27.4.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 138/41
Appell ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2015 mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-409/14, Marcuccio vs L-Unjoni Ewropea u Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-77/15 P)
(2015/C 138/55)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (rappreżentant: A.V. Placco, aġent)
Parti oħra fil-proċedura: Luigi Marcuccio
Talbiet
—
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Jannar 2015 mogħti fil-Kawża T-409/14, Marcuccio vs L-Unjoni Ewropea u Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-parti fejn jiċħad it-tieni, it-tielet u r-raba’ kapi tat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“QĠUE”) ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar;
—
tilqa’ dawn il-kapi tat-talba, u għalhekk
—
tiddeċiedi definittivament it-tilwima billi tiċħad ir-rikors għad-danni ppreżentat minn L. Marcuccio inkwantu dan huwa inammissibbli peress li dan huwa indirizzat kontra l-QĠUE (bħala rappreżentanti tal-Unjoni);
—
sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-fatt li tali rikors sar kontra l-QĠUE u mhux kontra il-Kummissjoni (bħala rappreżentanti tal-Unjoni) ma jaffettwax l-ammissibbiltà tiegħu, iżda li l-Qorti Ġenerali kellha, meta ppronunzjat ruħha fuq il-punt ta’ proċedura mqajjem quddiemha mill-QĠUE, tordna li l-QĠUE tiġi ssostitwita bil-Kummissjoni bħala konvenuta, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi t-talba ta’ kumpens għad-danni ta’ L. Marcuccio billi tikkonforma ruħha mal-punti ta’ liġi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi;
—
tikkundanna lil L. Marcuccio għall-ispejjeż sostnuti mill-QĠUE fil-proċedura tal-ewwel istanza u fil-proċedura tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Fl-ambitu tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tar-regoli relatati mar-rappreżentanza tal-Unjoni quddiem il-qrati tagħha, il-QĠUE tirrileva li, peress li ebda dispożizzjoni espressa ma tirregola speċifikament ir-rappreżentanza tal-Unjoni quddiem il-qrati tagħha fl-ambitu ta’ azzjonijiet imressqa skont l-Artikolu 268 TFUE għall-finijiet ta’ dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, ir-regoli marbuta ma’ tali rappreżentanza għandhom jitnisslu mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qorti.
Il-QĠUE tiżviluppa dan l-ewwel aggravju f’żewġ partijiet li jirrigwardaw, minn naħa waħda, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qorti. Fl-ambitu tal-ewwel aggravju, il-QĠUE tosserva li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li huwa l-kompitu tal-QĠUE li tirrappreżenta lill-Unjoni fil-kuntest tal-imsemmi rikors għad-danni, hija bbażata fuq il-ġurisprudenza li nbdiet mis-sentenza Werhahn Hansamühle et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (minn 63/72 sa 69/72, EU:C:1973:121, iktar ’il quddiem is-“sentenza Werhahn et”). Is-soluzzjoni adottata f’dik il-ġurisprudenza u li tipprovdi li, meta l-Komunità, u issa l-Unjoni, tiġi msejħa biex twieġeb għall-azzjoni ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, din tiġi rrappreżentata quddiem il-qorti tal-Unjoni mill-istituzzjoni (jew mill-istituzzjonijiet) li lilha (jew lilhom) l-azzjoni li tagħti lok għal responsabbiltà tkun imputabbli. Madankollu, il-QĠUE ssostni li tali soluzzjoni ma kellhiex tiġi applikata għal din il-kawża, peress li, fid-dawl ta’ diversi elementi, ir-riżultat ikun fil-fatt kuntrarju għall-interessi tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li, kif jirriżulta b’mod espliċitu mis-sentenza Werhahn et, hija r-raġuni prinċipali ta’ din is-soluzzjoni. F’dan il-kuntest il-QĠUE tiddeduċi wkoll, inċidentalment, nuqqas ta’ rikonoxximent tal-portata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE u tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 966/2012 (1), li fuq il-bażi tagħha l-Qorti Ġenerali aċċettat il-prinċipju tal-imputazzjoni ta’ kumpens bħal dak mitlub f’dan il-każ għall-parti mill-baġit tal-Unjoni marbuta mal-Kummissjoni.
Fl-ambitu tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-QĠUE sosstni, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta’ Lulju 2008, Mihalkov vs Il-Bulgarija (Applikazzjoni Nru 67719/01), li l-Qorti Ġenerali, meta qieset li l-QĠUE kellha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-kuntest tar-rikors għad-danni ta’ L. Marcuccio, marret kontra r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità oġġettiva tal-qorti. Fil-fatt, mill-mument li, minn naħa, l-azzjoni li tat lok għall-allegata responsabbiltà seħħet fil-qadi tal-funzjonijiet ġudizzjarji ta’ kulleġġ ġudikanti u li, min-naħa l-oħra, il-kulleġġ ġudikanti mitlub jippronuzja ruħu fuq il-kawża i) jappartjeni għall-istess korp ġudizzjarju (il-Qorti Ġenerali) li għalih jappartjeni l-kulleġġ ġudikanti li lilu hija imputata l-azzjoni li twassal għar-responsabbiltà u ii) jifforma parti integrali mill-konvenuta fl-istess kawża (il-QĠUE), li magħha l-imħallfin tal-istess kulleġġ ġudikanti huma professjonalment marbuta, ir-rekwiżiti hawn fuq imsemmija jkunu kompromessi, u dan iktar u iktar fil-każ li, kif qieset il-Qorti Ġenerali, kumpens bħal dak mitlub f’dan il-każ kellu jiġi imputat lill-parti mill-baġit marbuta mal-QĠUE.
Il-QĠUE ssostni wkoll, fl-ambitu tat-tieni aggravju, li, fin-nuqqas ta’ konfutazzjoni speċifika tal-argumentazzjoni li l-QĠUE esponiet quddiem il-Qorti Ġenerali u li kienet ibbażata fuq il-portata ta’ sensiela ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja – inklużi s-sentenzi Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C-58/12 P, EU:C:2013:770), Gascogne Sack vs Il-Kummissjoni (C-40/12 P, EU:C:2013:768) u Kendrion vs Il-Kummissjoni (C-50/12 P, EU:C:2013:771) – id-digriet appellat huwa vvizzjat bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
(1) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy