa l-oħra, l-aħħar erba’ ittri (ados) ta’ kull waħda miż-żewġ kelmiet, jiġifieri nofs in-numru totali tagħhom, huma identiċi?
3)
Jekk jitqies li hemm “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, jista’ madankollu jiġi awtorizzat l-użu tad-denominazzjoni “Verlados” għal waħda mir-raġunijiet iċċitati iktar ’il fuq jew għal raġuni oħra, bħal dik marbuta mal-fatt li almenu ma hemmx ir-riskju li l-konsumatur Finlandiż jaħseb li l-prodott “Verlados” huwa ffabbrikat fi Franza?
(1) ĠU L 39, p. 16.
Full & Egal Universal Law Academy